F’dan l-artiklu, se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn l-aħħar parti minn din is-serje tal-pitturi tal-Opri tal-Ħniena, is-seba’ u t-tmien pittura – Il-Mejjet u Il-Ħolqien.

 

IL-MEJJET
“Il-mejtin tiċħdilhomx il-ħniena tiegħek” (Sir 7:33)

‘Il-Mejjet’ hi s-seba’ pittura minn sett ta’ tmienja, xogħol Manuel Farrugia, li tissimbolizza l-Opri tal-Ħniena “Idfen il-mejtin”.

Il-Mejjet
Il-mewt hi ġrajja fundamentali fil-ħajja tal-bniedem. Iżda għall-Kristjan il-mewt m’għandhiex l-aħħar kelma. Il-figura ċentrali tal-pittura turi l-bniedem mejjet u mitluq. Il-kulur pallidu juri li l-mewt ġa seħħet u dan hu l-mument fejn qed jiġi mqandel. Il-mejjet minn qaddu ’l fuq hu mingħajr ħwejjeġ biex juri l-faqar u l-fraġilità tal-bniedem li quddiem il-mewt xejn minn dak li kien jew milli kellu f’ħajtu ma jista’ jipproteġih.

L-għajnejn tal-figura ċentrali naturalment huma magħluqin. Wara r-ras tal-mejjet hemm ileħħ id-deheb tal-preżenza ta’ Alla fil-bniedem f’din il-ġrajja kruċjali. Fl-Iskrittura nsibu diversi ġrajjiet li juruna li l-ġisem mejjet għandu jiġi meqjum. Insibu l-ġrajja ta’ Tobit li b’riskju għal ħajtu jidfen il-mejtin. Insibu d-difna ta’ Ġwanni l-Battista mid-dixxipli, id-difna u l-qawmien ta’ Lazzru, id-difna ta’ Ġesù minn Ġużeppi minn Arimatija, u d-difna ta’ Stiefnu. Il-qima mhix biss lejn il-ġisem tal-bniedem xbieha ta’ Alla u tempju tal-Ispirtu s-Santu, iżda wkoll lejn il-ħajja tal-bniedem li ma tmut qatt.

Il-figura tal-Knisja
Fin-naħa tax-xellug tal-pittura, is-saċerdot jidher qed jgħin fid-difna tal-mejjet. Is-saċerdot li jakkumpanja lill-persuni tul ħajjithom iqawwihom bis-sagramenti u jgħinhom jaslu biex iħarsu b’fidi u tama lejn l-eternità. Dettall importanti f’din il-pittura hu li filwaqt li fil-pitturi l-oħra l-figura ċentrali qed tħares direttament lejn l-ispettatur biex tgħaddi l-messaġġ, din id-darba l-mejjet ma jistax jagħmel dan. Il-Knisja hi dik li tieħu dan il-post u titkellem għalih. Hi l-Knisja li titlob għall-mejtin, toffri s-sagrifiċċju tal-Ewkaristija għal ruħhom, kif ukoll tfakkar lis-soċjetà biex titlob u tqim il-mejtin. Għalhekk il-ħarsa tas-saċerdot qiegħda direttament lejk u lejja li nħarsu lejn il-pittura. Barra minn hekk, il-Knisja għandha l-missjoni li tgħin lis-soċjetà tagħti sens lill-mewt u allura tgħin fi proċess veru ta’ bereavement mibni fuq il-fidi fil-qawmien.

Il-figura tas-soċjetà
Is-soċjetà hi rraffigurata bħala raġel li qed jerfa’ l-mejjet. Iżda din il-pożizzjoni tista’ tkun ambigwa. Dan għaliex wieħed jista’ jaraha bħala soċjetà li trid teħles u tiġri tneħħi minn quddiemha r-realtà tal-mewt. Il-bniedem jagħmel minn kollox biex ma jaħsibx u ma jarax il-mewt biex hekk jilludi ruħu li hu alla. Fil-fatt il-bniedem jipprova jgħatti u jaħbi kull sinjal ta’ limitu fiżiku u ta’ xjuħija.

Iżda l-pożizzjoni tas-soċjetà tista’ tidher ukoll bħala soċjetà li terfa’ l-piż li ġġib magħha kull mewt u tkompli tgħin bit-talb għall-mejjet. Il-Mulej qed jgħidilna: “Jien hu l-mejjet, u int?”. Il-pożizzjoni li se tieħu s-soċjetà f’din il-pittura tiddependi minni u minnek!

 

**********************************

 

IL-ĦOLQIEN
“U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu” (Ġen 2:15)

Fl-2016 il-Papa Franġisku żied it-tmien Opra tal-Ħniena dwar il-kura tal-ambjent: “Ħu ħsieb id-dar komuni”. Din żdiedet mas-sebgħa tradizzjonali.

Il-Ħolqien
Il-ħolqien f’din il-pittura hu rrappreżentat permezz tal-art, il-muntanji, il-baħar, is-siġar u t-tjur li jirrappreżentaw l-ispeċi kollha tal-ħolqien. Fiċ-ċentru hemm tifla innoċenti li tirrappreżenta lill-bniedem li fih tinġabar is-sintesi u l-milja tal-ħolqien. Wara li għamel il-ħolqien, Alla ħares u ra li kollox kien tajjeb. Wara li ħalaq lill-bniedem xbieha tiegħu, Alla ħares lejn dak kollu li għamel u ra li kollox kien tajjeb ħafna.

Il-fatt li bħala figura l-artist poġġa tifla żgħira jrid juri li quddiemha għad għandha futur ta’ ħajja. L-għajnejn tat-tifla qed iħarsu dirett lejn min iħares lejn il-pittura. L-idejn qegħdin miftuħa biex jilqgħu. Iżda fil-ħolqien hemm kuntrast: hemm l-ambjent sabiħ li iktar ma tinżel ’l isfel jisfuma fi tkissir, kruha u ħmieġ. Dan hu rrappreżentat permezz tal-blokki tal-konkrit, swidija taż-żejt u plastik. Alla mill-kaos ħalaq is-sbuħija, filwaqt li l-bniedem bid-dnub, l-egoiżmu u r-rebgħa, mis-sbuħija jkisser u jġib il-kaos. L-idejn tat-tifla huma bħal miżien bejn l-armonija tal-ħolqien u l-kaos tat-tifrik tiegħu.

Il-figura tal-Knisja
Il-ħolqien sar bil-kelma ta’ Alla. Il-Ġenesi jgħid: “U qal Alla: ‘Ħa jkun id-dawl’. U d-dawl sar” (1:3). Iżda l-bniedem dineb u beda jeqred is-sbuħija. Warrab il-Kelma ta’ Alla u emmen il-gidba tax-xitan. Minkejja dan, Alla ma telqux iżda permezz ta’ Ġesù, il-Kelma li ħadet il-ġisem, reġa’ wasslu għat-tiġdid tal-ħolqien. Għalhekk il-Knisja tidher fil-mument li s-saċerdot jifrex idejh fuq il-ħobż u l-inbid u jitlob lil Alla biex iqaddishom bl-Ispirtu tiegħu. L-Ispirtu hu dak li jagħti l-ħajja u jġedded il-wiċċ tal-art. Il-Knisja hi u tiċċelebra s-sagrifiċċju tal-Ewkaristija, waqt li tinqeda bl-istess elementi naturali tal-ħolqien, tfakkar u tgħix il-ħolqien ġdid li ġab Kristu bil-ħajja l-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-Knisja tfakkar lid-dinja li l-iskop tal-ħolqien hu l-eternità meta kollox jinġabar taħt ras waħda li hu Kristu. Għax x’sens fiha tgħix jekk it-tmiem hu l-mewt u m’hemm xejn wara? Fil-fatt id-dawl fuq wiċċ it-tifla jaqa’ proprju min-naħa tal-lemin.

Il-figura tas-soċjetà
Il-figura tas-soċjetà tilgħab fuq il-ħarsa. Dan għaliex il-kelma tħares jista’ jkollha ħafna tifsiriet. F’din il-pittura l-wiċċ tas-soċjetà, b’mod speċjali l-għajnejn, jidhru b’mod ċar. Is-soċjetà qiegħda tħares minn wara. Is-soċjetà trid tagħżel x’tip ta’ ħarsa titfa’. Tista’ tħares biex sempliċiment tammira mingħajr fidi. Tista’ tħares fis-sens li tipproteġi l-ħolqien. Tista’ tħares b’għajnejn ta’ ħalliel biex tisraq u tabbuża mill-ħolqien. Tista’ tħares lejn il-ħolqien u tilmaħ fih il-preżenza ta’ Alla, li tilħaq il-milja tagħha fis-sagrifiċċju tas-salib. Mit-tip ta’ ħarsa li nagħżlu jien u int jiddependi x’se nagħtu lill-ġenerazzjoni li ġejja. L-idejn tat-tifla jistgħu jimtlew bil-ħolqien sabiħ jew inkella bil-kaos u l-ħmieġ.