Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ organizzat open-day bit-tema Iltaqa’ mal-artisti li fiha mijiet ta’ persuni setgħu jagħmlu esperjenza tal-arti tal-mużajk fuq stil Biżantin mal-koppja artisti mir-Rumanija Alex u Anca Costenco. Dawn l-artisti ilhom ’il fuq minn sena jaħdmu Għawdex fuq proġett uniku li qed jitwettaq fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria: il-proġett ta’ Kappella tal-Adorazzjoni fuq stil Biżantin. Din il-kappella ġiet mibnija fil-bidu ta’ dan il-millennju bħala proġett tal-Ġublew il-Kbir tal-Inkarnazzjoni fuq pjanta tal-Perit Vince Centorrino li għadu qiegħed isegwi mill-qrib l-iżviluppi ta’ dan ix-xogħol.
Fl-open-day l-artisti qagħdu jitkellmu ma’ dawk kollha li żaru l-kappella u jispjegawlhom it-teknika li jużaw biex jaħdmu dawn l-opri ta’ arti b’tant paċenzja. Il-materjal li jużaw hu ħġieġ ikkulurit li jissejjaħ żmalti u ħġieġ bil-folja tad-deheb li jinġieb dirett minn waħda mill-aqwa kumpaniji li jagħmlu dan il-materjal, id-ditta Orsoni ta’ Venezja. Wara li jagħmlu disinn bil-lapes, jibdew jiffurmaw il-figuri bil-biċċiet tal-iżmalti kkuluriti billi jwaħħluhom b’kolla organika magħmula minn dqiq u ilma msajrin. L-isfond, kif inhi t-tradizzjoni tal-mużajċi f’dan l-istil, jimlewh bi ħġieġ li jkollu d-dahar tiegħu blu u l-faċċata tad-deheb. Interessanti li huma jużaw it-teknika li jaħdmu kollox minn wara. Dan ifisser li huma jkunu qed jaħdmu x-xogħol wiċċu ’l isfel u jaraw biss id-dahar li mbagħad jeħel mal-ħajt. Meta jlestu biċċa, din iwaħħluha permezz ta’ siment apposta mal-ħajt u bl-ilma jneħħu l-kolla u l-karti u hekk jikxfu l-wiċċ proprju tal-mużajk u tad-deheb.
Fost dawk li żaru l-workshop kien hemm tfal, familji, żgħażagħ, adulti u anzjani li kollha kemm huma baqgħu msaħħra bis-sbuħija ta’ din l-arti Orjentali unika f’pajjiżna. L-artisti stiednu lil dawk kollha li żaruhom biex iwaħħlu parti huma wkoll. Huma fissrulhom li dik il-parti li qed iwaħħlu se tagħmel parti mill-mużajk bl-isem “Il-Komunjoni tal-Appostli” li juri lil Ġesù jagħti l-Ewkaristija lill-Appostli. Dan għaliex hi l-Ewkaristija li tgħaqqadna lkoll flimkien. Aħna lkoll li nieklu minn mejda waħda u nixorbu minn kalċi wieħed mistednin biex inkunu magħquda u nkunu ġebel ħaj fil-binja li hi l-Knisja.
Dan il-proġett b’dimensjoni ekumenika hu previst li jitlesta fis-sena li ġejja u se jkollu fih ’il fuq minn 100 metru kwadru ta’ mużajk. Minbarra li se jintuża bħala Kappella tal-Adorazzjoni, dan il-post hu mmirat li jservi bħala mezz ta’ katekeżi u kontemplazzjoni li huma aspetti essenzjali tal-ikonografija tal-Knejjes tal-Lvant.
[ritratti: Joseph Zammit]