Wara li s-sena l-oħra ntemm ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni tal-koppla minn barra u minn ġewwa, fl-aħħar sena l-Parroċċa ta’ San Ġorġ daħlet għal wieħed mill-aktar proġetti strutturali ambizzjużi imma meħtieġa fuq il-Bażilika tagħha: ir-restawr tal-faċċata artistika tagħha, ġawhra arkitettonika li tmur lura għas-seklu tmintax, u li kemm ilha wieqfa qatt ma għaddiet minn proċess ta’ restawr.
Fis-16 ta’ Ottubru 2020 beda x-xogħol billi ttella’ l-armar li għatta l-faċċata u l-kampnari kollha. L-armar kien ikopri sa fuq nett tal-kampnari u jgħatti wkoll l-istatwi tal-Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp fuq il-faċċati tan-navi.
Il-proġett sħiħ kien jinvolvi r-restawr tal-faċċata u tal-kampnar. Numru ta’ ġebel kien iddeterjora maż-żmien u ma kienx baqa’ triq oħra ħlief li jinbidel. Dan it-tibdil sar wara konsultazzjoni mal-periti ħalli jiġu mħarsa r-regoli ta’ konservazzjoni. Kull ġebla li tbiddlet kienet fil-fatt spezzjonata mill-perit. Ta’ min isemmi li ċertu lavur ta’ ġebel kien jirrikjedi paċenzja u attenzjoni biex tiżżarma l-ġebla, tinħadem oħra ġdida u titpoġġa f’postha mingħajr detriment għall-istruttura. F’xi każi ta’ ġebel li kien iddeterjora, ġie maqbul li minflok tinbidel il-ġebla kollha, isir ttrattament kimiku biex titwaqqaf id-deterjorazzjoni kif ukoll tissaħħaħ il-ġebla. Sar xogħol li kien jinvolvi t-tneħħija ta’ ħmieġ u depożiti li akkumulaw mal-faċċata. Sar ukoll xogħol ta’ tkaħħil u mili ta’ fili biex ix-xogħol jiġi integrat. Dan kollu sar permezz ta’ impakki u plastic repair biex jiġu osservati l-metodi ta’ restawr. Ix-xogħol kollu sar bl-approvazzjoni tal-entitajiet kompetenti u taħt l-osservazzjoni tal-periti mqabbdin mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, skont l-aħjar prattiċi ta’ konservazzjoni.
L-aktar parti ta’ restawr li swiet uġigħ ta’ ras kienet il-kampnar tal-punent, jiġifieri dak tal-qanpiena l-kbira. Qabel ma tqiegħed l-armar, kien diġà ħareġ ċar li diversi ħsarat kienu kkonċentrati fuq din il-parti tal-istruttura tal-faċċata. Hekk kif dan intrama u seta’ jiġi osservat aktar mill-qrib il-kampnar, ħareġ ċar li kien hemm xi ċaqliq fil-parti ta’ fuq tal-istruttura. Wara li saret analiżi fid-dettall ta’ dak li hemm fin-naħa ta’ ġew tal-istruttura, ġie deċiż li tinħatt il-parti ta’ fuq tal-kampnar sal-kapitelli. Dan seta’ jsir billi saru l-applikazzjonijiet mal-awtoritajiet konċernati u, wara li ħareġ il-permess, inbeda x-xogħol. Kull ġebla li żżarmat ġiet innumerata biex ikun aktar faċli l-proċess tal-armar mill-ġdid tal-kampnar. Malli żżarmat il-parti ta’ fuq tiegħu, deher evidenti ċinturin tal-ħadid li kien idur dawra sħiħa mal-kampnar u kien impoġġi fuq il-kapitelli. Dan hu maħsub li sar biex jagħti aktar saħħa u stabbiltà lill-kampnar. Kienet evidenti wkoll il-ħsara kkawżata minn dan iċ-ċinturin. Maż-żmien, speċjalment bl-infiltrazzjoni tal-ilma, iċ-ċinturin tal-ħadid beda jissaddad, b’waħda mill-konsegwenzi tkun li beda jespandi. B’riżultat ta’ dan, il-ġebel ta’ madwar il-kampnar beda jinqasam, b’konsegwenzi għall-estetika li setgħu jkunu wkoll strutturali. Ġie deċiż li ċ-ċinturin jitneħħa u minfloku jsir ieħor tal-istainless steel biex ma ssir l-ebda ħsara lill-istruttura. Tpoġġa wkoll materjal li jgħin jassorbi d-daqqiet tal-ilsien tal-qanpiena ħalli titnaqqas il-vibrazzjoni lill-istruttura tal-kampnar. Wara li tlesta x-xogħol kollu relatat mat-tqegħid taċ-ċinturin il-ġdid, reġa’ beda jintrama l-kampnar. Dan sar billi ntuża ġebel li diġà kien jagħmel parti minnu, flimkien ma’ addizzjoni ta’ ġebel ġdid fejn il-ġebel kien iddeterjora.
Intant, kien ilu jinħass il-bżonn li jimtela l-ispazju vojt taċ-ċrieki (tal-arloġġi) li jinstabu fil-faċċata. Wara li tqabbad l-artist John Grima, ġie deċiż li jsiru żewġ arloġġi tal-irħam abjad u b’minutieri tal-bronż li ma jurux il-ħin li s-soltu kulħadd imdorri jara, imma jiżviluppaw kunċett ogħla ta’ ispirazzjoni teoloġika marbut ma’ Kristu bħala l-Milja taż-Żmien. L-arloġġ tal-lvant hu statiku, waqt li dak tal-punent juri s-siegħa, u miegħu saret ukoll l-installazzjoni ta’ martell elettroniku li jindaqq kull siegħa b’tokki mar-raba’ qanpiena (il-Fonza). L-arloġġi l-ġodda twaħħlu fis-7 ta’ Lulju 2021.
Max-xogħol tar-restawr tal-faċċata, sar xogħol ieħor addizzjonali li kien jinkludi r-restawr tal-qniepen tal-Bażilika – xogħol il-Funderija Barigozzi ta’ Milan fl-1925 – kif ukoll xogħol fuq l-ilsna tagħhom. Ġiet installata wkoll sistema ġdida kontra s-sajjetti.
Nhar it-22 ta’ Ġunju 2021 beda jiżżarma l-armar tal-kampnar tal-lvant u bil-mod tkompla aktar żarmar tal-armar tal-kampnar tal-punent kif ukoll tas-saffi mal-faċċata, biex issa din kważi nkixfet lura għalkollox u tista’ titgawda fil-ġmiel u l-glorja oriġinali tagħha. Hekk kif jitlesta l-proġett kollu tar-restawr, mistennija tibda fażi oħra, dik tal-installazzjoni ta’ illuminazzjoni professjonali ġdida li tixraq lix-xogħol kollu ta’ restawr li sar.
Il-proġett kollu ta’ restawr sar b’finanzjament qawwi mill-Ministeru għal Għawdex. L-illuminazzjoni tal-faċċata ser tkun qed issir ukoll b’finanzjament tal-istess Ministeru.
Ix-xogħol tar-restawr fuq il-faċċata tal-Bażilika ta’ San Ġorġ sar wara sejħa pubblika fejn intgħażlet il-kumpanija Recoop – The Restoration and Conservation Coop Ltd. Il-Bażilika ta’ San Ġorġ trodd ħajr lil: Paul Muscat, Direttur Maniġerjali, u lil Ian Schembri, li kienu l-persuni inkarigati mix-xogħol ta’ restawr; Salvu Micallef, il-Perit residenti tal-Parroċċa, kif ukoll lill-Perita Ivana Farrugia; George Galea, il-Quantity Surveyor; John Cremona, li għen fix-xogħol ta’ tendering; u lill-kumpanija C. Schembri Watchmakers tal-Belt Victoria li ħadet ħsieb l-installazzjoni tal-arloġġi u l-martell tal-arloġġ. Ħajr speċjali jmur fuq kollox lill-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat Eko Għawdex għall-finanzjament tax-xogħol ta’ restawr.
Il-Knisja parrokkjali attwali ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria nbniet fl-1678, l-ewwel waħda f’Għawdex f’għamla ta’ salib Latin. Wara ħsarat li ġarrbet minn diversi terremoti fis-seklu sbatax, il-faċċata tagħha nbniet mill-ġdid u b’żewġ kampnari bejn l-1816 u l-1818 fuq disinn tal-Kan. Salvatore Bondì, waqt li x-xogħol tal-lavur arkitettoniku tagħha nħadem mill-iskulturi Sigismondo u ibnu Ferdinando Dimech, kif turi l-firma tagħhom imnaqqxa fil-ġenb tal-istess faċċata. Il-faċċata hija waħda mill-ifjen eżempji tal-idjoma Barokka u Neo-Klassika fis-snin bikrin tas-seklu dsatax. Fuq il-bieb prinċipali tagħha hemm imnaqqxa fil-ġebla l-istemma tal-Isqof ta’ Malta u Għawdex Ferdinando Mattei, li fi żmienu sar ix-xogħol tal-bini tagħha. Fl-1995, il-kampnar tal-lvant inħatt u reġa’ nbena mill-ġdid. Jingħad li l-ġebel tal-bażi tal-faċċata jmur lura ħafna iżjed fiż-żmien, u aktarx hu tal-epoka Rumana.
Fis-snin tletin żdiedu wkoll magħha ż-żewġ navi tal-ġnub bbil-faċċati rispettivi tagħhom, li fuqhom għandhom l-istemmi tal-Isqof Mikiel Gonzi u tal-Arċipriet Alfons Maria Hili, kif ukoll żewġ niċeċ bix-xbihat tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp. Fl-2004 ġie mbierek ukoll Bieb tal-Bronż li nħadem fuq disinn ta’ John Grima.
Ritratti: JJP Zammit