Kien bħal-lum, 18 ta’ Marzu, mitt sena ilu, li l-Parroċċa tagħna ġarrbet telfa enormi bil-mewt ta’ Monsinjur Giuseppe Farrugia, magħruf minn kulħadd bħala “Tal-Vers”. Għaliex? Għax fost il-benefatturi kollha fl-istorja millenarja tagħha, Monsinjur Farrugia ddistingwa ruħu bħala l-iprem wieħed. Huwa ħabbha bi mħabba tal-ġenn, ħela saħħtu għall-bżonnijiet tagħha, bata personalment għax dejjem poġġa l-interessi tagħha l-ewwel u qabel kollox. Servieha u paxxieha bl-aħjar mod, sew fil-qasam liturġiku-pastorali, sew f’dak storiku-kulturali. Ma kienx hemm okkażjoni waħda fejn naqas milli jagħmlilha l-ġid b’mod gratwit. Basta għal San Ġorġ.

San Ġorġ kien kollox għalih: kien dak li jħoll u jorbot f’kull ħaġa li jagħmel. Tant kien il-mimmi ta’ għajnejh li kien hu li nissel it-tama f’qalb sħabu s-saċerdoti u l-lajċi Ġorġjani biex ilkoll flimkien iħabirku ħalli l-Parroċċa terġa’ tintgħarfilha dak li kien fundamentalment tagħha sa mill-ibgħad żminijiet: id-dinjità parrokkjali. Kien hu li bħala missier għallem – kif għadu jgħallimna – li biex inħobbu lil San Ġorġ kif imiss, mhux biżżejjed li nagħmluh tagħna u ngħidu li hu tagħna – fil-fatt kien hu li ħareġ għall-ewwel darba bl-għajta setgħana u definittiva ta’ “Giorgio è nostro!”, “Ġorġi Tagħna” – imma fuq kollox billi fuq l-eżempju tal-Martri ta’ Lidda nkunu dejjem ta’ servizz għal kull min triqtu tixxeblek ma’ tagħna, partikularment bil-lingwaġġ tal-ġmiel u bil-virtù tal-eċċellenza.

Għalhekk, ħa tkun din tal-lum okkażjoni ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-grazzji kollha li hu sawwab fuq il-Parroċċa tagħna permezz ta’ dan il-“qaddej tajjeb u fidil” li b’ġenerożità liema bħalha ħaddem it-talenti mislufa lilu sal-aħħar nifs għall-glorja kbira tiegħu, għall-ġieħ tal-“Kampjun tal-Qaddisin”, u għas-sodisfazzjon tagħna lkoll. X’ma jistħoqqlux jissejjaħ Monsinjur Farrugia: “Benedictus qui venit in nomine Domini”, “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej”, għall-għeġubijiet li Alla għamel miegħu u permezz tiegħu! Mhux ta’ b’xejn li llum aħna l-Ġorġjani nħossuna ftit jew wisq ulied “Tal-Vers”, għax fil-vini ta’ ġisimna għandna tbaqbaq l-istess imħabba li kellu hu għal “Ġorġi Tagħna”!

B’tislima xierqa lil Monsinjur Farrugia f’għeluq dan iċ-ċentinarju mill-mewt tiegħu, illejla fit-8.30pm il-qniepen tal-Bażilika Urbana, li huwa stess kien intona imma li qatt ma kellu x-xorti jisma’, se jħollu lsienhom f’mota funebri solenni li tintemm fl-9.40pm, sewwasew fil-ħin tal-mewt tiegħu.