F’dan l-artiklu, li hu t-tielet parti minn din is-serje, se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn il-ħames u s-sitt pittura – Il-Marid u Il-Ħabsi.

 

IL-MARID
“Kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36)

Din il-pittura tkompli mas-sett ta’ pitturi li saru bħala parti mill-Proġett Fejn hu ħuk? għall-Bażilika ta’ San Ġorġ.

Il-marid
Il-figura ċentrali hi mara anzjana li tirrappreżenta lill-persuni kollha vulnerabbli jew morda b’kull tip ta’ mard. Il-ħarsa  tal-anzjana, għalkemm diretta lejn min iħares, hi wkoll kemxejn mitfija, għajjiena u kważi mitlufa. Din il-ħarsa bħal trid tfakkar lil min iħares li l-abbandun tal-marid hu tbatija ikbar minn kull marda. L-għajnuna tax-xjenza tasal biss sa ċertu punt: id-djanjosi u, jekk possibbli, kura. Iżda l-imħabba ta’ min joqgħod mal-marid kapaċi tfejjaq anki l-qalb. Il-libsa tal-isptar turi l-faqar li l-mard ipoġġi lil kull persuna fih. Is-salib juri t-tbatija tal-marid, b’mod speċjali l-uġigħ, is-solitudni u l-biża’.

 Il-figura tal-Knisja
Il-Knisja hi rrappreżentata minn persuna li bl-id fuq l-ispalla qed tfarraġ lill-marid u bl-id l-oħra qed tippreżenta l-verità tas-Salib glorjuż. Dan is-salib jirrifletti t-teoloġija tal-Passjoni skont San Ġwann fejn l-ikbar mument ta’ glorja ta’ Kristu jinsab fuq is-salib: “Meta nkun merfugħ mill-art niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12:32). Alla mhux monstru li jieħu gost bis-sofferenza tagħna, iżda t-tbatija teżisti, u biex il-bniedem ma jiddisprax, hu li hu Alla, tgħabba bil-mard tagħna. Is-salib mhux biss mewt iżda jwassal għall-ħajja. San Pawl jgħid: “Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 1:18). Quddiem it-tbatija l-bniedem jinfixel u jipprova jilloppja ruħu billi jaħrab u jispiċċa jikkawża iktar tbatija. Il-Knisja trid turi li l-għaqda mas-salib ta’ Kristu tagħmel sens u tagħti l-paċi.

 Il-figura tas-soċjetà
Is-soċjetà hi rrappreżentata minn mara liebsa maskra li dan iż-żmien nassoċjawha mal-Covid-19. Din il-marda kkawżat tant distanza, solitudni ta’ persuni li refgħu l-mard u l-mewt waħedhom. Il-mara qed tħares lejn arloġġ. Ninsabu fiż-żmien tal-ismartwatch. Iżda s-soċjetà ma nafux għalfejn qed tħares lejn l-arloġġ. Jista’ jkun għax qed tiġġieled biex issib il-ħin biex tikkura lill-anzjana. Jista’ jkun li xebgħet ħdejha u trid titlaq. Jista’ jkun ukoll li għandha seba’ mitt sena biex l-anzjana tmut u ma tibqax piż u forsi wkoll imissha l-wirt. Dettall li jinqara biss mill-qrib hu l-arloġġ li jimmarka l-ħin waranofsinhar. Dak hu l-ħin li skont l-evanġelista Ġwanni, Kristu jġarrab il-kundanna u l-passjoni tiegħu. Il-ħin irid juri li l-marid jinsab fis-siegħa tas-salib. Għalhekk is-soċjetà tinsab f’għażla: jew se tikkura l-marid, jew se tipparkjah f’kamra sal-mewt, jew toffrilu soluzzjonijiet iddisprati miksija b’ħafna kliem ħelu.

 

**********************************

 

IL-ĦABSI U L-VITTMA
“Kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:36)

 

Din il-pittura hi s-sitt waħda minn sett ta’ tmienja, xogħol Manuel Farrugia, li jissimbolizzaw l-Opri tal-Ħniena: is-sebgħa tradizzjonali flimkien mal-opra “Ħu ħsieb id-dar komuni” li żied il-Papa Franġisku.

Il-Ħabsi u l-Vittma
Fiċ-ċentru tal-pittura hemm il-figura tal-ħabsi ’l ġewwa mill-grada tal-ħabs. Il-pittur ħareġ b’mod intens il-wiċċ li juri sens ta’ qsim il-qalb. Meta wieħed jarah mill-qrib jinnota demgħa kbira nieżla f’nofs wiċċu. Iżda jekk naħsbu ftit fil-fatt ma nafux eżatt għalfejn hu ddispjaċut. Il-Mulej ma jispeċifikax x’tip għandu jkun il-ħabsi li għandna naqdu, jekk hux niedem jew le, jekk hux innoċenti jew ħati. Hu Kristu biss li jagħraf fil-verità l-qalb tal-bniedem. L-idejn marbuta bil-ktajjen jidher ċar li qed jitolbu ħniena. Il-ħabsi minkejja l-kruha taċ-ċella u l-irbit tiegħu għandu d-dija wara rasu għaliex il-Mulej qalilna: “Jien il-ħabsi. U int x’se tagħmel?”.

Dettall importanti fil-figura tal-ħabsi hi l-qalb tnixxi d-demm minn taħt il-libsa. Il-ħabsi qatt ma jista’ jinfired mill-vittma. Il-ħabsi ħafna drabi hu nnifsu hu vittma. U l-vittma tal-ħażen ta’ ħaddieħor ħafna drabi tgħix fil-ħabs tal-esperjenza negattiva li mmarkatha. Dawn il-feriti ħafna drabi huma moħbija. Hu għalhekk li din il-figura ċentrali tissimbolizza kemm il-ħabsi u kemm il-vittma għaliex it-tnejn li huma marbutin għalkemm b’mod differenti. U lil Kristu nsibuh f’kulma nagħmlu magħhom.

Il-figura tal-Knisja
Fin-naħa tal-lemin tal-pittura hemm il-figura tal-Knisja rrappreżentata mis-saċerdot. Il-Knisja trid twassal l-imħabba ta’ Kristu f’kull post. Ma jeżisti l-ebda post li jista’ jkun bogħod mill-ħniena u l-imħabba ta’ Alla. U għalhekk il-Knisja għandha tkun anki fil-ħabs. Fil-fatt l-artist ipoġġi lis-saċerdot fiċ-ċella mal-ħabsi u mhux barra mill-grada. Hi l-immaġni ta’ Kristu li biex jeħles lill-bniedem sar ħabsi hu. Biex tgħin lill-bniedem il-Knisja trid timxi miegħu u tidħol fil-ħajja tiegħu.

L-id merfugħa tas-saċerdot flimkien mal-istola l-vjola juru l-qawwa tas-Sagrament tal-Maħfra li jeħles il-qalb tal-ikbar midneb. Is-saċerdot qiegħed proprju fil-mument tal-assoluzzjoni fejn minkejja kollox dak li jgħodd mhux x’jaħsbu l-oħrajn, iżda x’jaħseb Alla dwar il-bniedem: “Jien naħfirlek”.

Il-figura tas-soċjetà
Is-soċjetà tidher bħala raġel li qiegħed ’il barra miċ-ċella b’ċavetta f’idu. Iċ-ċavetta ma nafux eżatt x’se jsir minnha għax l-għażla hi f’idejna. Is-soċjetà tista’ tiddeċiedi, kif nisimgħu ħafna drabi, li ssakkar lill-ħabsi u tarmi ċ-ċavetta. Is-soċjetà tista’ tagħti ċ-ċavetta tal-ħelsien u l-maħfra soċjali lill-ħabsi. Is-soċjetà tista’ tagħti l-opportunità ta’ ħajja ’l barra mill-ħabs lill-ħabsin li ħarġu, lill-familji tal-ħabsin u lill-vittmi. Is-soċjetà tista’ wkoll tinduna li l-ħabsin huma xi ftit il-frott tagħha. Iċ-ċavetta tal-ħabsi u l-vittma huma f’idi u f’idek. L-għażla f’idejna!