Omelija fil-Festa titulari ta’ San Ġorġ Martri
Bażilika ta’ San Ġorġ Martri, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 16 ta’ Lulju 2023
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex
NEĦILSU Ż-ŻGĦAŻAGĦ TAGĦNA MINN ĦALQ ID-DRAGUN
Naħseb li lkoll kemm aħna nafuha l-istorja rrakkuntata fil-Legenda Aurea meta San Ġorġ mal-armata kien għaddej miċ-Ċirinajka, mil-Libja, u jidħol f’belt jisimha Silene – sliem, paċi – u hemmhekk isib tfajla marbuta qed tistenna lid-dragun joħroġ minn għadira biex jiblagħha. Kienet ilha sejra l-istorja, għax ma nafx kemm kienu diġà tefgħu mhux biss nagħaġ, bhejjem, imma wkoll nies, żgħażagħ. San Ġorġ jasal fil-post, u l-ewwel ifieri lid-dragun, imbagħad iqabbad lit-tfajla biex torbot minn rasu d-dragun u tieħdu fiċ-ċentru tal-belt. Hemmhekk lin-nies jgħidilhom li jekk iridu li d-dragun imut, kellhom bżonn jitgħammdu, isiru jafu lil Ġesù, isiru dixxipli ta’ Ġesù. Hekk għamlu. Id-dragun, tgħidilna l-Legenda Aurea, miet. Kieku jien kont nispiċċaha b’mod ieħor! M’iniex xi awtur tal-letteratura, imma kieku kont nispiċċaha li dan id-dragun mhux imut, imma jibqa’ hemm kwiet xi mkien u ma tantx jagħmel ħsara…
Kieku kellu jiġi San Ġorġ illum, jarahom marbutin xi mkien liż-żgħażagħ tagħna? Jarahom fil-periklu bħalma ra lil dik it-tfajla taċ-Ċirinajka? Jew inkella ma kinetx tkun problema? Kieku jiġi San Ġorġ illum, minn liema dragun, minn liema għadu jixtieq jeħles liż-żgħażagħ tagħna, hu li kien żagħżugħ? Tolqotni tassew l-istorja tal-Legenda Aurea, għax spiss hi l-istorja tagħna.
Nistaqsi u ngħid: imma dawn l-abitanti ta’ Silene, għax fettlilhom isibu s-sliem, l-ekwilibriju, il-bilanċ fir-raħal tagħhom billi lil dan id-dragun iżommuh kwiet u jbellgħulu ż-żgħażagħ, u ma offrewx huma lilhom infushom, l-adulti, persuni bħali, bħalna li qegħdin hawn? Għaliex kellhom ikunu ż-żgħażagħ il-ħlas, il-priża, is-sagrifiċċju biex dan ir-raħal, din il-belt iżżomm fis-sliem, ibbilanċjata? Jien nistaqsi u ngħid dalgħodu: min jaf jekk l-istess dinamika, jekk l-istess pjan għadux jiġri llum, fi żmienna, fl-Ewropa tagħna? Jistax ikun li ż-żgħażagħ, din il-ġenerazzjoni ġdida, jistax ikun li għadha proprju din il-vittma tal-arriviżmu, tal-mudell ekonomiku, il-flus l-ewwel u qabel kollox, il-vittma tal-egoċentriżmu tagħna l-adulti? Jistax ikun li dawn iż-żgħażagħ tagħna wkoll jinsabu bħalissa, fi żmienna, f’ħalq tad-dragun?
Meta nirriflettu ftit, minbarra l-ħafna li għall-grazzja ta’ Alla jirnexxu – allaħares le, għax inkella nkunu tassew soċjetà falluta – għaliex hemm ħafna żgħażagħ oħra li jispiċċaw vittma ta’ dipressjoni, ta’ swied, ta’ nuqqas ta’ skop, ta’ nuqqas ta’ dawl, li mhux kapaċi jilmħu raġġ ta’ dawl għal għada? X’inhu jiġri? Possibbli ħtija taż-żgħażagħ? Possibbli ħtija taż-żgħażagħ li f’Silene, fiċ-Ċirinajka, kienu jispiċċaw huma f’ħalq id-dragun, u mhux ħaddieħor, biex is-soċjetà tkun tista’ tibqa’ miexja? Jew dan hu l-frott ta’ sistema li f’din il-ġenerazzjoni għażlet il-vittmi tagħha, biex ħaddieħor, forsi jien, forsi aħna, inkunu moħħna kwiet, trankwilli, għall-ispejjeż ta’ ħajjiet ta’ żgħar, ta’ żgħażagħ li għadhom jibdew il-ħajja?
Għalfejn nilmentaw mid-droga? Għalfejn nilmentaw mid-dipendenza, mill-addictions għall-midja soċjali? Għalfejn dawn iż-żgħażagħ tagħna ħafna drabi jqumu filgħodu – jekk iqumu! – u ma jafux x’se jagħmlu b’ħajjithom? X’inhi r-raġuni? Possibbli hi kollha kemm hi ħtija tagħhom? Jew forsi rridu aħna lkoll nerfgħu r-responsabbiltà ta’ dan li qed jiġri? Jekk iż-żgħażagħ tagħna qed ifittxu d-droga, hija x-xewqa tagħhom, biex ma jibqgħux iħossu, biex ma jibqgħux jifhmu, biex ma jibqgħux jaħsbu dwar dak li għaddejjin minnu? Jekk iż-żgħażagħ tagħna qed ifittxu l-midja soċjali, jistax ikun li dawn qegħdin kontinwament ifittxu relazzjonijiet awtentiċi, relazzjonijiet ta’ veru, persuni li magħhom jistgħu jikkonfrontaw b’sinċerità, b’awtentiċità, u mhumiex isibu? Jistax ikun li x-xewqa tal-mezzi tal-komunikazzjoni, li din id-dipendenza, din ir-rabta marida mal-mowbajl, mat-tablets, mal-kompjuter u l-bqija, mhix għajr xewqa profonda li dawn iż-żgħażagħ għandhom biex jiltaqgħu verament, biex jaqsmu l-ħajja tagħhom, il-ħsibijiet tagħhom, il-preokkupazzjoni tagħhom, ix-xewqat tagħhom ma’ persuni li tassew jisimgħuhom, u forsi ma għadhomx isibu? U forsi aħna tant għandna x’nagħmlu, aħna l-adulti tant imħabbtin bid-dinja tax-xogħol, tant imħabbtin biex naqilgħu l-flus għaż-żgħar, għaż-żgħażagħ tagħna, li ma baqgħalniex ħin, u forsi għadna ma nafux kif nisimgħuhom.
Jistax ikun li din id-droga misħuta, li qed teqred u tisħet il-ħajjiet ta’ ħafna, mhux biss qed tmiss lil dawk li nafu bihom, dawk li jispiċċaw f’ċentri fejn imbagħad iridu jsibu mod kif jiddiljaw mad-droga fil-ħajja tagħhom, imma wkoll iż-żgħażagħ normali, li tattakkalhom, forsi mingħajr ma jindunaw, il-funzjoni tal-moħħ tagħhom, tal-intelliġenza tagħhom, u tfixkilhom minn futur iktar sabiħ, mill-futur li jagħtihom iktar sodisfazzjonijiet, mill-futur li jista’ jkun aktar utli għalina lkoll, is-soċjetà?
Jistax ikun dan kollu minħabba l-fatt li, kif qalilna Ġesù fl-Evanġelju (Ġw 15:1-8), ir-relazzjonijiet, il-fergħa u d-dielja, m’għadhomx tant marbutin flimkien? Jistax ikun li sa minn meta jkunu żgħar, iż-żgħażagħ tagħna ma għadhomx jafu x’jiġifieri u xi jfisser tistenna? Jistax ikun li ż-żgħażagħ tagħna sa minn meta għadhom żgħar ma jafux x’jiġifieri tippjana għal skop? Imbagħad isibu ruħhom fl-età taż-żgħożija, li diġà minnha nfisha hija problematika, tlaqqa’ liż-żgħażagħ mal-iżvilupp interjuri, mal-iżvilupp intern; id-diffikultà, il-problema biex jintegraw is-sesswalità f’ħajjithom, flimkien mal-isfidi li jsibu fuq barra. Jistax ikun li din it-tħejjija minn meta jkunu għadhom żgħar qed tispiċċa biex iddgħajjef lil dawn iż-żgħażagħ, u twassalhom fl-età ta’ 17, 18, 20, 25 sena, mingħajr skop?
Jistax ikun ukoll li biex inkunu sewwa aħna, biex bwietna jkunu mimlija, aħna qegħdin ngħollu wisq l-objettivi u l-livelli tal-ħajja, tant li dawn iż-żgħażagħ tagħna, li meta kienu għadhom żgħar draw isibu kollox f’daqqa u meta jridu, issa qed isibuha bi tqila biex jaffaċċjaw ideal, skopijiet hekk għolja? Min miż-żgħażagħ tagħna ma jibżax, ma jitwerwirx meta jiġi biex jixtri biċċa art, jew jixtri flat biex jibni? Min miż-żgħażagħ tagħna ma jitwerwirx, ma jibżax meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jibnix familja jew le, meta jara lilna madwaru li m’għadniex kapaċi nkunu f’relazzjoni vera ma’ xulxin? Min miż-żgħażagħ tagħna li jrid jistudja u jrid ikompli fil-professjoni tiegħu, ma jibżax, meta aħna kultant flok li nerfgħuhom, nippromovuhom, nistimulawhom – anki aħna li aħna Knisja – nispiċċaw naqgħu fil-mekkaniżmu tas-selezzjoni, ta’ min hu l-aqwa u min hu l-aħjar? Miskin hu min ma jgħaddix minn dak il-passatur!
Din hija s-sitwazzjoni, almenu kif naraha jien – nista’ nkun żbaljat jien – taż-żgħażagħ tagħna fi żmienna. X’ma għandniex bżonnu lil San Ġorġ, x’ma għandniex bżonnu l-ispirtu profetiku tiegħu, x’ma għandniex bżonn dik l-aggressività sana li kellu dan iż-żagħżugħ, x’ma għandniex bżonn dik ir-rabja qaddisa, li qed tmut? Araw jekk hemmx xi ħadd miż-żgħażagħ li huwa entużjażmat għall-futur. L-etużjażmu jieqaf fil-preżent, issa, għax issa għandi, għada ma nafux! Bir-raġun iż-żgħażagħ tagħna mbagħad jaqbżu, jiżfnu, u forsi jabbużaw anki mis-sustanzi, jekk il-futur huwa mċajpar, jekk ma jafux x’inhu jistenniehom, jekk il-futur huwa fid-dlam. Jekk il-futur huwa d-dragun, allura nipprova ngawdi, nipprova nuża dan il-mument li għandi f’idejja issa, biex nagħmel minnu l-aqwa u l-aħjar. Jistax ikun, allura, li mhux ħtija taż-żgħażagħ? Jistax ikun li r-responsabbiltà hija tagħna kollha kemm aħna, li rridu ngħinu lil dawn iż-żgħar?
Aħna qegħdin nimxu bil-maqlub tas-soċjetajiet antiki. X’kien jiġri fl-antik? L-anzjan, l-adult iwarrab, u kuntent, kollu ferħan, jara lil ibnu jew lil iben ibnu dieħel, tiela’, jikber bil-mod il-mod. Illum le! Illum qlibna l-prinċipju tal-‘kumpless ta’ Edipu’. Ma nafx jekk tiftakruhiex il-ħrafa ta’ Edipu fil-mitoloġija Griega! Dan il-missier kien qed jibża’ li ibnu joqtlu, għax hekk qallu l-oraklu. Hija n-normalità tal-ħajja naturali li l-iben ‘joqtol’ lil missieru, li l-iben jgħaddi u jidħol minflok missieru. Il-missier jibda bil-mod il-mod ma jifhimx lill-iben. Il-missier bil-mod il-mod jibda jwarrab fil-ġenb, ħalli jpoġġi fiċ-ċentru lill-iben. Imma aħna ġralna bħal Lajju, missier Edipu, illi pprova jagħmel minn kollox biex lil Edipu joqtlu, ħalli l-iben ma jkunx jista’ jieħu l-post tal-missier.
Mhux dan Ġesù, mhux dan San Ġorġ. Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, iqanqalna u jħeġġiġna biex nerġgħu nirkupraw dak li hu essenzjali fil-ħajja tal-bniedem. X’inhu essenzjali fil-ħajja tal-bniedem? Hi r-relazzjoni ta’ bejnietna. Ma nafx taħsbux bħali: minħabba x-xogħol tagħna, minħabba l-impenji tagħna, minħabba l-kapriċċi tagħna, minħabba l-egoiżmi tagħna, min qed ibati jekk mhux it-tfal tagħna? Il-pressjoni li għandna fuqna aħna, minħabba s-sitwazzjoni kif inhi, min qiegħed jerfagħaha, fuq min qed tisposta ruħha? Fuq il-faxxa l-iktar dgħajfa, li huma t-tfal tagħna. L-anzjani għandna ‘bżonnhom’, għax l-anzjani jrendu, għandhom il-flus, nistgħu nieħdu minnhom; imma t-tfal le, għax huma l-faxxa l-iktar dgħajfa. Allura jien kif nista’ nippretendi li niddjaloga u nirraġuna ma’ żagħżugħ, meta fit-tfulija tiegħu, meta kien għadu żgħir, qatt ma ħarist lejn wiċċu; jekk qatt u qatt ma qgħadt miegħu nkellmu, għax dejjem kelli x’nagħmel, għax dejjem kont impenjat, impenjata, għax dejjem kelli elf ħaġa oħra x’nagħmel għalija, u mingħalija għall-familja!
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù qalilna: “Jekk il-fergħa ma tibqax imwaħħla maz-zokk, ma jistax ikun hemm frott” (ara 15:4). Dan hu l-mudell tal-ħolqien: Alla li ħalaqna, u aħna li ngħixu bih. Jekk ma nibqgħux f’komunjoni miegħu, aħna se nsibu ruħna f’ħalq id-dragun, mingħajr problemi ta’ xejn jiblagħna u aħna naqgħu fid-dlam. Dan hu l-mudell tal-ħolqien, tar-redenzjoni, il-mudell tas-salvazzjoni: Ġesù li ġie f’nofsna biex jagħti lilu nnifsu, biex ikun magħna, Alla magħna, jitkellem magħna. U tant daħal fin-natura tagħna, saħansitra fid-dgħufija tagħna, illi ħalla lilu nnifsu jiġi meqrud mill-istess kapriċċi u aggressività tagħna. Jekk dan il-mudell, li huwa tant irrappreżentat tajjeb fl-Evanġelju tal-lum mill-kapitlu 15 ta’ San Ġwann, se nwarrbuh fil-ġenb, se tkun diffiċli ħafna mhux biss il-ħajja taż-żgħażagħ, imma anki l-ħajja tagħna.
Intom tafu x’jiġri meta tifel jew żagħżugħ tabbandunah meta għandu bżonnok! Ħa nuża kelma forsi mhux f’postha: ipattihielek meta jikber! Iż-żmien li int ma għamiltx miegħu meta kien żgħir, issibek tiġri warajh u tara fejn hu u tfittxu tara kif inhu u tipprova tirkupra dak li tlift meta kien żgħir. Ma rridx nagħmel prinċipju għal kull każ; m’iniex niġġudika l-każijiet partikolari, għax kull każ irid jiġi meqjus u kull storja trid tiġi studjata fiha nnifisha. Imma jiena naħseb li ma rridux wisq biex nifhmu, kollha kemm aħna, li hekk jiġri meta aħna nittraskuraw, nabbandunaw, inpoġġu qabel it-tfal tagħna l-proġetti u l-pjanijiet tagħna, l-egoiżmu tagħna, ħafna drabi taħt l-iskuża li huma kollha kemm huma għalihom.
Jiena naħseb li l-unika triq tas-salvazjoni, l-uniku mod ta’ kif dan id-dragun nistgħu nżommuh ferut u mans, huwa dak li għamel San Ġorġ f’din il-belt ta’ Silene: il-konverżjoni tagħna, ir-ritorn tagħna lejn il-persuna ta’ Ġesù, lejn Alla. Meta poplu, meta raħal, meta belt titbiegħed mill-għajn tal-ħajja tagħha, imbagħad il-konsegwenzi assolutament ma għandniex għalfejn nistagħġbu bihom. Meta poplu u belt jabbandunaw is-sors tal-enerġija tagħhom, tagħti kemm tagħti, għandek kemm għandek potenzjal, fl-aħħar mill-aħħar anki int u jien nispiċċaw mingħajr enerġija, mingħajr forza.
Nixtieq verament illum li aħna l-adulti niskopru l-ispirtu ta’ Ġorġi ġewwa fina: dan l-ispirtu ta’ entużjażmu, dan l-ispirtu ta’ kuraġġ, dan l-ispirtu ta’ qawwa, din l-aggressività sana, din ir-rabja qaddisa, li tgħinna nqumu biex ma nħallux iktar liż-żgħażagħ tagħna jaqgħu fid-dlam tad-dipressjoni, jaqgħu saħansitra fid-dlam ta’ nuqqas ta’ dawl u għarfien tal-għada, tant li kultant ikollhom jispiċċaw biex jagħmlu dak li qatt ma riedu jagħmlu. Imma dak li għamlu huwa messaġġ qawwi għalina! Jalla ma nidrawx aħna lkoll nagħlqu għajnejna jew inħallu malajr jidħol minn widna u joħroġ mill-oħra. Id-diżgrazzji li jiġru liż-żgħażagħ tagħna – għax hawn żgħażagħ li verament iridu jeħilsu mid-dragun, imma hawn oħrajn li tant qatgħu qalbhom, li tant sabu dinja li hija kontra tagħhom, illi għażlu li jintefgħu huma f’ħalq id-dragun – dan hu gwaj kbir għas-soċjetà, din hija mistħija kbira għal kull wieħed u kull waħda minna. Ħażin għalina, ħażin għalija l-ewwel wieħed jekk jien ngħid: “Għax il-Gvern…”, “għax il-Knisja…”, “għax ommu u missieru…”, “għax dik il-familja ta’ dak jew ta’ dik…”. Ħażin għalina jekk aħna nwarrbu r-responsabbiltà tagħna u nbattluha fuq ħaddieħor. Ma nkunux nagħmlu ħlief dak li ngħidulu l-mekkaniżmu tan-nagħġa s-sewda, tal-iscapegoat: nitfa’ l-ħtija tiegħi, infarfar ir-responsabbiltà tiegħi fuq ħaddieħor, infarfar id-dnubiet u d-dgħufijiet tiegħi – u hekk ma narahiex tant kerha – fuq in-nies ta’ madwari.
Jalla San Ġorġ jgħin lil kull wieħed u kull waħda minna nieħdu r-responsabbiltà tagħna, l-istess kif hu qabad dik il-lanza u mar jaffronta lil dak id-dragun biex isalva liż-żgħażagħ, biex isalva lil dik iż-żagħżugħa, biex isalva lil dik il-belt. Baqgħet fis-sliem, baqgħet ‘Silene’, imma sabet ekwilibriju ieħor, sabet bilanċ ieħor, li fih ħadd ma jiġi ssagrifikat għal ħadd. Jalla aħna wkoll inqumu fuq tagħna, u jekk hemm xi ħadd li jrid jiġi ssagrifikat, aħna Kristjani: għandi nkun jien l-ewwel wieħed, għandek tkun int li temmen f’Ġorġi, li temmen f’Ġesù, li bħalu nkunu lesti, li l-imħabba saħansitra twassalna biex immutu għal ħutna, imma b’mod speċjali mmutu għal uliedna, immutu għaż-żgħażagħ tagħna.