Ġorġi, suldat qalbieni,

ta’ Kristu martri kbir,

għall-ġid, hekk għal qdusitek,

jistħoqqlok kull tifħir.

 

Patrun ta’ din il-ġżira,

li dejjem qbiżt għalina,

aqta’ xewqitna, isma’ talbna,

b’għajnunietek int hennina.

 

Frugħat, għana tad-dinja,

kull ġid, kull ġieħ maqdart,

fis-sema l-għaxqa tiegħek,

lill-fqar b’ġidek fawwart.

 

Patrun ta’ din il-ġżira…

 

Mixgħul b’imħabba mqaddsa,

għal Kristu int issarajt,

b’salibu f’idek, f’qalbek,

lis-sultan ġiefi xabbajt.

 

Patrun ta’ din il-ġżira…

 

Theddid, tgħajjir u rbati,

ħadid, roti, żeblih,

nirien u swat u lanez,

minn kollox ħriġt rebbieħ.

 

Patrun ta’ din il-ġżira…

 

Ta’ Kristu o ħelwa mħabba,

kemm int ta’ saħħa u qawwa,

bik biss Ġorġi qalbieni

għeleb, rebaħ l-għedewwa.

 

Patrun ta’ din il-ġżira…

 

Ras Ġorġi dlonk maħsuda,

ruħu għanja b’kull virtù

tittajjar lejn is-sema

biex tgawdi lil Ġesù.

 

Patrun ta’ din il-ġżira…

 

Qaddis l-aktar qalbieni,

mis-sema int ismagħna,

warrbilna qerq il-għadu,

tħalliniex u ieqaf magħna.

 

Patrun ta’ din il-ġżira…


Lill-kbir Alla Wieħed Tlieta,

minn qiegħ qalbna ħajr isir;

ta’ kemm għolla hu lil Ġorġi

ma nixbgħux nagħtuh tifħir. Amen.