Wara li bħal-lum ġimgħa tajna ħarsa lejn l-ewwel żewġ pitturi li jirrappreżentaw l-opri tal-ħniena, inawgurati f’dawn is-sentejn li għaddew, f’dan l-artiklu se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn it-tielet u r-raba’ pittura – L-Għeri u Il-Barrani.

 

L-GĦERI
“Kont għeri u libbistuni (Mt 25:36)

‘L-Għeri’ hi t-tielet pittura minn sett ta’ tmienja, xogħol ta’ Manuel Farrugia, li tiġbor ġo fiha l-Opra tal-Ħniena “Libbes lil min hu għarwien”.

L-għeri
Din il-pittura tiżviluppa t-tema li l-għera prinċipali tal-bniedem hu meta d-dinjità tiegħu tiġi mkissra jew miċħuda. Fiċ-ċentru tal-pittura hemm żewġ persuni: il-mara tat-triq u t-tarbija fil-ġuf. Il-mara tirrappreżenta tant kategoriji li fis-soċjetà huma użati, abbużati u bla dinjità. Il-mara hi sabiħa fl-apparenza iżda bħal donnu d-dehra u d-dmugħ iħollu l-maskra li jkollha tilbes fuq barra. L-għajnejn li jsegwu lil min iħares huma bħal karba għall-għajnuna. Din il-figura għandha r-raġġi li juru l-preżenza ta’ Kristu għeri fiha u fit-tarbija li qed iġġorr. L-idejn tal-mara jżommu l-liżar strett huma espressivi u juru d-dmir li minkejja li d-dija tad-dinjità tat-tarbija fil-ġuf hi mgħottija, xorta hi Kristu għeri li għandu jiġi mlibbes. Il-mara u t-tarbija fil-ġuf huma mgħottija b’liżar abjad li jiddependi minn ħaddieħor jekk jaqax jew jgħattix l-għera. Dettall fuq l-id ix-xellugija hu t-tattwaġġ. Il-kuruna u l-barcode huma tnejn minn diversi simboli li jintużaw illum mit-traffikanti ta’ persuni għal skopijiet sesswali biex jimmarkaw lil dawn in-nies bħala proprjetà tagħhom.

 Il-figura tal-Knisja
Il-Knisja hi rrappreżentata minn persuna reliġjuża. Ir-reliġjużi huma dawk li bil-ħajja tagħhom jgħinu lill-bniedem jimmira għal imħabba ogħla. Il-Knisja, li tagħraf x’jiswa l-bniedem għal Alla (verità rrappreżentata fil-kurċifiss imdendel mal-għonq), tkun tittradixxi lil Kristu jekk ma tipproteġix id-dinjità ta’ kull bniedem f’kull żmien. Il-Mulej, fil-ġudizzju universali skont San Mattew, ma jispeċifikax x’rekwiżiti għandu jkollu l-għeri biex inlibbsuh: “Jien kont għeri u libbistuni” (Mt 25:36). Ma jagħmilx distinzjoni bejn tajjeb u ħażin, bejn jemmen jew ma jemminx, bejn Nisrani jew Musulman. Għalhekk din il-figura tidher tgħatti bil-ħlewwa l-għera f’ġest protettiv lil hinn mill-identità tal-għeri. Il-Knisja ma tistax ma tkunx il-leħen ta’ dawk li għal xi raġuni huma bla vuċi.

 Il-figura tas-soċjetà
Il-figura tas-soċjetà tidher tiġbed il-liżar min-naħa l-oħra. L-artist ipoġġi s-soċjetà f’pożizzjoni ambigwa għax minn naħa tista’ tkun qed tgħatti u min-naħa l-oħra tista’ tiġi interpretata li qed tiġbed il-liżar bil-vjolenza biex tneżża’. Is-soċjetà tista’ jew tiddefendi d-dinjità jew inkella tneżża’ minnha. Is-soċjetà tneżża’ lill-bniedem meta tużah, meta l-liġijiet ipoġġu lill-qawwi f’pożizzjoni vantaġġjata kontra d-dgħajjef. Dettall importanti hi l-karta tal-€20 li tintgħaraf sew. Is-soċjetà tneżża’ lill-bniedem meta l-flus isiru l-alla u l-iskop, filwaqt li l-persuni jsiru mezz. Il-flus bħal fil-Passjoni ta’ Kristu jintużaw biex ibigħu, joqtlu u saħansitra jagħlqu ħalq il-verità.

 

**********************************

 

IL-BARRANI
“Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35)

Din il-pittura hi r-raba’ waħda minn sett ta’ tmienja maħduma minn Manuel Farrugia għal waħda mill-Koppletti tal-Bażilika Ġorġajna u li jissimbolizzaw l-Opri tal-Ħniena; is-sebgħa tradizzjonali flimkien mal-opra “Ħu ħsieb id-dar komuni” li żied il-Papa Franġisku.

Il-Barrani

Fiċ-ċentru tal-pittura hemm il-figura tal-barrani, li għandha bħal dija wara rasha. Dan mhux għax hi figura ta’ qaddis, iżda għaliex il-kliem ta’ Ġesù hu ċar: “Jien il-barrani, u int x’se tagħmel? Dak kollu li għamilt mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltu miegħi”. Allura l-barrani hu Kristu li jridni nilqgħu. Il-barrani se jagħtini l-grazzja niltaqa’ ma’ Kristu. B’sinjal u stqarrija ċara, il-fattizzi tal-figura tal-barrani f’din il-pittura huma ta’ Lassana Cisse, ir-raġel li fis-6 ta’ April 2019 inqatel kiesaħ u biered f’pajjiżna għal motivi razzjali, għax hu barrani. Hi stqarrija li l-komunità Kristjana ma tistax ma tiddefendix lill-barrani. Lassana jiġbor taħtu lil dawk kollha madwar d-dinja li għal xi raġuni huma meqjusa barranin, fosthom nies ta’ razza jew etnija differenti, nies b’orjentament differenti, nies b’differenza fl-intelliġenza u l-abbiltà, persuni u Nsara ppersegwitati minħabba r-reliġjon.

Il-figura tal-Knisja
Fin-naħa tal-lemin tal-pittura hemm il-figura tal-Knisja fil-persuna tas-saċerdot li qiegħed bejn jgħannaq u bejn jerfa’ lill-barrani. Dettall importanti hu l-bieb tal-bronż imbexxaq tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fl-isfond tas-saċerdot. Il-komunità Kristjana trid toħroġ barra mill-kumdità tal-ħitan tal-knisja biex tilqa’ l-barrani. Lill-barrani ma tilqgħux billi ġġiegħlu jidħol fejn int komdu int, iżda billi timxi fuq l-eżempju ta’ Kristu. Kristu salva lill-bniedem billi ħalla s-Sema u ħa l-ġisem u sar bniedem bħalu. Kristu ħa t-triq id-diffiċli, iżda l-unika waħda li twassal għal bidla vera.

Il-figura tas-soċjetà
Is-soċjetà hi rraffigurata fil-figura tal-mara fuq in-naħa tax-xellug. Il-mara qed tħares lejn il-mowbajl u tara l-aħbar tal-barrani. Fil-fatt fuq l-mowbajl hemm ir-ritratt tal-figura ċentrali. Aħna ngħixu f’soċjetà li tara lill-ieħor permezz tal-midja soċjali. Ħafna drabi naraw lil ħaddieħor u lill-barrani kif jiġi rrakkontat lilna u qatt ma nsiru nafuh verament bl-istorja tiegħu, bl-emozzjonijiet u bix-xewqat tiegħu. Is-soċjetà għandha għażla quddiemha: jew ‘tiskrollja’ ’l fuq u tinjora l-barrani waqt li tara xi ħaġa oħra, jew inkella taġixxi!