Is-sena d-dieħla l-Istazzjon tar-Radju Leħen il-Belt Victoria jagħlaq għoxrin sena minn meta nfetaħ, u għal dan iż-żmien kollu serva bħala ħolqa importanti sew fi ħdan il-komunita tagħna u sew ma’ persuni u komunitajiet ’il barra, anki f’pajjiżi oħra.

Bżonn ta’ Ristrutturar
Dan il-bżonn ilu jinħass għal snin sħaħ.  Sew l-istudjows u l-apparat, sew il-binja li fiha jinsab ir-Radju, waslu għal ristrutturar estensiv.  Wieħed jifhem li wara għoxrin sena jkun hemm bżonn li jinqala’ mill-qiegħ.

Il-Pjan
Għalhekk il-ħsieb hu li fix-xhur li ġejjin ir-Radju jiġi ttrasferit fiċ-Ċentru Parrokkjali.  F’dawn il-ġimgħat u xhur jista’ jkun hemm xi interruzzjonijiet fix-xandir, iżda se nippruvaw li dawn ikunu mill-inqas.  Imma hemm bżonn li jsir ħafna xogħol.

Il-Binja tar-Radju
Din ukoll għandha bżonn dawra tajba.  Nieħu l-okkażżjoni biex nirringrazzja lil Pawlu u Nena Cassar li kien għaddew din il-binja għall-bżonnijiet u l-ħtigijiet tal-Parroċċa.

Finanzi
Il-bżonn ta’ finanzi biex isir dan il-proġett hu kbir, kif tistgħu timmaġinaw.  Jien bħala Arċipriet inħoss li f’dan l-istadju, b’tant proġetti għaddejjin u oħrajn ġejjin, ma jistax ikun niftħu front ieħor, għalkemm bżonnjuż.  Hu għalhekk li fix-xhur li ġejjin se nippruvaw inpoġġu din il-binja għall-kiri biex dan il-proġett ikun iffinanzjat minn hekk.

GRAZZI
Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja mill-qalb lil dawk kollha involuti sa mill-bidu jew f’xi fażi oħra tar-Radju, iżda dan l-aħħar żmien b’mod speċjali lil Anton Farrugia.  Nirringrazzja wkoll lil tant benefatturi ta’ din l-opra ta’ karita’, b’mod speċjali mal-morda u l-anzjani.

L-Arċipriet

 

Dan hu l-messaġġ ta’ l-Arċipriet li deher fil-Bullettin tal-Ħadd li għadda.  Biex wieħed jista’ jara l-bullettin ta’ kull nhar ta’ Ħadd jista’ jidħol f’din il-link:  Il-Bullettin tal-Ħadd.