Fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, il-Parroċċa tagħna organizzat pellegrinaġġ għal Lourdes, immexxi mill-Arċipriet Mons. Joseph Curmi. Madwar 50 persuna attendew dan il-pellegrinaġġ. Is-Sur Anton Farrugia, wieħed minn dawn il-pellegrini, qasam magħna l-esperjenza tiegħu f’dan il-pellegrinaġġ.
Nhar is-Sibt, 3 ta’ Awwissu, flimkien ma’ 46 persuna oħra, immexxijin mill-Arċipriet Joseph Curmi u mis-Sur Pawlu Zammit, tlaqna għall-pellegrinaġġ annwali li l-Parroċċa ta’ San Ġorġ torganizza ta’ kull sena f’dawn iż-żminijiet lejn Lourdes fi Franza. Wasalna tard bil-lejl fil-lukanda billi kellna delay ta’ xi siegħa biex tlaqna minn Malta.
L-għada filgħodu, il-Ħadd 4 ta’ Awwissu, wara li ħadna l-kolazzjon, kellna l-ewwel quddiesa fil-kappella ta’ San Gabriel. Wara żorna t-tliet bażiliċi, l-ewwel il-kripta li kienet l-ewwel knisja li nbniet, u l-unika knisja li rat Bernardette qabel ma telqet minn Lourdes biex qatt ma terġa’ lura. Jingħad li missier Bernardette kien wieħed minn dawk li taw daqqa t’id biex inbniet din il-knisja, li l-artal prinċipali tagħha jinsab eżatt fuq l-għar tad-dehriet. Wara żorna l-Bażilika ta’ Fuq, iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Marija. Wara li ħadna r-ritratt tal-grupp bħala tifkira ta’ dan il-pellegrinaġġ, inżilna flimkien lejn il-Grotta tad-dehriet. Wara ftit ħin ta’ talb quddiem ix-xbieha tal-Madonna, żorna l-Bażilika ta’ Isfel, iddedikata lir-Rużarju Imqaddes. F’din il-bażilika nsibu ħmistax-il artal iddedikati lill-ħmistax-il misteru tar-rużarju, jiġifieri tal-Ferħ, tat-Tbatija u tal-Glorja, b’mużarjċi li jirrappreżentaw kull misteru. Meta żdiedu l-misteri tad-Dawl, saru xi mużajċi mal-faċċata ta’ din il-knisja biex jirrappreżentaw dawn il-misteri. Wara żorna ċ-ċimiterju fejn huma midfuna l-membri tal-familja Soubirous u l-Cachot, fejn kienet tgħix din il-familja fi żmien id-dehriet f’kamra waħda mingħajr ebda’ kumdità. Minn hemm bqajna sejrin lejn il-knisja parrokkjali, illum iddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù, iżda fi żmien id-dehriet kienet iddedikata lil San Pietru, fejn Bernardette kienet mgħammda. Din il-knisja ta’ San Pietru kienet inħarqet u nqerdet għal kollox. Baqa’ biss il-fonti tal-magħmudija li kien ta’ l-irħam u għalhekk ma nqeridx. Fil-kappella fejn jinsab dan il-fonti nsibu kopja ta’ dak li kien baqa’ mir-reġistru tal-magħmudijiet fejn tinsab irreġistrata l-magħmudija ta’ Bernardette. Wara l-ikel ta’ nofs-in-nhar għamilna l-ewwel eskursjoni barra minn Lourdes. Illum żorna Pont Napoléon kif ukoll Gavarnie bil-veduti sbieħ tal-kampanja u tal-muntanji Pirinej. Irritornajna lura Lourdes għall-ikla ta’ filgħaxija. Wara, fid-9.00pm ingħaqadna ma’ eluf ta’ pellegrini fil-purċissjoni aux flambeaux, li ssir kull filgħaxija.
It-Tnejn 5 ta’ Awwissu, il-ġurnata tagħna bdiet kmieni filgħodu, fis-6.00am kellna quddiesa, immexxija mill-Arċipriet fil-Grotta tad-Dehriet. Jien kelli x-xorti li naqra l-lezzjoni f’din il-quddiesa. Wara din il-quddiesa rritornajna lejn il-lukanda fejn ħadna l-kolazzjon u wara tlaqna għat-tieni eskursjoni, li ħadet il-ġurnata kollha, fejn żorna l-belt ta’ Bayonne u l-bajja ta’ Biarritz. F’Bayonne żorna l-katidral u t-toroq tal-madwar fejn hemm ħwienet rinomarti, kif ukoll is-suq tal-post. Fi Biarritz wasalna fil-ħin ta’ nofs inhar, u wara li trejjaqna xi ftit, kien hemm min mar iżur l-Aquarium ta’ Biarritz, u oħrajn qagħdu jippassiġġaw max-xtajta jew f’xi kafè, sakemm sar il-ħin li nirritornaw lura lejn Lourdes. Wara l-ikel kulħadd kien liberu biex jerġa’ jmur lejn is-santwarji fejn kien hemm il-purċissjoni aux flambeaux, din id-darba mhux biex nieħdu sehem fiha, imma biex nassistu mill-għoli ta’ dik id-dehra sabiħa ta’ geġwiġija ta’ xemgħa mixgħulha b’qima lejn Sidtna Marija waqt li jirreċtaw ir-rużarju mqaddes b’kull lingwa li timmaġina, kulħadd jirrispondi bil-lingwa tiegħu.




































It-Tlieta 6 ta’ Awwissu, wara l-kolazzjon, kellna l-quddiesa fil-kappella tas-Salib Imqaddes. Wara l-grupp inqasam fi tnejn biex nagħmlu l-Via Sagra. Il-grupp immexxi mill-Arċipriet għamilna l-Via Sagra li tinsab fuq l-għolja fil-qrib, filwaqt li l-grupp l-ieħor, immexxi mis-Sur Zammit għamlu l-Via Sagra li tinsab faċċata l-Grotta tad-Dehriet. Wara min xtaq kellu ħin biex jidħol fil-banjijiet. Wara l-ikel kellna eskursjoni oħra lejn Pont d’Espagne fejn gawdejna l-kampanja b’ilmijiet neżlin minn fuq il-muntanji u xemx tisreġ. Grupp minnha, flimkien ma’ l-Arċipriet kienu aktar avventurużi billi telgħu fuq il-muntanja permezz ta’ funikular fejn imxew lejn lag qalb il-muntanji. Wara bqajna sejrin lejn Cauterets fejn qattajna ftit tal-ħin induru l-ħwienet fejn isir ħelu artiġġjanali b’kull togħma li tista’ timmaġina. Wara li rritornajna lura lejn Lourdes, kellna l-ikla ta’ filgħaxija u kulħadd kien liberu biex imur jagħmel l-aħħar żjarat tiegħu fis-santwarji.
L-aħħar jum tal-pellegrinaġġ, l-Erbgħa 7 ta’ Awwissu, wara l-kolazzjon, ħadna sehem fil-Quddiesa Internazzjonali li ssir kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd fil-Bażilika ta’ San Piju X. Din il-knisja hija mibnija f’forma ta’ vapur bil-maqlub u tinsab imħaffra taħt l-art. Tesgħa madwar 22,000 ruħ bilqiegħda. Il-quddiesa kienet immexxija minn isqof taljan u kienet b’diversi lingwi prinċipali ta’ l-Ewropa. Kienet esperjenza sabiħa ħafna. Fost il-ħafna saċerdoti li kkonċelebraw kien hemm l-Arċipriet li għen ukoll fit-tqarbin. Wara żorna d-dar fejn twieldet Bernardette kif ukoll il-Mużew fejn hemm affarijiet relatati mad-dehriet, is-santwarji u Bernardette. Wara l-ikel, għabbejna l-bagalji fil-coach u tlaqna lejn l-Ajruport ta’ Lourdes-Tabres minn fejn qbadna l-ajruplan li wassalna lura lejn Malta fejn wasalna tard filgħaxija.
[Ritratti: Anton Farrugia].