O Ġesù tal-akbar ħlewwa,
f’din is-siegħa ġejna ħdejk
biex filwaqt li Bik nitgħaxxqu
talbna rressqu b’fidi lejk.
Bil-għajnuna tal-kbir Ġorġi,
nissel fina mħabba sħiħa,
fidi u tama li jwassluna
ġewwa l-Ġenna lkoll rebbieħa.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, mudell tal-fqajjar,
noffru l-faqar, l-għaks u l-ġuħ
li qed jifnu lill-imsejkna
sew fil-ġisem, sew fir-ruħ.
Mela għall-ġieħ ta’ San Ġorġ Martri,
f’dan il-ħin li ngħaddu miegħek,
naddaf sewwa mill-miżerja
lill-bnedmin, fil-ħniena tiegħek.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, mislub għalina,
kemm hawn ħlejjaq mifnijin
minn kull xorta ta’ mard kiefer,
muġugħin u magħkusin!
Int bl-indħil tal-maħbub Ġorġi
lil dawn ħutna aħseb fejjaq,
kun għalihom qawwa u faraġ,
minnhom keċċi d-diq u d-dwejjaq.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, mifni bil-ġrieħi,
minn ġos-Sema tfur bid-dija,
ixħet fuqna l-ħarsa u tilmaħ
gwerer, ġlied bid-demm mimlija.
Kull theddid, tilwim u biża’,
bil-kuraġġ ta’ Ġorġi tagħna,
’tina l-qawwa fit-taqbida,
żommna sħaħ u ieqaf magħna.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, bl-imħabba tfawwar
l-għira nżergħet f’qalb xulxin,
u inti taf, qatt il-mibegħda
ma tagħmilna qaddisin.
U għall-grazzja tal-kbir Martri
San Ġorġ, xempju ta’ l-imħabba,
xettel fina diż-żerriegħa
biex sat-tmiem għalik titrabba.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, fommok tal-għasel,
jidwi d-dagħa u l-kelmiet ħżiena,
dawn fi żmienna saru ġerħa
u qed jifnu l-qalb għajjiena.
B’ta’ San Ġorġ il-ħlewwa, rażżan
kulma jtebba’ ’l dan l-ilsien
li qed jaqsam il-qalb tiegħek
u li jwassal għat-tefien.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, sinjal tal-għaqda,
x’qed iseħħ fil-miżżewġin;
inti taf b’dawk il-familji
li jinsabu mitlufin!
Bid-dawl sfiq ta’ Ġorġi mbierek,
qatt tħallihom mifrudin,
lanqas tibred ġewwa qalbhom
imħabbithom għal xulxin.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, il-għajn tas-safa,
tara ż-żgħażagħ meqrudin
ta’ kuljum mid-droga kiefra,
minn kull vizzju mirbuħin.
B’ta’ San Ġorġ id-dehen u s-safa,
o Ġesù, dawn l-ulied tiegħek
tħallihomx xi darba, msejkna,
f’dan il-għelt jiġġieldu miegħek.
Missierna, Sliema u Glorja.
O Ġesù, Feddej tal-midneb,
inħeġġuk tilqa’ t-talb tagħna
waqt li fostna rridu tibqa’
biex tkun dejjem marbut magħna.
Nitolbuk, għax-xhieda mqaddsa
ta’ San Ġorġ, mal-qalbenin
għinna nkunu Martri tiegħek,
b’hekk insiru qaddisin.
Missierna, Sliema u Glorja.
Miktuba mill-Kan. Joe Mejlak (1944-2008)