Aqra dawk il-kummenti qosra fuq il-Qari li l-Liturġija tal-Kelma toffri għas-Solennità tal-lum f’ġieħ San Ġorġ Martri.

L-Ewwel Qari (Apokalissi 7:9-17)
Fil-Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi, San Ġwann l-Appostlu ried jitkellem fuq misteri moħbija tas-sema u l-art li Alla kien irrivelalu permezz ta’ Ġesù Kristu, meta kien eżiljat fuq il-gżira Griega ta’ Patmos. Inkiteb fi żmien il-persekuzzjonijiet tal-Insara minn Neruni u Domizjanu fis-snin 64 u 94 wk. Dak li nkiteb f’dawk iż-żminijiet jaqbel sewwa ma’ żmien il-persekuzzjoni l-kbira ta’ Djoklezjanu fit-303, li fiha jispikka l-Martri San Ġorġ. Għalhekk nisimgħu f’dan l-Ewwel Qari dwar ir-rivelazzjoni tal-“kotra kbira… libsin ilbiesi twal bojod, quddiem it-tron tal-Ħaruf, bil-friegħi tal-palm f’idejhom”. Il-Liturġija trid tara fosthom lil San Ġorġ li ħa l-martirju fis-sena 303 wk.
It-Tieni Qari (2 Timotju 2:8-10; 3:10-12)
Is-silta mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju hi waħda mit-tliet Ittri Pastorali ta’ San Pawl, tnejn lil Timotju u waħda lil Titu, miktubin fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni bejn is-snin 64-68 wk. Lil Timotju, San Pawl joffrilu l-eżempju tiegħu stess biex jinkuraġġih f’dawk iż-żminijiet ta’ persekuzzjoni. Għalhekk il-Liturġija bħal trid tqiegħed kliem San Pawl lil Timotju fuq fomm il-Martri tagħna San Ġorġ: “X’persekuzzjonijiet għaddejt minnhom! Dawk kollha li jridu jgħixu tajjeb fi Kristu Ġesù, ilkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni”.
Il-Vanġelu (Ġwanni 15:1-8)
Din hi silta mid-diskors ta’ Ġesù Krista matul l-Aħħar Ikla. Il-Liturġija għażlet din il-parti tad-diskors ta’ Ġesù minħabba r-riferenza li fiha għal “georghios”, il-“bidwi”, kelma Griega li minnha hu mnissel l-isem ta’ San Ġorġ: “Jiena d-Dielja vera u Missieri l-bidwi”. Kif il-bidwi tal-Vanġelu, hekk Ġorġi jaqta’ l-fergħa li ma tagħmilx frott. Hu jiżbor u jnaddaf lil dik li tagħmel il-frott. Tifsira sabiħa ta’ Ġorġi l-Bidwi nsibuha fil-prietki ta’ San Andrija ta’ Kreta, ta’ San Pietru Damjani u oħrajn li ppritkaw dwar San Ġorġ.
Kummenti miktuba minn Mons. Ġużeppi Gauci.