One of the most solemn moments in this year’s Feast in honor of St George was the Act of Entrustment which took place at Independence Square at the end of the Solemn Pilgrimage with the statue of St George, a week ago today. Archpriest Joseph Curmi delivered a beautiful prayer which is being reproduced here.

 

ATT TA’ AFFIDAMENT LIL SAN ĠORĠ

Pellegrinaġġ Solenni ta’ San Ġorġ

Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria

Il-Ħadd 19 ta’ Lulju 2020, Solennità Festiva ta’ San Ġorġ

L-Arċipriet Joseph Curmi

 

 

Nitlobkom li dan il-mument għalina jkun mument solenni, ikun mument devot. Dan li se nagħmlu mhuwiex teatrin, imma għal dawk li jemmnu hu mument għażiż, mument tal-qalb. Dan huwa mument ta’ parroċċa, mument ta’ komunità, mument ta’ poplu. Aħna se nduru mhux tant lejn statwa tal-injam. Nistedinkom taraw lil hemm mill-istatwa. Ħarsu lejn l-istatwa tant devota u ilmħu fiha – bħal ritratt li jfakkarkom fl-għeżież tagħkom – lill-għażiż tagħna San Ġorġ. Ħalluh fl-eżempju tiegħu jurina lil Kristu. U f’isimkom illejla nagħmel talba li fiha se ngħidulu b’ħeġġa: “Se nafdaw fik, għax int tafdana lil Kristu”.

O Glorjuż Patrun tagħna San Ġorġ, ninsabu quddiemek biex nitolbu l-protezzjoni tiegħek. Ftakar fina, int li għal sekli sħaħ kont dejjem preżenti fl-istorja tal-Knisja sa mill-ewwel żmien tagħha, sew fi żmien il-ferħ u armonija u sew fi żmien in-niket u l-prova, żminijiet ta’ diżastri naturali u eżistenzjali: int dejjem tajtna l-għajnuna tiegħek, il-faraġ tiegħek.  Imħeġġin minn ċertezza li t-talba tagħna mhix fix-xejn, f’dan il-jum li fih niċċelebraw il-Festi f’ġieħ ismek, int li int daqshekk għani fil-merti quddiem il-Missier tal-Ħniena, agħmel li t-talba tagħna bl-interċessjoni tiegħek tasal għand Alla. Għinna, o Martri ta’ Lidda, biex inwasslu t-tama li tagħtina int lil dawk li minħabba t-tbatija, il-biża’, il-problemi personali, il-mard u l-mewt ma jirnexxilhomx iħarsu lejn il-futur bit-tama.

Idħol għalina, o Glorjuż San Ġorġ, għax madwarna għad hawn id-dwejjaq li aħna nixtiequ ninsew. Illum aħna u nħarsu lejk, dawn ninsewhom għax int turina l-glorja. Iżda madwarna għad hawn opportunitajiet mitlufa, iżolament sfurzat fuq persuni vulnerabbli. Għad hawn it-tbatija u l-biża’ moħbija. Aħna fdajna wisq fil-ħiliet tagħna u nsejna lil Kristu s-Salvatur. Aħna rbatna wisq qalbna mas-suċċess ekonomiku u nsejna li f’ħakka t’għajn it-torrijiet jaqgħu u kollox itir mar-riħ. Ittamajna biss f’din il-ħajja li ngħixu, ittamajna fil-lum – għax għada min jafu! –, u lil Alla ħadnieh for granted. Għamilna wisq allat foloz. Insejna lil ħutna u nqdejna b’kollox, l-aqwa li nkunu sew aħna.

Għalhekk illum ġejna quddiemek biex nerġgħu nġeddu l-fiduċja tagħna fit-talb tiegħek għalina. Għinna, o Glorjuż Patrun tal-Parroċċa tagħna, Protettur tal-Għawdxin, faraġ ta’ popli sħaħ, biex nibdlu l-biża’ f’riflessjoni dwar kemm il-ġid u l-kuntentizza li drajna bihom iħallulna vojt. Għinna nibdlu l-biża’ f’umiltà li tiġġieled il-kburija u l-arroganza tagħna. Għinna nibdlu l-biża’ fi kreattività biex ngħixu b’mod san il-ħin liberu. Għinna nibdlu l-biża’ fi mħabba u attenzjoni lejn ħutna tal-periferiji tas-soċjetà. Għinna nibdlu l-biża’ f’ħeġġa għall-ħajja ma’ Alla li ma tintemm qatt.

San Ġorġ, martri tal-kuraġġ u tal-qawwa, xhud tal-fidi u tal-ġlieda kontra kull tip ta’ dragun, idħol għalina quddiem Alla ta’ kull ħniena biex ifakkarna l-wegħda tiegħu: “La tibżgħux, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”. U għalhekk illum bħala komunità Ġorġjana, filwaqt li nafdaw l-istorja tagħna f’idejk, inwiegħduk mhux bi kliem vojt imma b’ħajjitna li se nagħmlu impenn kbir biex matul din is-sena nagħrfu iktar lil Kristu li int tajt ħajtek għalih billi noqorbu lejn is-Sagramenti, noqorbu lejn it-tagħlim u noqorbu lejn imqar wieħed minn ħutna li huma Kristu fil-fqir, Ġesù fil-proxxmu. U għalhekk, Glorjuż Patrun tagħna San Ġorġ, aħna lkoll bħala komunità ngħidulek:

 

Patrun ta’ din il-gżira

li dejjem qbiżt għalina,

aqta’ xewqitna, isma’ talbna,

b’għajnunietek int hennina.

 

Viva San Ġorġ Martri!

 

 

photo: Can. Jonathan Farrugia