Il-Ġimgħa 16 ta’ Awwissu, ġiet fit-tmiemha l-esperjenza mill-isbaħ taż-żewġ abbatini mill-Parroċċa tagħna, Fulvio Valenti u Eman Camilleri, ta’ servizz li taw fil-Bażilika ta’ San Pietru. Din l-esperjenza bdiet nhar it-Tlieta li għaddew, 6 ta’ Awwissu 2024.
Is-Sibt, 10 ta’ Awwissu, fl-10.00am, fil-Cappella del Coro tal-Bażilika ta’ San Pietru, saret il-Vestizzjoni ta’ 12-il abbati Għawdxi li taw is-servizz tagħhom ta’ abbatini fil-Vatikan matul dawn il-ġranet. Din iċ-ċerimonja tal-Vestizzjoni kienet immexxija mill-Kardinal Mario Grech fil-preżenza tal-ġenituri u l-familjari kta’ dawn l-abbatini u anke tat-tliet saċerdoti li kienu qed jakkumpanjawhom, Dun Krystof Buttigieg, Dun Noel Debono u Dun Michael Curmi, flimkien ma’ Dun Jean-Claude Schembri u Mons. Frans Bonnici li qed jieħdu ħsieb il-gruppi ta’ abbatini Maltin, u Mons. Joseph Zammit. Dritt wara, il-ġenituri kielu flimkien ma’ wliedhom abbatini fis-Seminarju Minuri fejn huma alloġġjati l-istess abbatini Għawdxin.
Il-Ħadd, 11 ta’ Awwissu filgħodu, wara t-talba tal-Angelus, il-grupp kellu udjenza privata mal-Q.T. il-Papa Franġisku fir-residenza tiegħu ta’ Santa Marta fil-Vatikan.
Huma rrakkontaw li din l-esperjenza se tibqa’ f’qalbhom u mhu se jinsewha qatt.
[Ritratti: Gozo Diocese Facebook Page u oħrajn.]


















