Fil-jiem tal-Festa ta’ San Ġorġ din is-sena seta’ jibda jitgawda l-frott ta’ diversi proġetti ġodda u oħrajn ta’ manutenzjoni u restawr għall-benefiċċju tal-Parroċċa tagħna.

Qabelxejn, issa ilu għaddej għal diversi xhur ix-xogħol fuq lift li jgħaqqad flimkien il-livelli ta’ Triq Karità u d-daħla minnha għaċ-Ċentru Parrokkjali ma’ dak tas-Sala Parrokkjali, li sservi għal diversi laqgħat matul is-sena. Dan hu proġett meħtieġ ħafna biex tiżdied l-aċċessibbiltà fl-istess Ċentru, u x-xogħol fuqu qed ikompli għaddej f’dawn il-jiem tas-sajf.

 

Fil-jiem tan-Novena rajna wkoll it-tlestija tal-proċess ta’ konservazzjoni u restawr meħtieġ fuq ix-xbieha tas-Santissmu Kurċifiss, li issa reġgħet iddendlet fil-post ta’ qima tagħha fil-Bażilika fil-Kappella ta’ San Pawl. Ix-xogħol sar b’mod mill-aktar xjentifiku mir-restawratur Għawdxi Dun Charles Vella. Il-Kurċifiss ta’ Pietru Pawl Azzopardi din is-sena qed jagħlaq 175 sena.

 

Fl-aħħar jiem tal-Festa nfetħet ukoll għat-tgawdija tal-pubbliku l-Kappella Neo-Biżantina tas-Santissmu Sagrament, fejn qed jitwaħħal il-mużajk meraviljuż fuq stil Biżantin klassiku, xogħol li sar f’Ravenna minn kumpanija li tispeċjalizza f’dan it-tip ta’ xogħol, fuq id-disinn mirqum tal-Perit Vincent Centorrino. Dan sar biex in-nies li jżuru l-Bażilika, imma fuq kollox il-parruċċani u benefatturi, setgħu jaraw ix-xogħol ġdid tal-pavimentar kożmatesk li twaħħal f’dawk l-aħħar jiem, fih innifsu opra tal-arti unika f’pajjiżna u imprezzabbli. Xi mużajk mal-ħitan u s-saqaf ukoll hu mwaħħal u lest, waqt li ieħor għadu qed jinħadem u mistenni jsib postu fix-xhur li ġejjin.

 

Hekk kif fl-ewwel jiem ta’ Lulju l-Bażilika libset il-libsa festiva fost l-oħrajn bit-twaħħil tad-damask, b’sodisfazzjon rajna jibda wkoll il-proġett ambizzjuż, tant mixtieq u meħtieġ, tad-damask il-ġdid. L-ewwel xogħol li tlesta u twaħħal fuq il-post kien id-damask tal-palma fuq l-erba’ pilastri maġġuri tal-korsija.

 

Dawn il-proġetti kollha jitolbu kontinwament l-għajnuna tal-parruċċani. Għaldaqstant, int tista’ tgħin billi tissieħeb fl-iskema Ġorġjani s-sena kollha.  Wieħed jista’ wkoll jibgħat id-donazzjoni tiegħu onlajn.