Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ tibki b’sogħba kbira t-telfa ta’ Monsinjur Pawlu Cardona, li kien Arċipriet tagħha bejn l-2007 u l-2016. Huwa miet fl-età ta’ 70 sena dalgħodu għal-ħabta ta’ l-4.15am fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Kienu diversi l-inizjattivi pastorali, kateketiċi u spiritwali li ttieħdu tul il-parrokat tiegħu, fejn huwa dejjem żamm l-importanza tal-Kelma u tal-Ewkaristija fil-qalba tal-ħajja tal-Parroċċa, waqt li ta bidu wkoll għal proġetti importanti bħal dak tal-manutenzjoni tal-Bażilika u l-opri tal-arti tagħha. Stinka wkoll biex tikber iżjed id-devozzjoni vera lejn il-Patrun tagħna San Ġorġ, fejn fost l-oħrajn kulħadd jiftakar iċ-ċelebrazzjonjiet li saru fl-2014 fl-okkażjoni tal-175 sena tal-istatwa titulari, bil-miġja tar-Relikwa tad-Driegħ ta’ San Ġorġ minn Venezja.
Dun Pawl wettaq bosta ministeri oħra fil-Knisja, fost l-oħrajn bħala suċċessur tal-Qaddej ta’ Alla Mons. Guglielmo Giaquinta fit-tmun tal-Apostolici Sodales tal-Moviment Pro Sanctitate, bħala Kappillan fid-Djoċesi ta’ Ruma għal iktar minn tletin sena, u f’dawn l-aħħar snin bħala Delegat tal-Isqof ta’ Għawdex għall-Kleru. Huwa kien saċerdot ta’ spiritwalità kbira, imfittex minn bosta għall-pariri u għad-direzzjoni spiritwali, u kellu wisq għal qalbu l-qdusija tal-kleru u l-fraternità saċerdotali f’għaqda sħiħa mal-Isqof.
Diġà sa minn qabel temm il-ministeru tiegħu bħala Arċipriet ta’ San Ġorġ, huwa kellu jaffronta l-marda qalila tal-kanċer li attakkatu f’iktar minn post wieħed f’ġismu, u dan għamlu b’perseveranza kbira u eżempju għalina lkoll. Issa ntemm għal Dun Pawl il-kalvarju ta’ tbatija fuq din l-art, u ċerti li għandu miżmum għalih il-premju fis-Sema.
Madonna tal-Fiduċja, San Pawl Missierna u San Ġorġ Martri, wassluh għand l-Imgħallem Divin. Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem…
[ritratt: JJP Zammit]