Għeżież ħuti, jekk aħna qed niċċelebraw il-Martirju ta’ San Ġorġ, ma jistax ikun li nibqgħu indifferenti għal ħutna li fihom hemm ix-xbieha ta’ Kristu. Ġorġi tagħna ma rrifjutax li jħares lejn Kristu fl-Insara apostati ta’ żmienu u forsi fina wkoll. Kif nistgħu aħna, li nħobbuh daqstant, nagħlqu moħħna, qalbna, widnejna, għajnejna għall-għajta ta’ Kristu li qed jgħajtilna fid-diversi foqra ta’ żminijietna? Allura nagħlaq b’dawn is-sentimenti kbar ta’ gratitudni lil Alla li tana lil San Ġorġ Martri. Mhux ta’ b’xejn li l-Knisja Griega ssejjaħlu “Martri kbir”, “Megalomartri”, għax ix-xempju tiegħu mhux biss kien kbir f’dak iż-żmien, imma jibqa’ jkellimna, anzi, jibqa’ jisfidana, ma jħalliniex komdi, anki fil-ġurnata tal-lum.

U kemm nixtieq nerġa’ niltaqa’ ma’ San Ġorġ Martri! Din id-darba mhux sa nfittxu fil-plakek ta’ San Ġorġ li għandhom l-Insara tal-Lvant Nofsani fuq id-djar tagħhom. Lanqas se nfittxu f’din il-Bażilika sabiħa frott xogħol u għaraq missirijietna. Lanqas se nfittxu fit-tiżjin sabiħ li għandkom barra – tal-ġenn, ir-Rabat festa waħda! Lanqas se nfittxu fil-ġmiel tal-mużika tal-baned jew inkella fil-qilla u l-qawwa tal-isparar li jbeżża’ l-iljuni u d-draguni. Imma se nħares lejn għajnejkom u nfittex f’qalbkom, u jekk nara xewqa li tħobbu lill-Mulej Ġesù, li tesperjenzawh, li tippruvaw tgħixu, minkejja d-dgħufija tagħna, il-karità u l-imħabba… jekk inħares lejn għajnejkom u nara f’qalbkom din ix-xewqa kbira li taraw lil Kristu fil-fqir… allura ngħid: “Illum erġajt iltqajt ma’ San Ġorġ!”.

Allura mbagħad inkun nista’ ningħaqad magħkom, anzi, inkun nista’ ningħaqad mal-kliem tad-deheb li kiteb ħija l-kbir Patri Akkursju Xerri, Franġiskan u Ġorġjan ta’ qalb kbira. Allura, iva, inkun nista’ ntenni u ngħanni magħkom:

Ġorġi tagħna, min qatt bħalek,
Stilla tiddi kollha dija!
Qlubna ssaħħret bil-ġmiel tagħha,

dawlet, sebbħet l-art Għawdxija.

(Mill-Kuruna ta’ Tifħir u Ġieħ lil San Ġorġ minsuġa minn Patri Marcello Ghirlando OFM fil-Pontifikal Solenni)