Kurunella lil San Ġorġ Martri (pre-1860)
Kan. Ludovik Mifsud Tommasi (1796-1879)

 

O glorjuż Martri ta’ Kristu,
tagħna lkoll missier ħanin,
Ġorġi mqaddes ħares lejna,
hawn quddiemek miġmugħin.

Lilek ħtarna sa mill-bidu
biex tkun sejf u tarka tagħna,
għożżna, mela, bħal uliedek,
ġewwa ħdanek int ilqagħna.

Glorja.

 

Hekk kif hemm fil-Kappadoċja
int twelidt nisel għażiż,
fik il-ġmiel minn tal-qdusija
beda jiddi l-iktar fis.

Lejn dal-ġmiel li għandna nħobbu,
biex tinġibed dejjem qalbna,
bit-talb tiegħek quddiem Alla
nitolbuk li tqawwi talbna.

Glorja.

 

Bħal qalbieni kavallier
b’sejf tħażżimt, ilħaqt tribun,
u f’Berito, kollok qawwa,
inti qridt l-ikrah dragun.

Ta’ l-infern il-kiefer għadu
li – imsejknin – irid jitlifna,
sabiex nirbħu l-akbar qilla,
din il-qawwa int islifna.

Glorja.

 

Għalkemm ħabbek u għolliek
Djoklezjanu, imperatur,
qalb il-ħażen għożżejt dejjem
ta’ l-indafa l-isbaħ fjur.

Biex noħorġu bla mittiefsa
mill-kbir ħażen ta’ daż-żmien,
agħmel int li nħarsu ruħna,
ieqaf magħna kullimkien.

Glorja.

 

Qalbek ħielsa minn din l-art,
int, missier l-iżjed ħanin,
għalkemm għani fuq li għani,
ferraqt ġidek lill-fqajrin.

Agħmel inti li nitgħallmu,
fuq dal-mera hekk sabiħ,
nagħmlu ħniena, qalbna nħollu
minn kull ġid li jtir mar-riħ.

Glorja.

 

Inti kont dak il-qalbieni
illi ħadtha mal-kefrija
tat-tirann li ried il-qerda
minn tal-fidi Nisranija.

Hekk kif b’għerfek inti kxift
il-qerq kollu ta’ l-erruri,
minn tal-fidi li nistqarru
lilna l-għożża dejjem uri.

Glorja.

 

Mart l-istess imperatur,
kotra kbira mill-kbarat,
għala leħnek ħaddnu l-fidi,
mejlu rashom għala l-ħsad.

Ebda biża’ ma jqanqalna
jekk dan leħnek issemmgħalna,
sa ħajjitna rridu nagħtu
għala l-ġieħ tal-fidi tagħna.

Glorja.

 

Dan ir-rebħ il-qilla jkebbes
mat-tirann kiefer iżżejjed –
taħt il-magħsar tat-tormenti
l-iżjed fis iridek mejjet.

Kif bis-sabar ħmilthom kollha
dawk l-irwiefen tal-moħqrija,
hekk is-sabar int aqlgħalna
sabiex nirbħu kull tbatija.

Glorja.

 

Iżda fl-aħħar sabiex taħsad
l-isbaħ palma minn tal-ġieħ,
manigold jaħsadlek rasek
u għall-ġenna ttir rebbieħ.

B’dik is-setgħa li tak Alla
minn ta’ l-ikbar għeġubijiet,
rebbiħin oħroġna dejjem
sakemm naslu fis-smewwiet.

Glorja.

 

San Ġorġ Martri, Patrun tagħna, itlob għalina.
Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Kristu.



Talba għall-interċessjoni ta’ San Ġorġ
Mons. Ġużeppi Farrugia (1954- )

Infaħħruk, o Alla, għall-kobor tas-setgħa tiegħek, u niżżuk ħajr għall-imħabba u l-ħniena tiegħek. Nitolbuk, kif ferraħtna bir-rebħa ta’ l-imqaddes martri Ġorġi, hennina wkoll bl-għajnuna f’waqtha tiegħu u sebbaħna bil-glorja tiegħu.

Lil San Ġorġ int għamiltu Difensur tal-fidi tagħna: agħmel li miegħu u fuq l-eżempju tiegħu nibqgħu sħaħ fil-fidi u fl-imħabba tiegħek.

Lil San Ġorġ int tajthulna bħala Patrun tal-gżira tagħna: agħti widen, kif dejjem għamilt, għat-talb li jagħmillek għalina fil-ħtiġijiet spiritwali u materjali tagħna, imma speċjalment ta’ dawk fostna li l-aktar jeħtieġu l-ħarsa ħanina tiegħek.

Lil San Ġorġ int qegħidthulna bħala Protettur tal-belt tagħna: għall-imħabba tagħna lejh, saħħaħ il-familji tagħna u agħmel minnu tarka kontra l-ħażen li qed jhedded lil uliedna, liż-żgħażagħ u ’l-miżżewġin tagħna.

Fiċ-ċokon tagħna, nitolbuk, Mulej, isma’ t-talb li San Ġorġ jagħmillek għalina, u agħtina sehem fis-sebħ tiegħu ma’ Ibnek Ġesù Kristu sidna, mal-Verġni mbierka u l-qaddisin kollha tas-sema. Hekk ikun.

Glorja…