O Martri bla mirbuħ ta’ Ġesù u Protettur l-aktar qawwi tal-Insara, aħna, imbikkijin, lejk nerfgħu għajnejna f’dawn iż-żminijiet tal-biża’. Inti qiegħed tara wisq tajjeb mis-sema l-gwerra qalila li waqqgħet fl-hemm u fi rvina popli l-aktar qawwija, u li minnha wkoll ġejja l-miżerja tagħna. Għal dik l-imħabba lejn Alla li biha stqarrejt bla biża’ l-fidi mqaddsa u f’ġieħ it-tbatijiet li ġarrabt fil-martirju tiegħek, ieqaf magħna, warrabna mit-triq tal-ħtija; aħna nistqarru li dnubietna huma l-kawża ta’ dawn il-kastigi kollha. Idher int flokna quddiem it-tron ta’ Alla inkurlat kontra tagħna; urih demmek imxerred għalih u għall-merti tiegħu itolbu jiskansana; għidlu flokna li aħna nidmin mill-ħtijiet tagħna.
O Anġlu Difensur tagħna, minn Alla magħżul sabiex tgħasses fuq din il-gżira, żguri mill-protezzjoni tiegħek fik inqiegħdu t-tama tagħna. Mela nitolbuk, ħarsa mis-sema itfa’ fuqna, ulied tiegħek, arana mnikktin, ikollok ħniena minna! Kun int il-kewkba li tfarraġna f’din it-tempesta; uri darb’oħra li għadek tħobbna; u aħna, meħlusin minn tant flaġelli minnek, infaħħruk u nbierku dejjem dak il-mument li fih ġejna mqiegħda taħt il-protezzjoni tiegħek.
Ħares fl-aħħar nett, nitolbuk, lejn l-Ewropa kollha, nebbaħ lil dawk li jiggvernawha, li jreġġgħu fiha dik il-paċi minn kulħadd tant mixtieqa. Uri darb’oħra mħabbtek lejn l-eżerċti Kristjani, idher fuq il-kamp tal-battalja, b’idejk stess waqqaf l-armi tagħhom u ħabbibhom mill-ġdid bejniethom.
U int, o Ġesù, isma’ l-biki u t-talb tagħna u aqta’ x-xewqat ta’ qalbna; aħna dan nitolbuh lilek għall-interċessjoni ta’ San Ġorġ, protettur tagħna. Amen.
℣. Ut per merita S. Georgii, catholicorum gemitus exaudire digneris.
℟. Te rogamus, audi nos.
Matul iż-żewġ Gwerer Dinjija l-Isqof Giovanni Maria Camilleri oesa fl-1915 u l-Isqof Mikiel Gonzi fl-1940 approvaw din it-talba lil San Ġorġ Martri biex tingħad fid-Djoċesi ta’ Għawdex.