O qaddis maħbub tagħna, San Ġorġ, li fil-martirju tiegħek sirt tixbah aktar lil Kristu fl-imħabba tiegħu, aħna t-tfal ta’ din il-komunità ġejna quddiemek bil-qima nitolbuk turina lil Ġesù u kemm hi ħaġa tassew sabiħa li f’ħajjitna nimxu warajh kif għamil int.
Int twelidt f’familja Kristjana u, wara li rċivejt il-Magħmudija, kbirt fir-rispett lejn Alla, il-Missier ta’ Ġesù Kristu, u lejn il-Knisja tiegħu, waqt li bqajt tgħix bil-fedeltà il-ħajja t-tajba, imwieżen mis-sagramenti.
Itfa’ ħarsa ta’ mħabba fuq il-ġenituri tagħna, li rabbewna fil-fidi li lilek għamlitek xhud ta’ Ġesù, u tħalli qatt waħidhom lis-saċerdoti u l-katekisti li jgħallmuna t-triq li twassal għal għand il-Mulej.
Aħna t-tfal kollha, o Ġorġi tagħna, inħarsu lejn ħajtek u nistagħġbu bl-eżempju sabiħ tiegħek, int li sa minn tfulitek ridt tagħmel xi ħaġa speċjali għal Ġesù, u għalkemm f’żogħżitek dħalt fl-armata Rumana u sirt tribun, kont lest li tħalli l-karriera u tagħti ħajtek għall-ġieħ tal-fidi tiegħek.
B’dik l-għożża speċjali li int għandek għal kulmin jafda ruħu f’idejk, agħtina qalb bħal tiegħek mimlija mħabba, biex tkun hi li tmexxina fl-għażliet kollha ta’ ħajjitna, u bħalek inwieġbu b’ġenerożità għas-sejħa ta’ Ġesù.
San Ġorġ, nixtiequ nixbhu lilek, int li xbaht lil Kristu, biex insiru qaddisin. Għalhekk, waqt li nifirħu bik, nitolbuk tnissel fina xewqa soda li qatt ma nwarrbu t-triq tal-Vanġelu, biex ma nibżgħux nagħtu xhieda ta’ dak li hu sewwa.
Permezz tiegħek, infaħħru lil Alla u rroddulu ħajr ta’ mħabbtu lejna, f’Ġesù Kristu Sidna. Amen.
jew f’verżjoni iqsar:
O maħbub Patrun tagħna, San Ġorġ, aħna t-tfal ta’ din il-parroċċa nġbarna hawn madwarek il-lejla biex insiru nafuk u nħobbuk iżjed, imħeġġin mill-eżempju tiegħek li bih tgħallimna nħobbu lil Ġesù.
O Suldat Qalbieni ta’ Kristu, b’dik l-istess qawwa tal-fidi tiegħek li biha ħriġt rebbieħ fuq il-ħażen tax-Xitan, ħeġġeġ fina l-imħabba lejn Ġesù Kristu u agħmilna dixxipli leali tal-Vanġelu.
O Ġorġi tagħna, aħna nħobbuk, u flimkien mal-Knisja rroddu ħajr lil Alla għax-xhieda sabiħa tal-martirju tiegħek.
Bi Kristu Sidna. Amen.
Miktubin minn Francesco Pio Attard (1985- )