Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, 20 ta’ Diċembru 2024, ħallietna l-għażiża Josette Vassallo, wara perjodu mhux qasir ta’ mard li hi affrontat b’rassenjazzjoni sħiħa mar-rieda ta’ Alla u b’eżempju kbir għal kull min mess magħha.

Josette kienet wiċċ familjari fil-Parroċċa tagħna, bil-preżenza u l-għajnuna tagħha fuq diversi livelli, speċjalment bħala Segretarja fl-Uffiċċju Parrokkjali, fejn kienet tilqa’ lil dawk kollha li jfittxu xi servizz jew ieħor b’dik it-tbissima tipika tagħha.

Ftit forsi jafu li hi kienet ukoll persuna kkonsagrata fl-Ordni tal-Verġni – ħajjitha tassew offrietha minn qalbha bħala għotja sħiħa lil Kristu u l-Knisja tiegħu – tistenna l-Għarus jasal biex isibha wieqfa bit-tama fil-jum tal-miġja tiegħu. U Hu ġie jżurha tabilħaqq ftit jiem qabel il-festa tat-Twelid tiegħu.

Il-Funeral tagħha sar il-bieraħ is-Sibt, 21 ta’ Diċembru 2024.

 

__________________________________________

 

Dan hu l-messaġġ tal-Isqof  ta’ Għawdex Anton Teuma li nqara proprju waqt il-funeral tagħha:

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni. Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi; il-ħatar u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni” (Salm 23:1,4).

Għażiża Josette, dawn il-kelmiet mhux biss ħarġu minn fommok kemm il-darba, imma fuq kollox kienu l-istess ħajja tiegħek, l-istorja tiegħek; jew aħjar l-istorja tagħkom: inti Verġni Konsagrata għarusa tiegħu, marbuta ħaġa waħda miegħu fil-mard u fis-saħħa, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin. Il-ħarsa ħelwa, profonda, attenta u akkoljenti ta’ għajnejk, flimkien mat-tbissima ta’ fommok li tilqa’ lil kulħadd, huma xhieda tas-sbuħija tal-imħabba u tal-ferħ tar-rabta tiegħek ma’ Ġesù, il-maħbub tiegħek. L-istess marda tiegħek qistha bħala appuntament twil ta’ mħabba aktar profonda bejnek u bejnu, u offrejtha għalina lkoll, għall-Knisja li tant ħabbejt.

Nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li dak li għalina hu funeral, għalik hija l-festa tat-tieġ, hija l-festa tar-rabta sħiħa tiegħek ma’ dak li tant ħabbejt fil-ħajja fuq din l-art. Għalik l-Avvent intemm u wasal il-Milied. U għalhekk ħallina ngħidulek: Josette, awguri mill-qalb għal dan il-Milied daqshekk speċjali għalik!

Nirringrazzjawk, o Mulej Ġesù, li tagħtina persuni bħal Josette, li b’ħajjithom jgħinuna nsiru nafu x’inhu l-essenzjal, x’inhu tassew veru, tassew sabiħ – ir-relazzjoni tagħna miegħek. Nirringrazzjawk, o Mulej Ġesù, li tagħtina persuni li bħal Josette, juruna kif nistgħu nkunu ferħana f’din l-art – f’li nħalluk tħobbna u f’li nħobbuk lura.

Itlob għalina, int li issa tinsab daqshekk qrib tiegħU.