Grupp ta’ disa’ abbatini Għawdxin qed jingħaqdu ma’ abbatini oħra minn pajjiżna li bħalissa jinsabu Ruma biex jagħmlu esperjenza ta’ servizz fil-Bażilika ta’ San Pietru.  Fost dawn l-abbatini Għawdxin hemm ukoll l-abbati mill-Parroċċa tagħna, George Abela.  Dawn l-abbatini huma akkumpanjati mis-seminarista Franklin Micallef.

Is-Sibt li għadda saret il-vestizzjoni ta’ dawn l-abbatini bħala abbatini tal-Bażilika tal-Vatikan. Iċ-ċelebrazzjoni liturġika tmexxiet minn Mons. Maximillian Grech, saċerdot Għawdxi li qed jaħdem fis-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan. Wara l-Liturġija tal-Kelma, l-abbatini għamlu l-wegħdiet tagħhom u sar it-tberik u l-għoti tal-faxex ħomor. Għal din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa kien hemm preżenti wkoll bosta mill-familjari tagħhom.

 

Il-Ħadd, wara l-Angelus, l-abbatini kellhom udjenza privata mal-Q.T. il-Papa Franġisku fir-residenza tiegħu. Flimkien mal-abbatini, l-Papa qal it-talba tas-Sliema u l-Qaddisa u temm billi tahom il-Barka tiegħu.

Nawguraw lil George Abela ta’ din l-esperjenza sabiħa. Dawn il-grupp ta’ abbatini Għawdxin fadlilhom hemm sal-5 ta’ Awwissu jagħtu servizz f’San Pietru.

[ritratti:  Gozo Diocese Facebook Page]