Infaħħrek, Missier Alla, Sid is-Sema u l-art, tal-imħabba tiegħek għall-bnedmin. Kollox hu tiegħek u ħajjitna hija r-rigal tiegħek lilna.
Irroddlok ħajr, Mulej Ġesù, li tant ħabbejt lill-bnedmin li sirt bniedem bħalna u ġejt tgħammar fostna, u ħadt il-mewt tas-salib biex tagħti glorja lil Missierek u lilna għamiltna wlied Alla u sirt Ħuna l-kbir.
O Ġesù, int urejtna li f’ħajjitna u b’ħajjitna rridu nfittxu u nwettqu r-rieda ta’ Alla l-Missier, anki meta l-mewġ tal-ħajja hu qawwi u hu kontra tagħna, u meta s-sħab iswed qed jgħatti s-sabiħ u l-hena ta’ ħajjitna. Nitolbuk li jkollna fiduċja sħiħa fik u li t-tama tagħna fil-qawwa tiegħek tkun dejjiema. Għinna nagħrfu ’l Alla l-Missier kollu mħabba u nemmnu li l-imħabba tiegħu għalina qatt mhi ser tiġi nieqsa.
O Ġesù, int ferraħtna bir-rebħa fuq il-ħażen mill-qaddis martri tiegħek San Ġorġ. Il-fidi tiegħu fik qatt ma ġiet nieqsa, lanqas meta ħajtu kienet mhedda; it-tama fil-qawwa tiegħek kienet dejjem sħiħa u l-imħabba għalik kienet bla mittiefsa. Hu sar għalina mudell ta’ mħabba, ta’ kuraġġ u ta’ ġenerożità.
Nitolbok, o San Ġorġ, Protettur tal-gżira tagħna, idħol għalija f’dan il-mument iebes tal-ħajja tiegħi, u kollni tama fl-interċessjoni tiegħek nerfa’ għajnejja lejk b’tant fiduċja u ħeġġa… Għinni nagħraf dak li jrid minni Alla l-Missier u agħtini l-qawwa biex bħalek, o San Ġorġ, inwettqu.
Missierna, Sliema u Glorja.
℣. San Ġorġ Martri, itlob għalina.
℟. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħidna Kristu.
Miktuba minn Mons. Anton Borg (1947- )