Matul il-weekend li għadda diversi żgħażagħ mill-Parroċċa tagħna għaddew xi jiem camping mal-grupp taż-żgħażagħ tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ 23Four.  Flimkien ma’ diversi leaders minn dan il-grupp, dan il-camping tmexxa mill-Arċipriet Mons. Joseph Curmi bis-sostenn ukoll ta’ Rev. Gabriel Vella.  Wieħed mill-leaders li kien preżenti għal din l-avventura, Andrea Camilleri, qasam magħna xi mumenti minn din l-esperjenza sabiħa.

Il-grupp 23Four, li huwa l-grupp ewlieni li jiġbor u jieħu ħsieb liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa, qatta’ l-weekend ta’ bejn it-22 u l-24 ta’ Lulju camping ġewwa ż-Żurrieq, Malta.  Grazzi, għaż-Żurrieq Scout Group & Campsite, iż-żgħażagħ flimkien mal-leaders tagħhom, setgħu jgawdu din l-esperjenza f’ambjent mill-isbaħ.  Kien weekend tabilħaqq ippakkjat b’attivitajiet diversi, li jvarja minn logħob, kompetizzjonijiet, mixjiet, diskussjonijiet, mawriet sal-bajja, tisjir, u kif ukoll laqgħat spiritwali.  Dawk kollha preżenti kellhom rwoli u responsabbilitajiet differenti, min inaddaf, min jaħsel il-platti, min iqassam l-ikel u oħrajn.

Fost l-oħrajn fil-ġurnata tal-Ġimgħa, filgħaxija morna sal-festa taż-Żurrieq, li proprja kienet qed tiġi ċċelebrata f’dak il-weekend.  Il-Ħadd filgħodu, qomna kmieni, għal ħabta ta’ xi 5.00am, biex naraw xena ta’ tlugħ ix-xemx minn fuq l-irdum, u fl-istess post, flimkien ma’ l-Arċipriet u Fr Gabriel, iċċelebrajna quddiesa.

Din is-sena, it-tema tal-kamp kienet ‘Ġawhar’, fejn kull membru tal-grupp kellu jaħseb kif kull wieħed u waħda minna huwa ġawhra, u kif aħna mdawrin b’sorsi ħżiena (li rreferejna għalihom bħala ħnieżer/klieb), li kontinwament jippruvaw ifixklu l-mixja tagħna fit-triq it-tajba.  Kienet esperjenza li ċerti li l-ebda membru tal-grupp 23 four, kemm iż-żgħażagħ kif ukoll il-leaders tagħhom, m’huma ser jinsew qatt!  Din it-tema kienet ispirata mill-kliem tal-Vanġelu “Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, u tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer li ma jmorrux jgħaffġuhom b’saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom.“ (Mt 7,6).

[Ritratti:  23Four Facebook Page]