Lill-kbir martri ta’ Kristu kuruna
ta’ tifħir ejjew ninsġu flimkien,
ejjew naqtgħu ward, qronfol u ġilju,
inxerrduhom quddiemu bħal ġnien.
Ġorġi tagħna, min qatt bħalek,
stilla tiddi kollha dija;
qlubna ssaħħret bil-ġmiel tagħha –
dawlet, sebbħet l-art Għawdxija!
Żagħżugħ mimli bis-safa tas-sema,
għaddej, hieni, bħal anġlu fuq l-art,
sakemm daqqet is-sejħa tal-fidi
u inti demmek qalbieni ċarċart.
Ġorġi tagħna…
Fuq iż-żiemel bix-xabla misluta
Ġorġi jidher għal dejjem rebbieħ,
kavallier ta’ l-Għarusa ta’ Kristu,
kull dragun huwa jisħaq b’riġlejh.
Ġorġi tagħna…
Il-ġnus kollha li rebħu f’imħabbtek
isellmulek illum għalenija,
bliet u rħula jaħtruk mexxej tagħhom,
kavallier ta’ kull ġieħ u qdusija.
Ġorġi tagħna…
Ukoll Għawdex, dil-gżira maħbuba,
Alla xeħet bi ħniena f’riġlejk,
għandek resaq fil-għajb u fin-niket,
fit-tiġrib qatt ma twarrab minn ħdejk.
Ġorġi tagħna…
Ejjew, mela, lil Ġorġi, kuruna
illum ninsġu, b’imħabbtu mkabbrin;
aħna nibqgħu għal dejjem ta’ Ġorġi
u huwa jibqa’ l-patrun ta’ l-Għawdxin.
Ġorġi tagħna…