Omelija fis-solennità ta’ San Ġorġ Martri Il-Ħadd 18 ta’ Lulju 2010, Bażilika ta’ San Ġorġ, il-belt Victoria, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex Il-lum aħna poplu Ewropew, mhux biss kulturalment u ġeografikament, imma anki minħabba rabtiet ġuridiċi illi għandna. U kontinwament – daqqa nafu u daqqa ma nafux – ikollna nagħmlu konfrontazzjonijiet ma’ deċiżjonijiet illi jittieħdu mill-istituzzjonijiet Ewropej.U jien naħseb illi huwa dmir ta’ kull ċittadin u tagħna l-Insara illi quddiem din ir-realtà aħna nirriflettu u naġixxu.
U allura nħoss illi s-solennità tal-lum tagħtina l-opportunità biex aħna nirriflettu ftit – jew aħjar, inqabbad riflessjoni matura – fuq din l-identità Ewropea tagħna.Għaliex is-solennità tal-lum tagħtina din l-opportunità?Għax ma ninsewx illi l-Patrun tagħna San Ġorġ Martri huwa qaddis kbir Ewropew, mhux biss għax huwa hekk magħruf mill-istorja u l-kultura Ewropea, imma għax jekk nitkellmu fuq il-Kappadoċja – u allura qed nitkellmu fuq l-Asja Minuri – ma rridux ninsew li qed nitkellmu fuq żona li fl-antikità, jekk ġeografikament ma kinitx tifforma parti mill-Ewropa, imma kulturalment u ġuridikament kienet Ewropea.U aħna lkoll nafu illi San Ġorġ tagħna twieled propju fil-Kappadoċja.U jien ngħid, mhux biss twieled fil-Kappadoċja, imma hu u oħrajn, kif nispjegalkom, qabbad moviment illi ġab bidla fl-Ewropa.
Minn xiex hi għaddejja l-Ewropa ta’ żminijietna?Żgur illi seħħew kisbiet kbar u importanti għall-vantaġġ tal-bniedem, tas-soċjetajiet u tan-nazzjonijiet.Imma jekk irridu naqraw l-istorja kollha, ma nistgħux ma nirrikonoxxux illi l-lum il-ġurnata qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn hemm l-eskwilibriju, fejn m’hemmx il-bilanċ f’kollox.U dan għandu jħassibna.
Liema nuqqas ta’ bilanċ nara?Insemmilkom il-faxxa bejn dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx.Propju din is-sena l-Ewropa qiegħda taħdem kontra l-faqar, għax almenu għandna l-kuraġġ li ngħidu li fl-Ewropa hawn min għandu u hu mejjet fis-sakra, u hawn min hu mejjet għal qatra!
Xi żbilanċ nara?Nara żbilanċ bejn dawk li għandhom is-saħħa u bejn dawk li huma dgħajfa.Intom jidhrilkom illi l-poter politiku huwa mħaddem tajjeb u b’sens ġust, b’riżq għal kulħadd?Jew inkella hemm min għandu s-setgħa u ma jħaddimhiex għas-servizz ta’ ħaddieħor, speċjalment ta’ min hu dgħajjef, żgħir u bla vuċi? Lil dak għandna nipprivileġġjawh, għandna nagħmlu dik id-diskriminazzjoni pożittiva biex ngħinuh jitla’ ftit mill-kundizzjoni miżera tiegħu.
Xi żbilanċ ieħor nara?Nara żbilanċ bejn il-kisbiet tekniċi u xjentifiċi li aħna għamilna, li m’humiex akkumpanjati minn dik l-enerġija morali.U fejn il-ħiliet u l-kisbiet tal-bniedem m’humiex imħaddma b’regola etika morali, allura jista’ jiġri – u hekk qed jiġri – illi ċerti azzjonijiet tal-bniedem flok ma jippromovu l-bniedem qegħdin jeqirduh.
Imbagħad irrid ngħid ukoll li nara nuqqas ta’ bilanċ fil-ħajja reliġjuża ta’ dan il-kontinent.Għax invarjaw bejn dik li hija reliġjożità – u forsi reliġjożità mingħajr fidi, li twassal għall-fanatiżmu reliġjuż – u l-ateiżmu prattiku, anki ta’ dawk li formalment jgħidu li jipprofessaw reliġjon.M’iniex ngħid reliġjon Kristjana; apposta qed nuża l-kelma wiesgħa “reliġjon”.
Din hi parti mill-istampa tar-realtà li aħna qegħdin ngħixu fiha, anki naturalment aħna, il-lum.Għaliex jeżisti dan l-iżbilanċ?Għax, kif jgħid il-Papa Benedittu, fl-Ewropa tagħna hawn kriżi ta’ kulturi.U nsemmilkom tnejn b’mod partikulari.
Il-Kristjaniżmu. Naturalment dan m’hux kultura, imma jagħmel ukoll kultura.Ma nistgħux ngħidu illi l-Ewropa m’hix il-benniena tal-Kristjanità.Jekk aħna l-lum qegħdin nagħmlu din il-festa sabiħa f’ġieħ San Ġorġ Martri, inżommu quddiem għajnejna illi propju f’dawk l-ewwel żminijiet tal-Persekuzzjoni nżergħet iż-żerriegħa ta’ dik il-fidi li, imbagħad, meta Kostantinu ta l-libertà reliġjuża lill-Knisja, iffjorixxiet u tat dak il-patrimonju illi m’għandniex nistħu li nistqarru li hu patrimonju Ewropew.Il-Kristjaniżmu m’hux reliġjon Ewropea, imma l-Kristjaniżmu kiber fil-benniena Ewropea, u ħa l-libsa kulturali u intellettwali Ewropea.U x’sar minnu dan il-Kristjaniżmu?
Imbagħad hemm kultura oħra: dik illi twieldet fi żmien ir-Rinaxximent; dak il-moviment Illuminista li skopra l-valur tar-raġuni u tar-razzjonalità.Kienet kisba importanti ħafna.U l-istess użu tar-razzjonalità, l-approfondiment ta’ din il-kapaċità razzjonali tal-bniedem, ċertament għenitna biex nagħmlu kisbiet illi ġabu ’l quddiem il-ħajja taċ-ċittadin u tas-soċjetà.Imma mhux dejjem l-Illuminiżmu kien barka, għax meta l-bniedem għaraf il-qawwa tar-raġuni, m’għarafx il-limiti tar-raġuni.U allura uża r-raġuni u r-razzjonalità xjentifika biex jiddomina u jaħkem in-natura.Fil-fatt il-bniedem il-lum tant ħakem in-natura umana illi, wara li skopra l-mappa ġenetika tiegħu, kapaċi joħloq bniedem ieħor fil-laboratorju.Il-lum ma ngħidux: il-bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla; il-lum ngħidu: il-bniedem hu maħluq xbieha tiegħi, li ħloqtu jien, bil-gosti li rrid jien, skond il-ħiliet li nantiċipa jien.Din m’hix manipulazzjoni tal-bniedem?Li aħna nilagħbu mal-ħajja umana!Din hija kisba frott tar-razzjonalità…
Il-bniedem, għax hu mżejjen bir-raġuni, kiseb ukoll id-dominju fuq il-ġid tan-natura, dak li nsejjaħlu l-ġid komuni.Veru illi għamel passi ’l quddiem biex itejjeb il-ġid tan-natura, imma ma nistgħux ninsew illi l-bniedem, għal finalitajiet oħra, kiseb kontroll u dominju, u jabbuża mill-ġid tan-natura minħabba, ngħidu aħna, motivi ekonomiċi u l-liġi tas-suq.X’inhu jagħmel il-bniedem il-lum fl-Ewropa?Jekk l-art tagħtina l-frott, biex ma jaqax il-prezz dak il-frott nagħżquh u narmuh.Jekk il-baħar huwa sinjur fil-ħut tiegħu, u jkun dieħel sajjied lejn xtutna – m’iniex ngħid għas-sajjieda l-kbar, qed ngħid għas-sajjieda ż-żgħar – u kumbinazzjoni jaqbad ħut illi jaqbeż il-kwota – għax il-lum bil-kwota – u dan il-ħut ikun mejjet, x’ngħidulu?Armih il-baħar dak il-ħut!Imbagħad il-faqar ikompli jikber u t-tqassim tal-ġid ikompli jiżbilanċja ruħu!
Dawn huma l-kisbiet li għamel l-Illuminiżmu fi żminijietna!Il-bniedem, imdawwal bir-raġuni, mhux biss jimmanipula n-natura umana u l-ġid uman, imma jħossu wkoll sid illi jimmanipula istituzzjonijiet naturali.Fosthom qed nirriferi għall-istituzzjoni naturali taż-żwieġ u l-familja.Imma l-lum aħna “l-imdawlin”, u għax għandna dan id-dawl tar-raġuni naħsbu li nistgħu nkissru u nimmanipulaw dik l-istruttura naturali li għandhom iż-żwieġ u l-familja.M’hemmx għalfejn ngħid iktar!
Għaliex qed iseħħ dan kollu?Għax hemm dan il-konfront bejn il-kultura Kristjana u l-kultura Illuminista; għax l-Illuminiżmu jidhirlu illi m’għandux bżonn ta’ Alla.U għalhekk hemm dak l-iżbilanċ li semmejtilkom bejn il-ħiliet fit-tħaddim tal-kisbiet xjentifiċi u dik l-enerġija morali li tiggwidana biex dak li għandna ħila nagħmlu nagħmluh sewwa.Il-lum mhux il-morali Kattolika marret il-baħar, il-lum anki l-morali Kantjana – qed nitkellem fuq filosfu li kien jirrikonoxxi li hemm dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin – ukoll jidhrilna li ngħaddu mingħajrha.Għaliex?Għax ir-razzjonalità ta’ żminijietna tgħodd dak li huwa tajjeb jew ħażin mill-kalkoli li tagħmel tal-konsegwenzi ta’ l-azzjonijiet li aħna nagħmlu.Jiena nara jekk bl-azzjonijiet tiegħi hux ha niggwadanja… jekk ħa niggwadanja, nagħmilha; jekk ma niggwadanjax, forsi hija ħażina għalija.Imma dawn huma kriterji sodi?
Din hi r-realtà li qegħdin ngħixu fiha, għal min irid jiftaħ għajnejh!Il-kultura Illuminista mhux biss tefgħet fil-ġenb il-morali personali, jiġifieri li int u jien ikollna regola illi tgħinna niddixxernu illi mhux dak kollu li nista’ nagħmel għandi nagħmlu, imma tefgħet ukoll taħt saqajha l-moralità pubblika, jiġifieri li anki s-soċjetà għandu jkollha dan il-kodiċi ta’ regoli li jgħinha biex tħares l-interessi komuni.
U dan il-konfront bejn iż-żewġ kulturi li qed insemmilkom deher b’mod qawwi meta ftit ilu kien hemm id-dibattitu jekk Alla għandux jissemma fil-Kostituzzjoni Ewropea jew le.Ma nkunux b’memorja qasira!Dan il-konfront ħareġ b’mod ċar fid-dibattitu li kien hemm fuq jekk għandhiex issir riferenza għall-għeruq Kristjani ta’ l-Ewropa.U hemmhekk ħarġu argumenti li jwaħħxuk!Għax qalu illi jekk aħna nsemmu lil Alla u l-għeruq Kristjani, aħna nkunu nagħmlu diskriminazzjoni ma’ reliġjonijiet oħrajn: mal-Musulmani, mal-Lhud…Żomm ftit!Dak li jinkwieta ’l reliġjonijiet oħrajn m’hux li nsemmu l-għeruq Kristjani jew il-valuri morali tal-Kristjanità, imma ċ-ċiniżmu tal-kultura sekularista ta’ żmienna li jidhrilha li għandha tgħaddi mingħajr dan ir-riferiment.Ir-reliġjonijiet ma jħossuhomx iddiskriminati meta nsemmu lil Alla, imma jinkwetahom meta jaraw soċjetà li qiegħda kontinwament tbarri lil Alla.
Dan hu l-kuntest illi fih qegħdin niżvolġu l-ħajja tagħna.U f’dan il-kuntest li jiena nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom lejn San Ġorġ Martri.Għax f’Djoklezjanu, illi San Ġorġ ħadha kontrih, jiena nara mhux biss is-sede tal-poter abbużat, imma wkoll l-iskola ta’ l-għerf ta’ dak iż-żmien, qisu l-Illuminiżmu ta’ żmienna.U allura San Ġorġ, meta jieqaf quddiem dan il-moviment ta’ żmienu mbuttat mill-Imperu Ruman fi żmien ta’ dekadenza, għalina huwa mudell. Lilna, li nħobbuh u li għandna devozzjoni lejh, jixprunana biex, kif għamel hu, anki aħna.X’għamel San Ġorġ?San Ġorġ ried illi Alla jerġa’ jikseb iċ-“ċittadinanza” fil-belt ta’ Nikomedija; li Alla jkollu postu u jkun għalih, għax hu biss huwa Alla, ’il fuq mill-idoli l-oħrajn.
Jiena nimmaġina illi San Ġorġ sab il-qawwa f’dak li jgħid Kristu fil-vanġelu ta’ San Ġwann: “Jekk intom tagħmlu l-kelma tiegħi, intom tkunu ħielsa, għaliex il-verità teħliskom”.U ma nistagħġibx li, bħalma l-Lhud qalu lil Kristu: “Aħna ħielsa, aħna m’aħniex skjavi, aħna wlied Abraham”, il-lum jiġi xi ħadd u jgħid: “Mela fl-Ewropa hawn min hu skjav!”.Imma nħalli lil Kristu jirrispondi u jgħid: “Intom ilsiera tad-dnub tagħkom, intom ilsiera ta’ l-għażliet ħżiena li qegħdin tagħmlu”.
U għalhekk San Ġorġ qiegħed itennilna dak li qal Kristu u għadu jgħid il-lum: “Il-verità tagħmilkom tassew ħielsa”.U x’inhi din il-verità?Traduzzjoni forsi iktar korretta hija: “Ir-Rivelazzjoni tagħmilkom ħielsa”, dik il-Bxara t-Tajba li ġejja mingħand Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.Hija l-verità mhux biss fuq il-bniedem, mhux biss fuq iż-żwieġ u l-familja, mhux biss fuq l-operat tal-bniedem, imma hija r-Rivelazzjoni ta’ Kristu nnifsu, li qal: “Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja”.Mela meta qed jgħidilhom: “Il-verità teħliskom”, Kristu qed jgħidilhom: “Emmnu fija, u jiena ngħinkom tiksbu l-ħelsien veru”.Dan kien jemmen bil-qawwa l-Patrun tagħna San Ġorġ Martri, dan li San Ġorġ ipprova jgħid lil Djoklezjanu u lis-soċjetà ta’ żmienu, u dan hu li San Ġorġ qiegħed jgħid ukoll lis-soċjetà tagħna l-lum.
Għaliex anki f’pajjiżna jiena nilmaħ vuċijiet illi jipprovaw isikktu lil Alla.Taqrawhom il-kummenti fil-ġurnali, u hemm min jgħid ċar u tond u direttament: Alla m’għandux jidħol fin-nisġa tal-ħajja soċjali tagħna.Hemm min b’mod indirett jgħid l-istess meta jgħid li l-Knisja m’għandhiex titkellem. Bħallikieku jien m’iniex ċittadin bħal ħaddieħor, u int m’intix ċittadin bħal ħaddieħor!Xi żvantaġġ għandek li inti, bħal San Ġorġ, ħabbejt lil Kristu, int innamrajt ma’ Kristu, int għandek passjoni għal Kristu, u allura għandek ukoll passjoni għall-bniedem u għal dak li huwa sewwa?U allura tista’ tagħti kontribut fid-dibattitu pubbliku u soċjali fuq dak li tassew jixraq lill-bniedem tal-lum, fuq x’għandhom ikunu l-istrutturi veri li jirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna umana, fuq x’għandna nagħmlu biex possibbilment innaqqsu dawk l-iżbilanċi li semmejtilkom fil-bidu.
Jiena nixtieq nagħmel qabża mhux kbira fl-istorja.Ftit wara l-martirju ta’ San Ġorġ u ta’ martri oħra, fl-Ewropa tnissel moviment ta’ evanġelizzazzjoni.U mhux ta’ b’xejn aħna ngħidu li l-mewt tal-martri hija ż-żerriegħa ta’ l-Insara.Insemmilkom żewġ movimenti: id-Donatiżmu u l-Arjaniżmu.It-tnejn kienu mbuttati biex jevanġelizzaw, bil-limiti tagħhom.Aħna meta nsemmu dawn iż-żewġ kategoriji fit-Teoloġija, insemmuhom minħabba l-iżbalji tagħhom.Imma rridu nsemmuhom ukoll bħala dik l-enerġija tal-Knisja tal-martri illi qabbdet fl-Ewropa dan il-moviment.U jiena jiġini f’moħħi San Atanasju, ngħidu aħna, illi ta kontribut kbir f’wieħed mill-ewwel konċilji: ta’ Nicea. Jiġini f’moħħi San Bażilju l-Kbir, metropolita tal-Kappadoċja, li ta sehem importanti fil-Konċilju ta’ Konstantinopli.Dan biex nagħtikom ftit eżempji ta’ x’qabbad il-martirju ta’ San Ġorġ!
Jiena dan li nitlob lil Alla l-Imbierek f’din il-ġurnata u f’dawn iċ-ċirkustanzi: illi din il-festa, jew aħjar dawn il-festi sbieħ li aħna nagħmlu f’ġieħ il-Patrun tagħna San Ġorġ, jixprunaw fina ħeġġa għal moviment ta’ evanġelizzazzjoni ġdida.Huwa sintomatiku illi ftit ġimgħat ilu l-Qdusija Tiegħu l-Papa waqqaf Dikasteru ġdid fil-Kurja Rumana għall-Evanġelizzazzjoni tal-Punent.Qabel, meta konna nitkellmu fuq l-evanġelizzazzjoni, kienet tiġina f’moħħna dik li tissejjaħ il-Propaganda Fidei, jiġifieri tal-missjonijiet.Il-lum oqogħdu attenti: fil-Knisja, jekk tisimgħu b’dikasteru fuq l-evanġelizzazzjoni, araw ftit fuqhiex qiegħdin nitkellmu: hux fuq il-missjoni jew fuq dik li hija art ta’ missjoni ġdida, li hija l-Ewropa u l-bqija tal-Punent.
U dak illi l-Papa għażlu biex ikun il-kap ta’ dan id-dikasteru, l-E.T. Fisichella, f’waħda mill-intervisti li ta dan l-aħħar, qalulu: “Għaliex il-Papa ħass il-bżonn li jkun hemm dan il-moviment ta’ evanġelizzazzjoni fl-Ewropa?”.Tafu x’qal?Qal: “Għax fl-Ewropa hawn l-‘ekklissi ta’ Alla’”.U dan għalina għandu jkun monitum, għax jekk anki fid-djoċesi tagħna, u nazzarda ngħid f’pajjiżna, ma jkunx hawn ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li tinkorpora lil kulħadd – u ħadd ma jista’ joqgħod b’idejh marbuta fuq żaqqu jekk irid ikun Kristjan –, allura anki aħna ħa nkomplu nassistu għal dan l-“ekklissi ta’ Alla”.U fejn jekklissa Alla, jekklissa l-bniedem!
Allura kif San Ġorġ Martri kien ispiratorju għall-moviment ta’ evanġelizzazzjoni fl-ewwel snin tal-Knisja, jiena nitolbok, o San Ġorġ, Patrun tagħna, kun int ukoll ta’ ispirazzjoni, mhux biss għal din il-komunità, imma għad-djoċesi tagħna kollha, biex b’impenn u b’serjetà aħna nidħlu għal din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni: li nwasslu lill-bniedem ħalli jirċievi l-Bxara t-Tajba u jirranġa fejn għandu jirranġa, qabel ma jkun tard wisq u ma nagħmlu għażliet aktar ħżiena.
L-istorja ta’ San Ġorġ tirrakkontalna illi darba huwa mar jiġġieled kontra d-dragun, ħalli jsalva lil dik it-tfajla prinċipessa u jroddilha l-libertà.Frott ta’ l-Illuminiżmu li semmejtilkom żgur li kien il-kisbiet sbieħ u tajbin tal-libertà: il-libertà ta’ l-espressjoni u l-libertà reliġjuża.Imma jien irrid nara jekk fl-Ewropa hux veru hawn rispett għal-libertà ta’ l-espressjoni tan-Nisrani, jekk hawnx tassew libertà reliġjuża għall-Knisja!Għax Alla jbierek dawk nitkellmu bihom fit-teorija!M’iniex nitkellem fuq affarijiet tiegħi; qed nitkellem fuq affarijiet tagħna lkoll, għax il-Knisja hi aħna lkoll.
Għalhekk, kif San Ġorġ huwa mpitter għalina bħala dak illi ħeles lil din il-prinċipessa mid-difrejn tad-dragun, San Ġorġ Martri, Patrun tagħna, kun int illi tħares lil din il-Knisja, lil din is-soċjetà li tqimek u tħobbok, minn kull sens ta’ ħażen irrappreżentat fid-dragun.
Omelija fis-solennità liturġika ta’ San Ġorġ Il-Ġimgħa 23 ta’ April 2010, Bażilika San Ġorġ, Victoria, Għawdex Mons. Giovanni Bosco Gauci, vigarju ġenerali ta’ Għawdex Jgħidilna l-kittieb ta’ l-ittra lil-Lhud, Mosè meta kiber ma riedx li jkun magħruf bħala iben tat-tifla tal-Fargħun, imma għażel li aktar jixxierek mal-poplu ppersegwitat.Mosè f’dik l-istess ċirkustanza – jgħidilna l-kittieb sagru – ma beżax iħalli l-Eġittu, jaħrab minn dak il-post; anqas beża’ quddiem il-qilla tas-sultan.Dan kien il-kuraġġ ta’ dan il-kbir mexxej tal-Lhud, dak li l-Iskrittura tant tgħollih li tgħidilna: “Qatt ma deher profeta bħalu li kien ikellem lil Alla wiċċ imb’wiċċ”.U fl-istorja tal-Knisja ma kinux ftit dawk li mxew ukoll fuq il-passi ta’ Mosè, huma għażlu li jkunu ppersegwitati, li jkunu mal-klikka, mal-grupp, mal-poplu ppersegwitat u batut għall-imħabba lejn Alla tagħhom.U din l-għażla tagħhom kienet tfisser bosta drabi li jkunu mhux biss imwarrbin mill-oħrajn, mhux biss ippersegwitati, imma kien jeħtieġ ukoll li huma joffru l-ħajja tagħhom u jieħdu l-martirju.
Fost dawk li jiena nxebbah mal-kbir mexxej Lhudi Mosè huwa l-qaddis li f’dawn il-ġranet jien diġà tkellimt fuqu fit-Tridu u l-lejla qegħdin nagħmlu wkoll din it-tifkira solenni tiegħu: San Ġorġ Martri.San Ġorġ ukoll, fuq il-passi ta’ Mosè, għamel għażla.U dik l-għażla għalih kienet tfisser l-offerta tal-ħajja tiegħu.L-għażla li għamel San Ġorġ ġibitlu l-firda mill-ħwejjeġ li lill-bniedem jistgħu jikkuntentawh, bħalma huma l-unuri, l-hena, il-karriera.Imma meta fil-qalb tal-bniedem ikun hemm xi ħaġa li ssaħħaħ dik l-għażla, allura xejn ma jħalli lill-bniedem jaħrab mill-għażla li jkun għamel.U dik ix-xi ħaġa li ssaħħaħ l-għażla li jkun għamel il-bniedem, m’hemm xejn aqwa minnha meta tissejjaħ l-imħabba!Għalhekk l-Iskrittura tgħidilna wkoll illi l-imħabba hija qawwija daqs l-istess mewt.
San Ġorġ għaraf verità.U liema verità għaraf?F’moħħ il-bnedmin ta’ kull reliġjon u epoka ta’ spiss iberren ħsieb; ta’ spiss jiġuna ħafna kurżitajiet, imma hemm kurżità li nistgħu ngħidulha fundamentali.Meta l-ewwel missjunarji wasslu r-reliġjon fl-Ingilterra, il-patri Paulinus, fil-preżenza tar-re ta’ dak iż-żmien, sema’ din l-esklamazzjoni minn fomm is-Sultan: “Jekk ir-reliġjon il-ġdida li inti ħa tħabbrilna tagħtina risposta għall-mistoqsija fundamentali ‘Mnejn ġej il-bniedem u għalfejn hu d-destin tiegħu?’, allura din ir-reliġjon tiġi aċċettata f’dik il-parti ta’ l-Ingilterra”.U tassew, aħna nemmnu li r-reliġjon Nisranija tirrispondi għal domanda: “A quo?” u “Ad quem?”.Minn għand min ġejjin u għal fejn sejrin?Għand min aħna sejrin?Għal fejn aħna ddestinati?Din il-verità ġiet murija lilna fir-reliġjon ta’ Kristu.U San Ġorġ għaraf din il-verità.
Veru li Mosè kien magħżul biex ikun il-mexxej tal-poplu maħbub ta’ Alla, tal-poplu elett ta’ Alla fir-Rabta l-Qadima.Imma Alla kien ħejja għażla superjuri għal Mosè: kellu jkun hemm l-Iben ta’ Alla.Veru li lil-Lhud Alla kien tahom il-Liġi – tgħidilna l-Iskrittura – miktuba mis-seba’ ta’ Alla nnifsu fuq twavel tal-ġebel, imma lill-poplu Nisrani dik il-Liġi kellha tinkitiblu fuq qalbu.Veru li l-poplu ta’ Israel kien meħlus mill-gdim tas-sriep velenużi minħabba s-serp tal-bronż li Alla ordna lil Mosè biex iwaqqaf hemm fid-deżert, imma l-poplu Nisrani, l-umanità kellha tħares mhux lejn serp imwaqqaf fuq il-bronż imma lejn l-Iben ta’ Alla nnifsu mwaqqaf fuq is-Salib.
Din il-verità, li tfisser allura wkoll li aħna maħluqin minn Alla u għandna destin għal għand Alla, għarafha tajjeb San Ġorġ u allura għamel l-għażliet tiegħu, l-għażliet kollha mħabba.Ried tassew bħal Mosè li ma jkunx magħruf bħala parti mill-familja imperjali, ma jkunx tant marbut ma’ l-eżerċtu imperjali, ma jħarisx b’ambizzjoni kbira lejn il-karriera li ċertament kellu miftuħa quddiemu, imma għażel li aktar ikun marbut mal-poplu ppersegwitat.Imma dan kollu għall-imħabba lejn Kristu!U għalhekk tassew l-imħabba hija qawwija daqs l-istess mewt!“Fortis est ut mors dilectio!”.
U kienet din l-imħabba li wasslet lill-qaddis tagħna Ġorġi biex iħalli ħajtu bil-martirju.Il-kelma “martirju” fil-Grieg oriġinali tfisser xhieda bil-kelma.Maż-żmien kien hemm progress fit-tifsir ta’ l-istess kelma: bdiet tfisser ukoll xhieda, mhux biss bil-kelma, imma bil-fatti, bl-azzjonijiet, bl-għemil.Sakemm fit-tielet seklu Origene jgħid illi dik il-kelma tintuża biss għal min jagħti xhieda bl-offerta ta’ ħajtu, bit-tixrid ta’ demmu għal Kristu.Mela l-iżvilupp tal-kelma wassal biex tfisser tassew l-offerta tal-ħajja tal-bniedem, l-offerta kollha kemm hi tal-bniedem, għax meta l-bniedem jagħti ħajtu ma jistax jagħti iktar għall-imħabba lejn Kristu!Hekk ukoll fehem San Tumas ta’ Aquino; hekk ukoll għallem il-papa Kanonista Benedittu XIV, li kiteb ħafna propju fuq il-martirju; u hekk ukoll qalilna l-Konċilju Vatikan II f’sentenza tassew sabiħa: “Permezz tal-martirju… discipulus assimilatur Magistro, eique in sanguine effusionis conformetur: id-dixxiplu jsir jixbah lill-Imgħallem tiegħu, u ma’ l-Imgħallem tiegħu jixxierek bis-saħħa tat-tixrid ta’ demmu”.
U dan kien li għadda minnu San Ġorġ permezz tal-martirju tiegħu, meta huwa allura, għall-imħabba lejn Kristu, ma beżax joffri l-ħajja tiegħu biex ikun tassew dixxiplu leali ta’ dak it-twemmin li kien ħaddan.U kieku ma kellux dik il-fidi soda, imsaħħa mill-imħabba ta’ l-għaġeb lejn Kristu li kien għaraf u aċċetta fil-ħajja tiegħu, li kien magħqud ħaġa waħda miegħu, kieku Ġorġi ma kienx jgħaddi minn dawk il-persekuzzjonijiet kollha u jibqa’ sħiħ daqs blata, sħiħ u marbut mal-fidi tiegħu, sħiħ u marbut ma’ Kristu, l-għażla finali tal-ħajja kollha tiegħu.
Dan hu li aħna għandna nitgħallmu x’ħin nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq Ġorġi bħala tassew mudell tal-ħajja Nisranija.Fl-ewwel omelija tiegħi ta’ dan it-Tridu jiena kkwotajt wieħed mill-Patroloġi l-aktar magħrufa ta’ żminijietna, il-kardinal Pellegrino, illi qal li dawn il-qaddisin, għalkemm għaddew mijiet ta’ snin mill-ħajja tagħhom, anki l-lum għad għandhom messaġġ x’iwasslu lill-umanità.U għalkemm għaddew mijiet ta’ snin, kważi sbatax-il seklu, mill-mewt ta’ San Ġorġ, hu għadu wkoll il-lum attwali, għadu ħaj, għadu mudell għal kull min irid ikun Nisrani leali lejn Kristu, għal kull min irid ikun tassew Nisrani u l-għażla li jagħmel bil-fidi tiegħu jagħti tassew xhieda tagħha bil-ħajja konkreta tiegħu.
Il-ħajja ta’ San Ġorġ – li skond il-kittieba ta’ ħajtu ma setgħetx kienet twila ħafna fis-snin – kienet biżżejjed biex juri li l-fidi tiegħu kienet tassew għaqqditu ħaġa waħda ma’ Kristu.Dak li seħħ fil-martirju kien diġà beda bil-fidi tiegħu.Fil-martirju għidtilkom li hu sar jixbah lill-Imgħallem tiegħu, ixxierek kollu kemm hu ma’ Kristu.Imma meta kien jgħix f’din id-dinja, meta kien iħaddan u jipprattika r-reliġjon Nisranija tiegħu, San Ġorġ x’kien?Kien qiegħed jistqarr kontinwament li hu kollu kemm hu ma’ Kristu.Għalhekk bħall-Appostlu Missierna San Pawl, Ġorġi seta’ jgħid: “‘Jiena maħtuf minn Kristu’, għaliex qalbi u moħħi huma lkoll marbutin ma’ Kristu”.
San Ġorġ, ukoll bħal San Pawl, seta’ jgħid kelma oħra: “Nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu”.Għaliex jekk hu kien mixgħul b’tant imħabba għal Kristu, kif seta’ jħalli din id-dinja tifirdu minn Kristu?Ftit ilu aħna s-saċerdoti qrajna fl-Uffiċċju tal-Qari pass minn Santu Wistin dwar ir-rabta tagħna ma’ Kristu u l-mument li fih nidhru quddiemu.Jekk aħna – qalilna dan il-qaddis – tassew inħobbu lil Kristu, m’għandniex nibżgħu mill-mument li fih nidhru quddiemu.Ma jfissirx li aħna perfetti u li m’għandniex sewwa x’nirranġaw fil-ħajja tagħna qabel ma nidhru quddiem Kristu, imma fejn hemm l-imħabba dik iġġorr lil min iħobb għall-oġġett maħbub, għall-persuna maħbuba.Hekk isir f’din id-dinja, hekk ukoll fl-ambjent spiritwali.
Għax Ġorġi kien kollu kemm hu maħtuf mill-imħabba lejn Kristu, ma beżax mill-mument tal-martirju, ma beżax mill-krudeltà tal-persekuturi tiegħu.U bħalma n-Nisrani jistqarr il-Magħmudija tiegħu bl-ilma quddiem is-saċerdot, hekk ukoll Ġorġi bit-tixrid ta’ demmu saħħaħ il-fidi tiegħu fi Kristu quddiem il-persekutur tiegħu.Dan ukoll huwa t-tagħlim ta’ Santu Wistin: in-Nisrani jixhed għall-fidi tiegħu bil-ħasil ta’ l-ilma quddiem is-saċerdot; il-martri jixhed għall-fidi tiegħu bit-tixrid ta’ demmu, bil-ħasil ta’ demmu quddiem il-persekutur tiegħu.Dan kien tassew li minnu għadda l-qaddis San Ġorġ meta huwa ġie mogħti l-mewt għal Kristu.U dik il-mewt swietlu biex ikun tassew magħqud għal dejjem ma’ Kristu.
Imma ftit ikun ta’ siwi għalina jekk aħna ma nħarsux lejn il-qaddisin bħala mudelli għal ħajjitna.Santu Wistin jgħid ukoll kif għandha tkun il-vera devozzjoni lejn il-qaddisin.M’għandix dubju mid-devozzjoni tagħkom lejn San Ġorġ, bħal ta’ qabilkom.Xhieda ta’ dan huwa dan it-tempju f’beltna, qadim, qadim bis-sħiħ, u dejjem ħaj; dan it-tempju li jixhed l-imħabba tan-nies tar-Rabat, speċjalment tal-parruċċani ta’ din il-parroċċa, lejn San Ġorġ Martri.Imma din il-fidi u devozzjoni trid dejjem tikber, għaliex aħna qatt ma nistgħu ngħidu li lħaqna l-milja tal-ħajja Nisranija.Għalhekk nissuġġerilkom li tħarsu lejn San Ġorġ u tgħidu: X’nistgħu nitgħallmu minn dan il-Patrun kbir ta’ beltna, minn dan il-Protettur ta’ niesna u ta’ ġensna?X’nistgħu nitgħallmu?Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu, imma ħa nissuġġerilkom tagħlima li naraha attwali ħafna għal żminijietna: inkunu suldati tassew ta’ Kristu.
San Ġorġ kien suldat fl-eżerċtu imperjali, u naħseb li kien ukoll suldat magħruf, hekk li għadda anki għall-uffiċċju ta’ tribun.Imma San Ġorġ kien suldat iprem fl-eżerċtu ta’ Kristu.U jekk kien lest li jħalli ħajtu għall-imperatur ta’ Ruma, jekk kien lest li jħalli ħajtu fil-qadi ta’ l-uffiċċju tiegħu bħala suldat u tribun fl-eżerċtu imperjali, San Ġorġ wera li kien aktar lest li jħalli l-ħajja tiegħu għal Kristu.Hemm bżonn li nkunu – anki jiena magħkom – konvinti mir-reliġjon tagħna, u ma nħallux il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jifirduna minn Kristu.San Pawl jgħid illi xejn ma jista’ jifridna minn Kristu jekk inħobbuh: la l-ġuħ, la l-persekuzzjoni, la t-tbatija, lanqas ix-xabla.Dan kollu wkoll għadda minnu San Ġorġ.Għax kien tassew iħobb lil Kristu xejn ma seta’ jifirdu minn Kristu.
U aħna li nemmnu li nħobbu lil Kristu, u li nixtiequ li nħobbu lil Kristu, għandna nħarsu lejn dan il-mudell tagħna, lejn Ġorġi, u nitolbuh biex minna wkoll jagħmel tassew suldati qawwijin.Forsi wieħed jista’ jgħid: Mela aħna ħa mmorru għall-gwerra, jew għandna persekuzzjoni tal-fidi tagħna?Il-persekuzzjoni tal-fidi għandha kemm-il xorta, bħalma l-martri huma ta’ diversi lwien u kategoriji: kien hemm dawk li huma magħrufin bħala “il-martri l-bojod”, dawk li fl-Eġittu kkonsagraw ħajjithom għal Kristu fid-deżert; kien hemm “il-martri ħomor”, dawk li bħal San Ġorġ offrew u kkonsagraw il-ħajja tagħhom bit-tixrid ta’ demmhom; imma hemm ukoll tant kwalitajiet ta’ martirju.Meta aħna nkunu ttentati biex inwarrbu l-fidi tagħna u miġbudin mill-ħwejjeġ tad-dinja, mill-ambjent ta’ madwarna, mit-tagħlim qarrieqi li nisimgħu u naraw kuljum anki madwarna, hemm bżonn li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna.Għandna mudell hekk kbir: nitolbuh li jħares il-fidi tagħna; nitolbuh li lilna stess, lil kull individwu fostna, lilkom, lili jagħtini l-grazzja li nkun leali għall-vokazzjoni tiegħi bħala saċerdot u wkoll bħala Nisrani.
Dan hu l-awguri tiegħi lilkom bħala saċerdot u bħala Rabti bħalkom: ħarsu lejn San Ġorġ, itolbuh li jnissel f’qalbkom imħabba kbira lejn Kristu, hekk li Kristu jkun fil-ħsieb tagħkom, Kristu jkun fix-xewqat tagħkom, Kristu jmexxi kull azzjoni tagħkom, u intom tgħixu tassew magħqudin ma’ Kristu.Bħall-Appostlu Missierna, intom u jien magħkom inkunu nistgħu ngħidu bis-sinċerità: “Nixtieq nintemm biex inkun ma’ Kristu għal dejjem bħalma hu Ġorġi”.
Lenten Talks for All - First Course given by Rev. Ignatius Borg, between 22 and 26 February 2010, at 16.15, at St George's basilica.
If the file does not open or an error page shows when you click on the name, please download the file by right-hand clicking and selecting Save Target As on the menu.
Omelija fis-solennità tal-Qawmien tal-Mulej Il-Ħadd 4 ta’ April 2010, Bażilika San Ġorġ, Victoria, Għawdex L-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex
Il-Mulej qam mill-mewt.Faċli ngħidha din l-espressjoni, ngħid għalija, imma kemm hi impenjattiva biex jiena nemminha, biex jiena nipprova nifhimha, u iktar u iktar biex nipprova ngħixha.U dak li qed ngħid għalija nixtiequ għal kull wieħed u waħda minnkom, għall-Knisja tagħna, li l-lum bir-raġun qed tiċċelebra l-ikbar festa: il-Qawmien ta’ Kristu.
Din hija l-isfida li nixtieq nagħmlilkom f’din l-għodwa, din hi l-“figolla” li nixtieq nagħtikom: illi nirriflettu ftit u naraw kif nippruvaw nemmnu, nifhmu iktar u ngħixu din il-ġrajja tal-Qawmien.M’hix ġrajja taċ-ċajt!Il-Qawmien ta’ Kristu ħoloq moviment illi kkaratterizza ċiviltà, li aħna għandna l-grazzja u l-unur li ngħidu li nagħmlu parti minnha: iċ-ċiviltà Kristjana.Kienet propju l-ġrajja ta’ dan il-lejl illi ħolqot dik l-enerġija, dak l-entużjażmu, dak l-istimolu biex mas-snin, imbagħad, ifformat ruħha ċ-ċiviltà Kristjana.Kien hemm diversi ċiviltajiet fl-istorja ta’ l-umanità li l-lum jappartienu biss lill-istorja.Imma ċ-ċiviltà Kristjana qatt ma tista’ tappartieni lill-istorja.
Huwa veru illi f’din iċ-ċiviltà, li aħna nagħmlu parti minnha, naraw sinjali ta’ taħsir, speċjalment fl-Ewropa; u meta ngħid l-Ewropa, qed nifhem anki pajjiżna u d-djoċesi tagħna.Intom taħsbu bħali u ma tridux tagħmlu sforz qawwi biex tinnotaw illi donnu hemm moviment ieħor il-lum, biex kemm jista’ jkun jaqta’ l-għeruq ta’ din iċ-ċiviltà Kristjana, iċ-ċiviltà ta’ Kristu Rxoxt.Għandna moviment anjostiku, jiġifieri ta’ nies illi għandhom id-dubji, anzi jeskludu lil Alla.U min jeskludi lil Alla jista’ qatt jifhem, jemmen u jgħix il-ġrajja li qegħdin niċċelebraw?U l-effetti ta’ din il-kontra-ċiviltà, li qiegħda tipprova tinħema fostna, narawhom!Għiduli ftit, fil-ħajja tagħkom personali, fil-ħajja tal-familji tagħna, fil-ħajja tas-soċjetà tagħna, x’taraw l-aktar?Is-sinjali tal-ħajja li qegħdin niċċelebraw il-lum, jew is-sinjali tal-mewt?Ixxommu rwejjaħ ifuħu kif inxommu l-lum, jew inkella xxommu rwejjaħ xejn pjaċevoli, biex ma ngħidx irwejjaħ li jintnu?X’taraw?Pjagi, imma pjagi glorjużi bħalma qed juri Kristu Rxoxt, jew pjagi jdemmgħu li wkoll jerħu riħa, pjagi li jġagħluk iddawwar wiċċek ħalli ma tarahomx?M’hemmx għalfejn nagħtikom eżempji; l-eżempji ġġarrbuhom intom stess, anzi l-eżempji nġarrbuhom aħna stess, jiena magħkom.
U dan kollu allura jwassalni biex, ispirat mill-Kelma ta’ Alla li għadha kif ixxandritilna, jiena l-lum nagħmlilkom proposta oħra.Kif qabad dan il-moviment?Kif qabdet din iċ-ċiviltà?Billi kien hemm grupp ċkejken ta’ nies illi emmnu, fehmu, għexu u ppruvaw jaqsmu ma’ l-oħrajn il-ġrajja ta’ Kristu Rxoxt.Normalment Kristu, id-dehriet li huwa jagħmel wara li jqum mill-mewt, huma dehriet lill-ftit, biex ma ngħidx lil persuni individwali.Ma kinux massa kbira ta’ nies, ma kienx poplu, imma kienu minorità ċkejkna.Kemm iddoqq ħelwa l-kelma ta’ Pawlu fl-Ittra lill-Korintin: il-ħmira li tibdel l-għaġna.L-għaġna hija l-parti abbundanti… id-dqiq.Imma l-ħmira hija ftit.Imma jekk hi ħmira tajba, safja, nadifa, u mhux ħmira tal-qerq u tal-ħażen, dik għandha qawwa li tibdel u ttella’ l-għaġna kollha kemm hi.
U dak li ġara fil-bidu tal-Kristjaniżmu.Minkejja li kienu jgħixu f’kuntest ostili, f’sitwazzjoni fejn kellhom jikkumbattu ħalli jwasslu din il-Bxara t-Tajba, dan il-grupp minoritarju, dawn il-ftit tan-nies, għaliex emmnu, fehmu u għexu l-Għid tal-Mulej, irnexxielhom jagħmlu din il-bidla kbira, irnexxielhom ibiddlu mhux biss lill-bniedem imma wkoll l-istrutturi li jrieġu l-ħajja soċjali.Fis-sitwazzjoni tagħna l-lum jiena nħoss li huwa emerġenti illi jkollna dik illi l-Papa jsejħilha “minorità kreattiva”, grupp żgħir li hu kreattiv, li jisplodi; grupp żgħir ta’ persuni illi jistgħu jiġġeneraw ideat ġodda, li jistgħu jmexxu ’l quddiem ċerti valuri, illi jista’ jnissel it-tama… u f’kull kuntest.Partikularment nixtieq insemmi l-kuntest tal-familja, għax jekk għandna sinjali ta’ taħsir fis-soċjetà u fil-Knisja, jiena npoġġi sebgħi fuq il-pjaga tal-familja.
Il-Misteru tal-Qawmien jagħtina dawl, jagħtina l-verità fuq il-bniedem u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-bniedem.Imma aħna għandna bżonn li jkollna din il-minorità kreattiva li tiġġenera dawn l-ideat, li taqsam ma’ l-oħrajn dawn il-konvinzjonijiet, dawn il-valuri, dawn l-ideali, il-virtujiet li jitkellem fuqhom Kristu.Għadna bżonn din il-ħmira, żgħira kemm hi żgħira, biex possibbilment nieqfu lil dan il-proċess ta’ dekompożizzjoni taċ-ċiviltà tagħna.U meta qed ngħid tagħna, issa qed ngħid tagħna; m’għadnix nitkellem fuq l-Ewropa, imma fuq iċ-ċiviltà ta’ pajjiżna.
L-Għid m’hux biss li nagħmlu l-purċissjoni bl-Irxoxt, mhux biss li nieklu l-figolli, imma l-Għid huwa impenjattiv!Anzi kważi kważi ngħid li aħjar ma jiġi xejn l-Għid, għal min irid jgħixu b’mod awtentiku, għax l-Għid jimpenjana ħafna.Dan il-grupp minoritarju jista’ jiftaħ diversi djalogi mal-bniedem tal-lum.Nistgħu u għandna niftħu d-djalogu ma’ dawk fostna stess illi għandhom id-dubji tal-fidi.Jiena ma nissorprendix ruħi illi fil-Knisja stess għandna dixxipli illi, fl-aħħar mill-aħħar, bħal Pietru u Ġwanni, għaddejjin minn dan il-proċess ta’ tiftix.Ma jimpurtax!Anzi, aħjar nistaqsu.Imma ma nistgħux nibqgħu nistaqsu fil-vojt.Hemm bżonn li min qed jistaqsi jsib ukoll min jagħtih it-tweġiba.Jiena nara li nistgħu niftħu djalogu ma’ dawk li kienu magħna u m’għadhomx.U ma nilludux irwieħna bil-gruppi l-kbar.Huwa fatt illi l-poplu ta’ Alla, anki fostna, qed jara wkoll it-telf.U dan ngħidu mhux għax jinkwetani n-numru, imma għax tinkwetani l-persuna li tkun miexja fit-triq tal-ħajja u tagħti daharha ’l Kristu u taqbad it-triq tal-mewt.Għax dik iġġorr oħrajn fit-triq tal-mewt.Lilkom jinkwetawkom dawn?U mbagħad nara li dan il-grupp iż-żgħir u minoritarju għandu jiftaħ id-djalogu wkoll ma’ dawk li huma barra mill-Knisja, anki ma’ dawk li m’għandhomx it-twemmin Kristjan, anki ma’ dawk li fil-bidu sejjaħtilhom l-anjostiċi ta’ żmienna.
Imma biex nagħmlu hekk irridu nkunu grupp minoritarju ffurmat u matur.Din hija t-triq, jekk aħna rridu nibqgħu niċċelebraw l-Għid tal-Mulej, jekk aħna rridu illi nagħtu l-kontribut tagħna biex iċ-ċiviltà – mhux biss Kristjana imma ċ-ċivilità umana – ma tiġix nieqsa minn fostna.
Ifirħu, għaliex jekk dak li qed nipproponi l-lum huwa impenjattiv, u forsi wkoll jaqtgħalna ftit qalbna, ta’ bnedmin li aħna, qawwu qalbkom, għaliex aħna dixxipli ta’ Kristu Rxoxt, aħna Knisja li tgħix il-Misteru ta’ l-Għid; ta’ dak Kristu illi qered id-dnub u kull forma ta’ ħażen; ta’ dak Kristu illi lil dawk li lesti jimxu warajh jagħtihom kull għajnuna u grazzja biex jistgħu jkunu, kif qal Pietru fl-ewwel qari, fl-Atti ta’ l-Appostli, xhieda ta’ Kristu msallab imma li qam mill-mewt.
Omelija fil-Funeral Solenni tal-Kan. Ġwann Scicluna Is-Sibt 13 ta’ Frar 2010, Bażilika San Ġorġ, Victoria, Għawdex L-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex
“Ħażin għalikom intom li intom imxebbgħin. Ħażin għalikom intom li tidħku. Ħażin għalikom intom illi sserrħu raskom fuq il-ġid”. Dan hu l-kliem ta’ Kristu, li m’hux kundanna. X’ħin tismagħhom dawn il-kelmiet taħseb li Kristu qiegħed jikkundanna. Imma hu kliem li jiftaħ għajnejn il-bniedem, għaliex aħna l-bnedmin min-natura tagħna nfittxu illi nserrħu rasna billi ngeddsu. Min-natura tagħna l-bnedmin, jekk ma noqogħdux attenti, infittxu l-faraġ ta’ din id-dinja, bil-konsegwenza illi nistgħu ningħalqu għal Alla u ninsewh. U għalhekk Kristu jgħidilna: “Ħażin għalikom”, għaliex jekk aħna, kif sfortunatament qed tagħmel is-soċjetà l-lum, qed ninsew u nwarrbu lil Alla, qed nippruvaw nibnu belt mingħajr riferiment għal Alla, ħażin għalina.
U ċ-ċirkustanza tal-lum, il-mewt ta’ ħuna fis-saċerdozju Dun Ġwann, hija okkażjoni biex tipprova kemm hu f’waqtu dan il-kliem ta’ Ġesù. Għaliex il-mewt tpoġġina quddiem ir-realtà. Ħażin għalih Dun Ġwann jew inkella kull bniedem ieħor illi jkun ħaseb biss biex jibni s-saltna ta’ din id-dinja, imbagħad jinsa illi għad jiġi l-mument fejn kollox għad jispiċċa, fejn aħna rridu nagħmlu l-passaġġ għal ħajja oħra, għas-saltna ta’ Alla. Allura din qisha waħda mill-ewwel riflessjonijiet li jien għamilt f’din iċ-ċirkustanza. Kemm huwa importanti illi naraw il-ħajja tagħna f’din il-perspettiva tal-ħajja ta’ dejjem, għax kollox jieħu dimensjoni differenti.
Imma l-vanġelu jkompli jgħid iktar minn hekk. Fl-ewwel parti Ġesù jgħid: “Henjin huma l-foqra. Henjin dawk li jibku. Henjin dawk li huma mċaħħda mid-drittijiet tagħhom”. Anki hawnhekk Ġesù m’hux qiegħed jeżalta t-tbatija, m’hux qiegħed lil min hu nieqes u batut jgħidlu: “Ikkrepa fin-nuqqasijiet tiegħek”. Imma Ġesù qiegħed jgħidilna: “Araw x’hemm madwarkom”, għaliex fejn hemm il-faqar, in-nuqqas, il-biki u l-qtigħ il-qalb, dak ifisser li hemm id-diżordni u l-inġustizzja. Il-bniedem qiegħed b’xi mod joħloq din it-tbatija. Hemm id-dnub, għax id-dnub iġib it-tbatija, id-dnub huwa kelma oħra flok kull azzjoni ħażina li jien u int – aħna – nistgħu nagħmlu.
U allura fil-vanġelu Ġesù qed jistedinna wkoll ħalli, filwaqt li niftħu għajnejna quddiem din id-dimensjoni tal-ħajja, fuq dan in-nuqqas ta’ ħajja sħiħa, aħna nibnu belt ġdida, ħalli aħna nibnu ordni ġdid, ħalli aħna jkollna umanità ġdida illi hija miftuħa għalih, għal Alla. U kull wieħed u waħda minna għandu dan id-dmir illi possibbilment inħallu l-ħajja ta’ madwarna aħjar milli għaddewhielna ta’ qabilna. Kull wieħed u waħda minna għanda l-missjoni li nagħtu s-sehem tagħna biex kemm jista’ jkun ma jkunx hawn foqra u min ibati.
Il-lum qegħdin nagħmlu funeral ta’ saċerdot. U jiena nara l-missjoni tas-saċerdot propju bħala dak li huwa msejjaħ u mibgħut minn Alla ħalli jistimulana biex ikun hawn dan l-ordni ġdid, biex aħna kemm jista’ jkun ngħixu f’iktar armonija bejnietna. Is-saċerdoti għandna dik il-missjoni illi ngħinu ħalli jkun hawn belt ġdida li tixraq lill-bniedem. U kif jagħmlu dan ix-xogħol is-saċerdot? Jiena, meta għandi quddiemi l-fdalijiet ta’ Dun Ġwann, jiġuni f’moħħi żewġ aspetti saċerdotali illi kienu ħafna għal qalb Dun Ġwann.
Is-saċerdot huwa edukatur illi jifforma lill-bniedem f’isem Alla, li huwa l-edukatur tal-poplu tiegħu. Din hi t-tema illi jiena u l-Arċisqof irriflettejna dwarha u qegħdin nipproponulkom fl-Ittra Pastorali għal dan ir-Randan. Iva, is-saċerdot huwa edukatur, l-ewwel u qabel kollox bix-xandir u l-predikazzjoni tal-Kelma. Is-saċerdot jipprova jsawwar u jdawlilna l-kuxjenza tagħna, ħalli mbagħad aħna nkunu nistgħu nagħmlu dawk l-għażliet fil-ħajja illi huma veri, illi ma nistħux bina nfusna, illi ngħinu biex intaffu dik it-tbatija li hawn madwarna.
Hemm diversi modi kif issir il-predikazzjoni. Hemm dawk li qed jiddedikaw ħajjithom għat-tagħlim. U jiena fil-persuna ta’ Dun Ġwann nara saċerdot illi kien mogħti għat-tagħlim, ħaddan il-professjoni ta’ għalliem, mhux biss bħala għalliem fl-iskejjel imma, kif qed ngħid, anki bħala saċerdot. U ta’ dan jiena rrodd ħajr lil Alla u napprezza l-missjoni ta’ ħuti s-saċerdoti illi b’impenn personali jagħtu s-sehem tagħhom f’din il-ħidma formattiva u edukattiva tal-poplu ta’ Alla.
Semmejna illi d-diżordni ta’ madwarna – il-faqar, il-biki, l-uġigħ – huwa frott ta’ l-azzjoni żbaljata tal-bniedem, tad-dnub tal-bniedem. U anki s-saċerdot għandu fdata f’idejh il-forġa illi taħraq id-dnub, li hija s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, is-sagrament tal-Qrar. Tgħidu intom, kull wieħed u waħda minnkom; ngħidu aħna… għax aħna, barra li aħna konfessuri, aħna wkoll penitenti. Anki aħna nersqu nitolbu maħfra lil Alla. U allaħares ma nsibux għad-dispożizzjoni tagħna, f’ħinu u barra minn ħinu, dak is-saċerdot illi b’ħafna mħabba jaħfrilna d-dnub tagħna, itaffilna minn fuqna dak il-piż li jagħfas fuq il-ħajja tagħna… dak is-saċerdot illi bl-azzjoni tiegħu mhux biss ifejjaqna f’isem Kristu imma jabilitana biex aħna nkunu nistgħu niġġieldu d-dnub.
U anki f’din il-ħaġa jiena rrid niftakar f’Dun Ġwann bħala konfessur illi ta ħafna mill-ħin tiegħu, f’diversi ċirkustanzi u postijiet, bħala wieħed illi jirrikonċilja lill-bniedem ma’ Alla. U f’din ukoll jiena rrid irrodd ħajr lil Alla l-Imbierek għall-ministeru ta’ ħuti s-saċerdoti illi b’ħafna sabar jiddisponu rwieħhom fil-konfessjonarji biex lilna jagħtuna dan is-servizz, ħalli jgħinuna neħilsu mill-piż tad-dnub, u hekk inkunu nistgħu nikkontribwixxu ħalli nibnu dak l-ordni ġdid u dik l-umanità ġdida illi qed ikellimna dwarhom Kristu fil-vanġelu tal-lum.
Għalhekk, filwaqt illi nitolbu lil Alla ħalli jkollu ħniena minn dan ħuna Dun Ġwann, nitolbu wkoll lill-Mulej ħalli jibgħat iktar vokazzjonijiet saċerdotali! Jiena forsi żbaljat, imma għandi l-impressjoni illi l-poplu ta’ Alla tagħna m’hux sensibbli biżżejjed quddiem din il-ħtieġa: illi nitolbu, naħdmu u noħolqu dak l-ambjent fejn tista’ tixxettel vokazzjoni – kull tip ta’ vokazzjoni, imma fiċ-ċirkustanza tal-lum nitkellem fuq vokazzjoni saċerdotali – ħalli jiġi żmien u aħna jibqgħalna minn dawn il-ministri ta’ Alla li, bil-kelma u bl-azzjoni sagramentali tagħhom, ikomplu jgħinu lil dan il-poplu ħalli jibni soċjetà nieqsa minn kull dell ta’ dnub u li tkun tantiċipa l-ħajja ta’ dejjem li aħna nittamaw li għad ikollna.
Orazzjoni Funebri fil-Funeral Solenni ta’ Mons. Ġwann Dimech Il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar 2009, Bażilika San Ġorġ, Victoria, Għawdex Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu
“Quid retribuam Domino pro omnibus quæ retribuit mihi? Calicem salutaris accipiam et nomen Domini invocabo!”. “Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi? Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ!” (Salm 16:12-13).
Dawn huma l-kelmiet qaddisa li inti, għażiż Mons. Ġwann Dimech, imnebbaħ mill-preżenza sagramentali tas-Saċerdot Divin tagħna fik, għażilt biex bihom tfisser il-misteru tal-qalb tiegħek meta, xi snin ilu, iċċelebrajt hawn, f’din il-bażilika parrokkjali tal-belt Victoria, il-ġublew tad-deheb tas-saċerdozju ministerjali tiegħek.
Dawn huma – għalhekk – il-kelmiet qaddisa li jixirqu l-lum, meta, għall-ġid kollu li għamel miegħek, lill-Mulej int qed troddlu, b’tifħir u b’ħajr, lilek innifsek fl-ubbidjenza tiegħek għas-sejħa l-aktar solenni tiegħu lilek.
Dawn, iva, huma l-kelmiet qaddisa li jien, bla ma jixraqli, irrid il-lum intenni f’ismek, f’din il-knisja venerabbli li tafek, f’riġlejn l-altar li fuqu ċċelebrajt l-ewwel quddiesa tiegħek, imdawwar b’ħuna l-kbir – Monsinjur Isqof – u l-Kapitlu Ġorġjan flimkien ma’ ħutek l-oħra s-saċerdoti li ġew minn Malta u Għawdex kollha, sostnut mill-imħabba ta’ oħtok Tessie, ta’ ħuk Joe u l-familja tiegħu u tiegħek, imweġġaħ mill-membri ta’ l-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta, u meqjum mill-ogħla awtoritajiet ta’ beltna, gżiritna u pajjiżna.
Iva… Eċċellenza Tiegħek Dr Edward Fenech Adami, President ta’ Malta, u Sinjura Fenech Adami; Sur Sindku, Robert Tabone; Onorevoli Ministru għal Għawdex, Sinjura Giovanna Debono; Eċċellenza Tiegħek Dr Alfred Caruana Galizia, President ta’ l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kavallieri ta’ Malta; ħuti fil-Kapitlu Ġorġjan u fis-saċerdozju, ħuti fi Kristu…
“Dun Ġwann” – għax hekk konna nafuh skond il-familjarità li l-karattru tiegħu kien biha janimana – issa ma jħaddimx aktar il-fakultà tal-kelma bil-fomm għax ingħata li jgawdi fakultà akbar: dik tal-kelma tal-qalb! Dawk li magħhom jitkellem biex permezz tagħhom jidħol fi djalogu m’Alla m’għadniex tant aħna, għax issa, wara li Alla għamillu s-sejħa l-kbira, hu jitkellem m’Alla wiċċ imb’wiċċ, u mbagħad, permezz ta’ mħabbtu f’Alla, magħna.
U għalhekk, ċertament li ma nkunx niżbalja jekk ngħid, kif irrid ngħid, li hu minn Alla li għall-mistoqsija tiegħek, Dun Ġwann – “Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?” – f’ismek intenni l-kelmiet ta’ l-istess salm magħżul minnek: “Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u isem il-Mulej insejjaħ!”.
Il-kalċi tas-salvazzjoni li inti minnu bdejt spiritwalment tgawdi sa mill-magħmudija tiegħek fil-knisja parrokkjali tal-Furjana, f’Malta, u li inti rċivejtu biex tgħaddi l-ġid salfiviku tiegħu lill-oħrajn meta, f’din il-belt Victoria, ordnak saċerdot l-E.T. Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien isqof ta’ Għawdex, int għollejtu fis-sagrifiċċju Ewkaristiku fi ħdan bosta u bosta komunitajiet ta’ Kristjani ta’ dawn il-gżejjer. Miegħu u bih sejjaħt isem il-Mulej, u għalhekk m’hix sejħa ġdida din li jien qed nagħmel f’ismek. Isem il-Mulej kien – kif għadu l-lum bil-wisq aktar milli qatt kien – f’qalbek, kien f’għemilek, kien fuq fommok, kien f’imħabbtek… kien f’kollha kemm hi ħajtek!
U ta’ dan ix-xhieda hi kbira.
Jixhdu għal isem il-Mulej f’qalbek dawk kollha li kellhom il-grazzja li jkunu ftit jew wisq jafuk: qrabatek, ħbiebek, is-saċerdoti ħutek, dawk kollha – saċerdoti u lajċi – li bbenefikaw minnek.
Jixhdu għall-imħabba tiegħek f’isem il-Mulej is-superjuri tiegħek, fosthom, ma nistax ma nsemmihx, il-mibki Mons. Mikiel Gonzi fiż-żmien li fih kien isqof ta’ dil-gżira u fis-snin li riedek miegħu matul l-episkopat tiegħu, episkopat twil u storikament tant sinifikattiv għal Malta. Kien jixraqlek l-unur li tak il-venerabbli Papa Pawlu VI meta għamlek Kappillan ad honorem tiegħu.
Jixhdu għall-imħabba li kellek lejn isem il-Mulej, b’mod speċjali fil-liturġija, il-Kapitlu Ġorġjan f’din il-belt Victoria u l-Kapitlu Pawlin tal-belt Valletta, il-presbyteria rispettivament tal-parroċċa Marjana ta’ Ħal Balzan u ta’ din il-parroċċa Ġorġjana, inkluża l-komunità Kristjana li tiltaqa’ fiċ-Ċentru Ta’ Kana, u tant knejjes li fihom kont tiċċelebra l-liturġija.
Jixhdu għall-qima tiegħek lejn isem il-Mulej il-membri ta’ l-Ordni Sovran Militari ta’ Malta li fi ħdanu inti kont cappellanoad honoremGran Croce. Għall-membri ta’ l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ l-Ordni inti ma kontx sempliċiment preżenza onorarja, imma kont għalliem tal-fidi, direttur spiritwali attent għall-formazzjoni, gwida li tillumina bid-dawl Kristjan il-ħidma kulturali, filantropika u ekkleżjali ta’ l-Ordni. Għandhom tabilħaqq il-kavallieri ta’ dan l-Ordni kbir għax iroddulek ħajr. Kien minħabba fik, Monsinjur Dimech, flimkien man-nutar Paul George Pisani, membru żelanti ta’ l-Ordni, li jien, fl-arċipretura tiegħi, tnebbaħt u tħeġġiġt sabiex nagħtu l-kollaborazzjoni kollha possibbli għall-ħidma ta’ l-Ordni Sovran u Militari ta’ San Ġwann fostna.
Jixhdu, iva, għal-lealtà tiegħek lejn isem il-Mulej dawn kollha li semmejt u magħhom ir-reliġjużi rġiel u nisa ta’ pajjiżna, il-ħaddiema li ħarist, iż-żgħażagħ li ħeġġiġt għal Kristu u l-Knisja, il-morda li tant ħabbejt, il-membri tal-Catenian Association li inti ridt f’Għawdex, il-membri ta’ l-Għaqda Mużikali San Gabrijel tar-raħal maħbub minnek ta’ Ħal Balzan, u tant ħutna oħra, f’oqsma oħra, li b’ferħ jixhdu għalik.
Anki jien irrid nixhed għalik. Iva, nixhed għall-imħabba tiegħek lejn isem il-Mulej, l-aħħar wieħed jien, u dan nagħmlu fir-rigward tas-snin kollha li kelli x-xorti nkun nafek… bħala saċerdot, fis-snin li għamilt arċipriet, u issa, f’dawn l-aħħar xhur… fil-ħidmiet “ġodda” tiegħi…
Jiena, u miegħi tant saċerdoti oħra… kemm fraħna bil-preżenza tiegħek u kemm tfarraġna fl-għajnuna tiegħek… Għax, ħuti, l-imħabba ta’ Monsinjur Dimech lejn isem il-Mulej kienet imħabba li konna nħossuha aħna li aħna tal-Mulej!
Dejjem spikkat fik din, “Dun Ġwann”, u jien issoktajt nagħrafha dejjem aktar fl-aħħar jiem tal-marda tiegħek – jiem ta’ eżempju! Eżempju minnek u minn dawk li kellek madwarek, fosthom oħtok Tessie, ħuk Joe u martu Marisa, qrabatek, Dr Salvinu Galea, Chris Galea u l-membri l-oħra ta’ l-Ordni li għalih inti tant stinkajt… eżempji kollha, dawn, ta’ ħajja Kristjana li għandu jgħix saċerdot u biha jnebbaħ lil dawk ta’ madwaru.
Grazzi, ngħidulek aħna lkoll, għażiż Mons. Ġwann Dimech, f’dan il-mument solenni tal-ħajja tiegħek.
Grazzi u, nitolbuk, itlob għalina kif aħna m’aħniex sa nonqsu li nitolbu għalik biex, jekk għadek m’intix fil-milja ta’ isem il-Mulej, Ġesù jilqgħek kemm jista’ jkun malajr fil-milja tal-qalb glorjuża tiegħu.
Grazzi, itlob għalina, u semmina b’imħabba ma’ Marija, Omm Alla u ommna, ma’ San Ġorġ, protettur tagħna, ma’ San Ġwann Battista, il-Beatu Ġerardu u l-qaddisin li bihom l-Ordni Sovran u Militari bir-raġun jiftaħar u li isimhom int xandart bil-kelma u l-kitba. Iva, semmina magħhom u itlobhom jidħlu huma wkoll għalina.
It-talb tiegħek u t-talb tagħna, it-talb li mexxiena fih Monsinjur Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u Dekan ta’ din il-Kolleġġjata, u t-talb li bħalissa hu tiela’ lejn is-sema mill-kappella ta’ l-Arċisqof Ortodoss Gregorios ta’ Thyateira li fl-okkażjoni tal-festi ċentinarji ta’ San Ġorġ kont ilqajtu f’darek, u t-talb ta’ tant oħrajn fost ħutek… ikun, dan it-talb, is-sehem tagħna fil-kalċi tiegħek ta’ glorja li issa qed tingħata li tgawdi.
Qed nisimgħuh il-”grazzi” tiegħek, u mal-grazzi tiegħek aħna nafu li qed jingħaqdu ħutek u l-familjari tiegħek quddiem Alla u quddiemna. Il-familja ta’ Monsinjur Dimech talbitni sabiex quddiem Alla u quddiemkom infissirha din il-gratitudni.
Gratitudni, jiġifieri talb ta’ radd il-ħajr! Tifħir lil Alla! U kelmiet ta’ faraġ irridu l-lejla nisimgħu u nsemmgħu f’dan il-mument ta’ niket li l-liturġija splendenti ta’ din il-bażilika tibdlu f’ferħ spiritwali.
“Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?”, staqsejt f’ħajtek, Monsinjur Dimech! Il-lum tajtha aktar milli qatt kont tajtha t-tweġiba għax, b’radd il-ħajr qed trodd il-kalċi tas-salvazzjoni li rċivejt mingħand il-Mulej, u fil-milja tal-kalċi ta’ radd il-ħajr qed issejjaħ isem il-Mulej li bih issa, b’mod aktar sħiħ minn qatt qabel, tinsab imżejjen!
Arrivederci, Dun Ġwann, u jkun imfaħħar Sidna Ġesù Kristu!
Orazzjoni Funebri fil-Funeral Solenni
ta’ Mons. Anton Grech Vella It-Tlieta 26 ta’ Frar 2008, Bażilika San Ġorġ, Victoria, Għawdex Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu
“Kemm ħi għażiża d-dar tiegħek, Mulej ta’ l-eżerċti” (Salm 83).
Iva, “għażiża d-dar tiegħek, Mulej ta’ l-eżerċti”! Id-dar tiegħek… li hi l-ġenna, għamara glorjuża ta’ dawk li huma lkoll kemm huma ħbiebek.
“Għażiża d-dar tiegħek, Mulej ta’ l-eżerċti!” Id-dar tiegħek… li hi l-Knisja, poplu pellegrin ta’ midinbin li jixtiequ jsiru qaddisin bl-għajnuna tal-Kelma ħallieqa tiegħek u bl-injezzjoni tas-sagramenti restawraturi tiegħek.
Tabilħaqq, “għażiża d-dar tiegħek”, Mulej! Id-dar tiegħek… li hi dan il-maqdes, jiġifieri dan l-imkien u din il-binja mqaddsa bil-preżenza tiegħek: preżenza ta’ ħajja li hi l-għajn ta’ l-istess ħajja, preżenza ta’ divinita’ li minnha jiddakkar kull min jidħol – bi grazzja tiegħek - fiha, preżenza ta’ ġmiel li minnu jwarrad dak il-ġmiel li hu l-veru ġmiel.
Il-ġmiel! M’hemmx f’ilsiena kelma aktar xierqa biex tfisser ’l darek, Mulej, meta nkunu f’dan l-imkien. F’dan l-imkien l-ikreh isir ġmiel, in-niket jitfarraġ bil-ġmiel, il-biża’ jittaffa fil-ġmiel, l;-għera tilbes il-ġmiel, id-dehen jisseddaq bil-ġmiel, il-qalb tikber bil-ġmiel u r-ruħ tinġibed lejn il-ġmiel li Alla, is-Summum Bonum, ried idewwaqulna f’ibnu, Ġesù Kristu Sidna, l-isbaħ fost ulied il-bnedmin.
Il-ġmiel! Ġibdek f’kulma int, għażiż Monsinjur Anton Grech Vella, għażiż “Dun Anton” kif ilkoll inħobbu nsejħulek skond l-umiltà tiegħek. Il-ġmiel ġibdek, Dun Anton, sa minn ċkunitek fis-sura tat-tagħlim, fil-ġibda tal-fidi, fl-ubbidjenza lejn is-sejħa saċerdotali, fil-passjoni tal-ministeru pastorali, fis-seħer ta’ l-imħabba għall-Knisja liema mħabba ma tistax ma tkunx imħabba mħeġġa għal Kristu, il-maħbub ewlieni tiegħek, Dun Anton, u tagħna.
Il-lum qed niċċelebraw miegħek din l-imħabba tiegħek lejn Kristu u nixtiequ nitgħallmu minnha. Jekk ngħidu li din l-imħabba tiegħek għal Kristu ma nafuhiex ma nkunux qed ngħidu s-sewwa. Imma jekk ngħidu li nafuha lanqas inkunu qed inqimu s-sewwa kollu.
Iva, nafu li l-imħabba tiegħek lejn Kristu bdiet titrawwam fik mill-ġenituri tiegħek Marija u (z-ziju) Salvu sa mit-twelid tiegħek fit-30 ta’ Settembru 1917. Issaħħet bit-tagħlim tal-katekiżmu fil-knisja parrokkjali tar-Rabat, jiġifieri f’din il-knisja ta’ San Ġorġ, dak iż-żmien immexxija b’għaqal u mħabba eżemplari mill-Arċipriet Alfons Marija Hili li mingħandu int kont irċivejt is-sagrament tal-Magħmudija.
L-imħabba tiegħek għal Kristu ma ħallitlekx għażla u inti obdejt għas-sejħa tiegħu biex issir saċerdot. L-isqof t’Għawdex ta’ dak iż-żmien, Mons. Mikiel Gonzi ordnak fil-kappella tas-Seminarju tad-Djoċesi, iddedikata lill-Immakulata, fl-1 ta’ Awwissu 1943, u ġimgħa wara ċċelebrajt il-quddiesa solenni ta’ radd-il ħajr fuq l-altar antik ta’ din il-knisja ddedikata lil San Ġorġ, Patrun tagżna u ta’ Għawdex kollu, altar Tridentin li, bla ma inti stajt qatt tkun taf, il-Providenza Divina kienet diġa’ rabtet xortih miegħek u għażlitek biex inti tkun strumentali fis-sotituzzjoni tiegħu b’dak Ruman li kien u baqa’ l-isbaħ wieħed tax-xorta tiegħu f’dawn il-gżejjer.
Bħal bosta saċerdoti oħra, għal diversi snin int, Dun Anton, tajt servizz liturġiku assidwu bħala Kappillan tal-Kor fil-knisja katidrali, u mill-ġdid bħal bosta saċerdoti oħra servjet bħala Sagristan Maġġur f’din il-knisja parrokkjali. Ħdimt għal diversi snin bħala għalliem fis-Seminarju Minuri u ma’ l-għaqdiet Kattoliċi bħalma huma l-Azzjoni Kattolika u l-Leġjun ta’ Marija, l-għaqda Marjana li fit-twelid tagħha f’din il-gżira ta’ Għawdex kellha bħala majjistra lil din il-Parroċċa Ġorġjana. Min jaf kemm ġid għamilt mal-morda u x-xjuħ tagħna fil-bosta snin tiegħek bħala kappillan fl-isptarijiet ta’ Għawdex, u fiż-żjajjar tiegħek fi djarhom biex tfarraġhom bil-qrar u t-tqarbin imqaddes.
Fl-isfond ta’ dan il-ministeru saċerdotali, daqskemm ordinarju appassjonat, nistgħux qatt ninsew l-imħabba għal Kristu li inti, Dun Anton, urejt bħala Prokuratur ta’ din il-knisja fi żmien l-arċipretura dehbija ta’ Mons. Mikiel Cefai. Kien saċerdot li rrispettak Mons. Cefai!
Kien saċerdot – l-Arċipriet Cefai – minn raħal… mir-raħal tal-Qala imma li meta ġie fostna għaraf jitgħallem minna ħalli mbagħad seta’ jgħallimna, għaraf japprezza l-kultura tagħna u mbagħad kabbarha, għaraf jirrispetta n-nies u s-saċerdoti tagħna u b’hekk rebaħ ir-rispett tagħhom u mingħandna, għaraf jiddjaloga ma’ min kien iżgħar daqskemm ma’ min kien daqsu jew aqwa minnu u allura mbagħad seta’ jgħoxa fil-kollaborazzjoni li mmerita li jingħata, għaraf jiskot fejn is-skiet kien deheb mistur u meta tkellem għamel dan b’serjeta’ u mħabba, u – ma nistax nonqos ngħid - għaraf iħobb lil San Ġorġ b’dik il-kredibiltà li kkonvinċiet ‘il niesna u li għenithom jikbru fl-imħabba tagħhom lejn Kristu.
Aħna nafu, Dun Anton, li, fl-imħabba tiegħek għal Kristu, inti, flimkien mas-saċerdoti l-oħra u – kif kienu jissejħu Dak in-nhar – “sekulari” għaqlin ta’ żmien żgħożitek, kont strumentali biex inħoloq u sseddaq sfond ta’ serenita’ pastorali minkejja tant taqlib li l-kultura u l-istorja jġibu magħhom. Minħabba dan, fuq rikors ta’ l-Isqof Djoċesan Ġużeppi Pace, iben ieħor eminenti ta’ din il-Parroċċa, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Pawlu VI weġġħek billi għamlek Kamrier Sigriet Soprannumerarju tiegħu u mbagħad, l-Isqof Djoċesan u Fundatur tal-Kolleġġjata Ġorġjana Mons. Nikol Cauchi reġa’ tak ġieh meta ħatrek Teżorier u t-Tielet Dinjita’ fil-Kapitlu tal-Kanoniċi f’din il-bażilika urbana.
Kien jixraqlek dan il-ġieħ kollu li tawk dawn il-prelati tal-Knisja u li aħna llum irridu nfakkru, għax kbar huma l-merti tiegħek. Ma nirreferix biss għall-merti li writt minħabba l-karita’ li b’qalb kbira u id moħbija inti kont tagħmel, mill-flus li kont tiġbor, ma’ familji fil-bżonn tar-Rabat. Ma nirreferix biss għal dawk it-tant drabi meta, propju għax kont tgħix qalb in-nies, inti kont tissejjaħ biex iġġib il-paċi ġol-familji u bejn individwi miksura ma’ xulxin. Ma nirreferix biss għall-istinkar tiegħek biex jitjiebu s-servizzi sagramentali mogħtija f’din il-knisja parrokkjali, knisja maħbuba li fl-1958, jiġifieri eżattament 50 sena ilu, b’mertu kbir tiegħek u ta’ Ġorġjani oħra, uħud minnhom diġa’ msejħa għas-sema u oħrajn jinsabu hawn fostna biex iqimuk, tgħolliet mill-Papa Piju XII għad-dinjita’ ta’ bażilika. Nirreferi wkoll għall-ħidma straordinarja tiegħek biex dan l-imkien imbierek minn Alla li fih ninsabu jkun is-sinfonija ta’ ġmiel li hu.
Benefattur kbir int li jien, li niġi minnek, u oħrajn li tnebbħu bik, tgħallimna minn għandek.
Intir bi ħsiebi lejn l-imgħoddi, u nistħajlek wieqaf f’din il-knisja u tħares lejn il-koppla u l-isqfa tagħha mneżżgħa minn kull ghelm jew xbiha ta’ fidi, nistħajlek tistħajjilhom miksija bil-pittura u dlonk narak tingħata biex il-koppla, l-arzelel, it-trollijiet u l-lunetti jinbidlu fi ktieb ta’ fidi Kristjana u aġjografija Ġorġjana. Nistħajlek iddur minn naħa għal oħra ta’ din il-knisja, tmexxi idek fuq il-ġebla bajda tal-pilastri maġġuri u sekondarji, toħlom bl-irħamijiet ta’ Ruma u dlonk narak tintefa’ biex dan it-tempju t’Alla jilbes l-ilwien splendenti għalkemm sobriji li jixirqulu skond id-dinjità u l-funzjoni sagra tiegħu. Nistħajlek titnebbaħ mill-kantiċi ta’ Ġerusalemm tas-sema, Ġerusalem miksija bid-deheb u l-ħaġar orezzjuż li jiddu bħax-xemx, u narak dlonk tnebbaħ lil ħbiebek madwarek biex id-deheb ikun iż-żina ewlenija ta’ dan it-tempju – id-deheb, il-mużajk, il-ħġieġ preġjat, il-bronż artistiku, u kull ġmiel li jixraq lit-tempju t’Alla. Għax kull sbuħija ta’ l-art imma l-aktar dik imsensla mill-bniedem b’qima lejn Alla hija triq li tieħu għall-ġmiel tas-sema.
Għalhekk, aħna mhux talli ma rridux inkunu tant foqra fid-dehen u l-ġenerożita’ Kristjana tagħna li nċekknu l-ministeru tal-ġmiel fil-Knisja, ministeru li inti Monsinjur Grech Vella wettaqt b’tant ħila u bżulija, imma talli irridu nitgħallmu nkunu aktar milli konna s’issa xandara tal-ġmiel, qaddejja tal-ġmiel u benefatturi tal-ġmiel fid-dar t’Alla.
Mhux il-mument li nehda fuq it-teoloġija tal-ġmiel! Hu l-mument li insir leħen ta’ radd-il ħajr għalih u għal dawk li skond ħilithom u mħabbithom fehmu s-siwi tiegħu u kabbruh… fosthom, int, Dun Anton!
Ħa tkun int, Dun Anton, eżempju għalina fl-imħabba vera tiegħek għal din il-bażilika Ġorġjana: imħabba li ratek tistinka b’saħħtek kollha, tħajjar benefatturi ġodda u tiġborhom Madwarek, tieħu paċenzja u fejn kien hemm bżonn tumilja ruħek biex skond l-għożża tiegħek għad-dar ta’ Alla fil-qalba ta’ din il-belt, issebbaħha… kif smajna lil Monsinjur Isqof tagħna jgħidilna llejla ““bl-aqwa, bl-aħjar u bl-isbaħ”.
Ħa tkun int, Dun Anton, ta’ eżempju għalina fil-lealtà tiegħek lejn il-Knisja Universali u Lokali, il-poplu pellegrin, li inti skond is-sejħa saċerdotali tiegħek, stinkajt biex tressqu lejn Ġesù… dak Ġesù li inti, fis-saċerdozju ministerjali tiegħek, tirrappreżenta u issa tiċċelebra fil-ġenna.
Ħa tkun int, Dun Anton, ta’ eżempju għalina fix-xewqa tiegħek għall-ġenna u għall-ġmiel tagħha – xewqa tant kbira li saħansitra għal snin twal kont tintrabat jum wara l-ieħor ma’ siġġu u mejda f’tarf is-Suq biex takkwista dawk il-fondi li ppermettewlek tagħmlu l-ġmiel tal-ġenna jixref (simbolikament) fil-ġmiel ta’ dan it-tempju Ġorġjan, xewqa din, għall-ġmiel, li kibret matul il-marda tiegħek sakemm fik is-sofferenza saret talba, id-dgħufija libset dinjita’ u l-agunija ssawwret fik passaġġ tanġibbli għall-ġenna.
Iva, “kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej ta’ l-eżerċti” – nistħajlek ittenni bħalissa!
Id-dar tiegħek, Mulej, li hi l-ġenna… l-għamara glorjuża fis-sema ta’ dawk li huma lkoll kemm huma ħbiebek, għalina hawnhekk miġbura, ewlenin fosthom, Marija, ommok u omm il-Knisja li tħobbna, Ġużeppi li jitlob għalina u Ġorġi li hu l-eżempju tagħna u jħarisna.
Ilqa’, Mulej, lil Monsinjur Anton Grech Vella, fid-dar għażiża tiegħek.
Ilqgħu, ħanin Ġesù ħenn għal nuqqasijietu. Ilqgħu, Ommna Immakulata, tant ħanina magħna s-saċerdoti ta’ Ibnek. Ilqgħu, Imqaddes Ġużeppi, għax kellu devozzjoni tant kbira… u ilqgħu – ma jistax ikun mod ieħor! – San Ġorġ… u tinsiex lilna!