Waqt il-ġranet tan-Novena tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ din is-sena, ġew inawgurati l-aħħar erba’ pitturi minn sett ta’ tmienja.  Dawn il-proġett, hu parti mill-proġett Fejn hu ħuk? li jirrappreżentaw l-opri tal-ħniena b’mod attwali u li bih jirrappreżentaw l-ħajja tal-lum.  Il-pitturi twaħħlu fil-pendenti tal-koppletti tan-nofs fin-navi tal-Bażilika. Minn idejn l-artist żagħżugħ Manwel Farrugia, l-opri tal-ħniena huma rappreżentati b’sinjali u stil ta’ ħajja ta’ żmienna.

F’dan l-artiklu se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn l-ewwel żewġ pitturi inawgurati.  Dan hu l-ewwel artiklu minn sensiela ta’ erbgħa, fejn se nagħtu tifsira ta’ kull pittura li jirrappreżentaw l-opri tal-ħniena.

 

L-IMĠEWWAĦ
“Kont bil-ġuħ u tmajtuni” (Mt 25:35)

Din il-pittura tiftaħ is-sett ta’ tmien pitturi minn id l-artist Manuel Farrugia li jissimbolizzaw l-Opri tal-Ħniena: is-sebgħa tradizzjonali flimkien mal-opra “Ħu ħsieb id-dar komuni” li żied il-Papa Franġisku.


L-imġewwaħ
Il-figura ċentrali tal-pittura hi tfajjel bil-ġuħ. It-tifel, filwaqt li jħares dirett f’għajnejn min qed jara, b’għajnejh qed jitlob li l-ġid jinqasam bejn kull bniedem. L-id fuq l-istonku turi l-bżonn u d-dritt bażiku li kull bniedem mhux biss ikollu x’jiekol, iżda wkoll ikollu ikel tajjeb. L-id ix-xellugija tidher qed tistenna bil-ħniena. Iżda fil-verità, skont il-viżjoni tal-Vanġelu hu l-fqir li qed iħenn u jagħmel pjaċir lilna, għaliex permezz tiegħu għandna opportunità naqdu lil Kristu. Hu għalhekk li ma’ rasu hemm id-dija, għax kliem Kristu hu ċar: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Il-figura tal-Knisja
Il-figura tal-lemin li tirrappreżenta l-Knisja hi persuna għalliema tal-Kelma ta’ Alla. L-identità ta’ din il-persuna mhix importanti, għax tista’ tkun katekist, missjunarju, ġenitur, nannu u kull persuna li tgħallem b’xi mod il-Kelma ta’ Alla. F’id din il-persuna hemm il-Bibbja li hi maqsuma bħall-ħobż. Dan għaliex l-iktar ħidma speċifika tal-Knisja u ta’ kull mgħammed hi li kollha jwasslu l-Kelma ta’ Alla lill-bniedem. Fl-Iskrittura nsibu lil Kristu jgħid lix-xitan li l-bniedem mhux bis-sempliċi ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla (ara Mt 4:4). Il-Knisja għandha l-missjoni li minbarra li taqbeż għall-fqir u tagħtih l-ikel materjali, tagħti lid-dinja l-Aħbar it-tajba. Fil-qsim tal-Kelma ta’ Alla, fit-tagħlim, fis-smigħ, il-bniedem jimtela bis-sens veru tal-ħajja.

Il-figura tas-soċjetà
Il-figura tax-xellug tirrappreżenta s-soċjetà. Is-soċjetà tidher bħala raġel ħalqu mimli qed jiffanga. Għajnejh huma magħluqin għaliex is-soċjetà ġġib ħafna skużi biex ma tarax lill-imġewwaħ. San Ġwann Griżostmu, difensur kbir tal-foqra, jgħid: “Li ma taqsamx il-ġid tiegħek mal-foqra hu serq mingħand il-foqra u qed tiċħdilhom il-mezzi biex jistgħu jgħixu; il-ġid li għandna mhux tagħna imma tagħhom” (Hom. in Lazaro 2,5 : PG 48,992). F’idejn din il-figura hemm id-deheb li jirrappreżenta l-ġid. Is-soċjetà għandha għażla quddiemha: jew tibqa’ tiffanga u tieħu dak li jmiss lill-fqir, jew inkella tiftaħ għajnejha u taqsam verament dan il-ġid. Interessanti li l-artist, filwaqt li għar-raġġi tal-fqir juża deheb veru, għad-deheb ta’ jdejn is-soċjetà jagħmel biss imitazzjoni, għaliex dak mhux il-veru ġid.

 

**********************************

L-GĦATXAN
“Kont bil-għatx u sqejtuni” (Mt 25:35)

Din it-tieni pittura tkompli s-sett dwar it-tema tal-Opri tal-Ħniena ċċelebrati permezz tal-Proġett Fejn hu ħuk? biex jitwaħħlu fil-pendenti taż-żewġ koppletti tal-bibien laterali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ.

L-għatxan
Il-figura ċentrali ta’ din il-pittura hi mara għatxana li tirrappreżenta lill-fqir għatxan għal tazza ilma friska. L-ilma jagħti l-ħajja u mingħajru tintilef l-enerġija u l-mewt issir destin ċert. Tant persuni fid-dinja huma nieqsa minn aċċess għal ilma nadif. Dan hu ssimbolizzat permezz tat-tazza vojta, tax-xufftejn niexfa u maqsuma, kif ukoll tal-ilbies maħmuġ. Iżda fil-ħarsa diretta imma għajjiena tal-mara, l-artist ried jesprimi għatx iktar profond li għandu l-bniedem. Fil-fatt, il-figura kollha tal-mara tesprimi sens ta’ telqa u nuqqas ta’ enerġija. Dan għaliex il-bniedem jista’ ma jkun jonqsu xejn b’mod fiżiku iżda jkun ‘iddeidra’ f’qalbu. Il-bniedem għandu għatx iktar profond li jista’ jwasslu għal mewt interna. Il-bniedem għandu l-għatx tal-imħabba vera. Kull bniedem għandu bżonn li jħossu maħbub u li jkollu lil min iħobb. Kull bniedem għandu l-għatx li jgħix għal xi ħadd u li xi ħadd jgħix għalih.

Il-figura tal-Knisja
Il-Knisja hi rrappreżentata minn persuna li qed tgħaddi lil Ġesù tarbija lill-għatxan. Dan għaliex filwaqt li tiġġieled b’saħħitha kollha għall-fqir, il-Knisja għandha l-ikbar rigal li jaqta’ l-għatx tal-bniedem: l-Għimmanu-El, Alla-magħna. Ġesù jgħid lis-Samaritana: “Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx” (Ġw 4:14). L-isbaħ aħbar li timla qalb il-bniedem hi li Alla jagħti kasu sal-punt li sar bniedem u ssallab għalih. Ix-xogħol proprju tan-Nisrani hu li jaqta’ l-għatx il-veru tal-bniedem espress fis-Salm 42:2: “Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; meta niġi u nara wiċċ Alla?”. Dettall importanti hu li l-persuna li qed tirrappreżenta l-Knisja hi wkoll miżżewġa. Dan jidher fiċ-ċurkett taż-żwieġ. Il-Knisja trid turi s-sbuħija ta’ mħabba eterna. Il-bniedem m’għandux bżonn imħabbiet li jispiċċaw iżda hu għatxan għal imħabba li tibqa’ għal dejjem. Il-Knisja hi xhieda ta’ din l-imħabba li s-sors tagħha hu Alla.

Il-figura tas-soċjetà
Il-figura tax-xellug turi s-soċjetà b’għajnejha magħluqin tiffanga fl-ilma u taħlih filwaqt li ma taħsibx f’dawk li se jiġu wara. L-artist jagħmel il-figura xiħa f’sens negattiv għaliex flok tagħti l-ħajja, teħodha. Il-Papa Franġisku jsejjaħ lis-soċjetà Ewropea “għajjiena u xiħa, sterili u bla ħajja”, filwaqt li jgħidilha: “Xi ġralek, Ewropa umanista, pjuniera tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-libertà?”. Il-flixkun tal-ilma miżmum b’mod sod irid juri l-iskandlu fejn f’ħafna pajjiżi l-għejun tal-ilma, li huma ġid pubbliku, qed jinxtraw u jinsterqu jew jiġu mniġġsa minn kumpaniji privati. Il-flixkun baqagħlu l-ilma fih. Is-soċjetà tinsab f’għażla: jew se tkompli taħseb biss b’mod individwalistiku jew inkella se tibda tagħti kas tal-bniedem għatxan f’kull sens.