Kemm nistgħu ngħidu li huwa tagħna l-kliem ta’ Oriġene meta jgħid: “Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja”? Forsi naslu biex ngħidu li aħna nafu xi ħaġa dwar min għadda mill-mewt għall-ħajja – nafu li Ġesù għamel dan il-passaġġ u bħalu l-Martri San Ġorġ; imma b’daqshekk ma nistgħux ngħidu li “aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja”. Il-fatt li aħna nistgħu ngħidu li smajna b’xi ħadd li għamel dan il-passaġġ ma jfissirx li aħna wkoll għaddejna. Huwa sabiħ li niċċelebraw lil min għadda mill-mewt għall-ħajja, imma ċ-ċelebrazzjoni tkun sħiħa jekk kull wieħed u waħda minna jkun jista’ jgħid ma’ Oriġene: Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja.

In-Nisrani huwa dak li meta jsir jaf lil Ġesù, imewwet fih dak kollu li ma jaqbilx mal-Vanġelu. Huwa dak li ma jobgħodx, ma jkunx vjolenti bi kliemu u għemilu, jaħfer, jagħder, ma jiżrax il-firda, ma jagħmilx deni, ma joqtolx lil sieħbu. Huwa minnu li l-istint uman jgħidilna biex inpattu, inweġġgħu, ninku, ngħajru. Imma jekk ma mmewtux fina dan kollu, ma nistgħux ngħaddu għall-ħajja. Nibqgħu aġenti tal-mewt li niżirgħu l-mewt madwarna. B’din l-attitudni nibqgħu fid-dar mudlama tal-mewt!

Kif jgħid Oriġene, “aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja għax ma konniex nemmnu, u issa sirna nemmnu”. Ma nistgħux immewtu fina din in-negattività kollha bil-ħila tagħna biss, imma jekk nemmnu fi Kristu. Jeħtiġilna niltaqgħu ma’ Kristu u nilqgħuh f’ħajjitna. Hija l-grazzja ta’ Alla li twassalna biex innaqqu l-ħaxix ħażin minn ħajjitna. Jekk fina u fostna għadu jinbet ħaxix ħażin ifisser li fina u fostna ma għandna xejn minn ta’ Ġesù. Il-bniedem jista’ jagħmel tempju għal Alla waqt li jibqa’ ma jsirx hu stess tempju tiegħu. Il-bniedem jaf jorganizza ruħu reliġjożament u xorta waħda jista’ jkun għadu ma daħalx “fid-dawl ta’ dar il-ħajja”.

Fi kliem Oriġene, meta aħna ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, meta nibdew nieħdu lil Kristu bis-serjetà, “id-dinja tobgħodna”. Meta d-dinja ġġagħalna nbatu sempliċement għax inkunu qed nippruvaw ngħixu l-Vanġelu, dan ifisser li t-tilqima tagħna fi Kristu tkun ħadet. Għalhekk Oriġene jgħid: “Aħna mela għandna nagħtu ħajjitna, ma ngħidx għalih, imma għalina, jew aħjar, għal dawk li jieħdu eżempju tajjeb mill-martirju tagħna”. Id-dinja li tobgħodna mhix biss id-dinja pagana, imma tista’ tkun ukoll id-dinja preżenti fil-Knisja – għax fil-Knisja hemm dawk (Insara ta’ kull grad) li fi kliem il-Papa Franġisku għandhom l-ispirtu tad-dinja (spirtu ta’ mondanità). Dawn huma dawk li “jinnegozjaw il-fedeltà tagħhom lejn Alla; dawk li jinnegozjaw l-identità Nisranija tagħhom, dawk li saħansitra jaqgħu u jqumu mill-fatt li huma parti mill-poplu li Alla tant iħobb li jridu jkun il-poplu tiegħu” (ara Omelija tal-Papa Franġisku, 18 ta’ Novembru 2013).
~
Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Martri li għadda mill-mewt għall-ħajja, biex bl-għajnuna tiegħu u fuq l-eżempju tiegħu aħna wkoll ngħaddu mill-mewt għall-ħajja – aħna ninbnew fi Knisja skont il-qalb ta’ Kristu Rxoxt.