Hawn min isejjaħlu rokna tal-ġenna, hawn min isejjaħlu post ta’ paċi. Lourdes joffri esperjenza unika li tmiss il-qalb u tagħti serħan lill-moħħ u lill-ġisem. Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ ilha torganizza kull sena l-pellegrinaġġ lejn Lourdes sa minn żmien il-mibki Arċipriet Mons. Salv Borg. Uħud mill-pellegrini jmorru iktar minn darba, saħansitra din is-sena kellna waħda li ġiet l-għoxrin darba! Dan jikkonferma kemm Lourdes hu post ta’ paċi.
Il-grupp ta’ din is-sena kien ta’ 52 pellegrin immexxija minn Pawlu Zammit flimkien mal-Arċipriet. Grupp kbir fin-numru iżda li jgħin u jieħu ħsieb xulxin. Din is-sena bħala parti mill-programm kellna x-xorti li nqaddsu żewġ quddisiet fil-grotta tal-Madonna fis-6.00am. Dawn dejjem ikunu mumenti qawwija. Il-programm dejjem ikun mimli, imżewwaq bejn talb, riflessjoni, żjajjar fil-postijiet marbuta ma’ Santa Bernardetta u kontemplazzjoni tan-natura. Fil-fatt Lourdes, li jinsab fil-Pirinej, joffri opportunità unika biex wieħed jerġa’ jingħaqad ftit mal-ħolqien ta’ Alla. Din is-sena kellna tliet eskursjonijiet: Pont d’Espagne, Gavarnie u San Sebastian. Din tal-aħħar kienet eskursjoni ġdida u ferm interessanti u sabiħa lejn din il-belt Spanjola max-xtajta tal-Atlantiku.
L-għeja tal-ġisem frott programm mimli ċċedi postha għal ferħ u paċi fil-qalb. Dan is-sens ta’ gratitudni lejn Alla u l-Madonna jimla l-qalb tal-pellegrini hekk kif imiddu saqajhom qawwijin u sħaħ fuq il-gżira ta’ Għawdex.