Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ tifraħ ma’ Dun Fabio Attard sdb, iben din l-istess parroċċa, hekk kif fil-jum tas-Solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, ġie maħtur bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco. Dan kif nhar it-Tlieta, 25 ta’ Marzu filgħodu, id-29 Kapitlu Ġenerali tas-Salesjani ħatar lil Dun Fabio bħala Rettur Maġġur tal-Kongregazzjoni Salesjana, imxerrda ma’ 136 pajjiż fid-dinja.
Dun Fabio twieled il-Belt Victoria, Għawdex fit-23 ta’ Marzu 1959, u rċieva l-ewwel sagramenti fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. Huwa ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel tal-Belt Victoria, u wara tliet snin ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, fl-1978 daħal fil-familja Salesjana. Wara l-istudji tiegħu fl-Inserm u eventwalment fi ħdan il-Konregrazzjoni Salesjana, għamel il-Professjoni Reliġjuża f’Dublin, fit-8 ta’ Settembru 1980.
Huwa rċieva l-Ordinazzjoni Djakonali fit-12 ta’ Lulju 1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, u dik Presbiterali fl-4 ta’ Lulju 1987 mill-Kardinal Castillo Lara sdb, it-tnejn fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria. Speċjalizza fit-Teoloġija Morali fl-Università Pontifiċja Salesiana u fl-Akkademja Pontifiċja Alfonsiana ta’ Ruma, fejn aktar tard ġie msejjaħ jgħallem, waqt li fl-1999 kiseb Dottorat mill-Milltwon Institute for Philosophy and Theology ta’ Dublin bir-riċerka tiegħu fuq it-tema tal-kuxjenza fl-omeliji Anglikani ta’ San John Henry Newman.
Għen biex twaqqfet il-preżenza Salesjana f’Tunis, u aktar tard serva wkoll bħala Rettur tal-Oratorju u l-Iskola Salesjana ta’ Saint Patrick’s f’Malta. Fl-2005 waqqaf l-Istitut għall-Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u sar l-ewwel Direttur tiegħu. Is-26 Kapitlu Ġenerali tal-Kongregazzjoni Salesjana kien ħatru Delegat tal-Provinċja tal-Irlanda u Malta, kif ukoll Kunsillier għall-Pastorali maż-Żgħażagħ.
Għalkemm għex għal ħafna żmien barra minn gżiritna, minħabba l-ministeri importanti li kien jokkupa kemm fi ħdan il-familja Salesjana u kemm fil-Knisja universali, Dun Fabio kien dejjem punt ta’ riferiment għal-lajċi impenjati, saċerdoti u saħansitra għall-isqfijiet tad-Djoċesi tagħna.
Din hi aħbar kbira għall-Parroċċa tagħna, għad-Djoċesi tagħna kif ukoll għall-Knisja universali. Nifirħu miegħu, mal-familja tiegħu u mal-familja Sależjana.
Nitolbu għalih biex ikompli jaħdem b’tant enerġija li l-Mulej għanieh biha għall-ġid tal-Knisja u b’mod speċjali taż-żgħażagħ.


