Tuesday, January 15, 2013:

Dil-Ġimgħa f'San Ġorġ


“Il-Belt Victoria”

Il-ħarġa ta’ Jannar-April 2012 tar-rivista tal-parroċċa Il-Belt Victoria tqassmet mal-bulettin parrokkjali tal-Ħadd 16 ta’ Diċembru.  Għalkemm lura b’diversi xhur, din il-ħarġa, li biha r-rivista daħlet fil-wieħed u tletin sena tagħha, fiha ħafna tagħrif interessanti u aħbarijiet mill-ħajja tal-parroċċa.  Fost l-oħrajn, ta’ min jaqra l-artiklu interessanti ta’ Mons. Ġużeppi Gauci dwar l-Arċipriet Mikiel Cefai.  Dawk li jixtiequ jgħinu finanzjarjament lil din ir-rivista, għandhom javviċinaw lill-vigarju parrokkjali Mons. Feliċ Tabone.

 

In-Novena tal-Milied

Nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru bdiet fil-parroċċa Ġorġjana n-Novena tal-Milied għat-Tfal u l-Familji, fil-Quddiesa tas-6.00pm.  Din is-sena t-tema magħżula kienet il-Ministeri Ekkleżjali fil-Ġrajja tal-Persunaġġi tal-Milied.  Kull ġurnata kienet abbinata ma’ persunaġġ mill-istorja tal-Milied u fl-istess ħin ma’ xi ministeru jew ieħor fil-Knisja.  L-ewwel ħamest ijiem tmexxew minn Mons. George Grima, is-sitt u t-tmien jum minn Mons. Anton Borg, is-seba’ jum minn Patri Peter Paul Cachia osa, u l-aħħar ġurnata mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona.  F’kull Quddiesa telgħu mal-purċissjoni tal-bidu persunaġġi Bibliċi mlibbsin, kull wieħed iġorr f’idejh simbolu relatat mat-tema tal-ġurnata.  Wara l-omelija, ġie li saru wkoll xi mimi qosra fuq il-presbiterju, xi ġest jew inkella ntwera filmat marbut mas-suġġett; imbagħad iċ-ċelebrant kien jagħmel riflessjoni qasira b’mistoqsijiet lit-tfal.  Fil-bidu ta’ kull Quddiesa nxtegħlet ix-xemgħa tal-ġurnata, u qabel il-priedka kienet titwaħħal l-istampa tal-persunaġġ ma’ kartellun kbir imqiegħed apposta fuq il-presbiterju.  Il-kant kien animat mill-Grupp tal-Kitarri, waqt li ċ-ċkejkna Martina Galea minn din is-sena ħadet post Francis J. Camilleri fil-kant sabiħ ta’ l-innu Alma Redemptoris Mater dritt wara t-Tqarbin u qabel il-Barka Sagramentali li biha kienet tintemm kull ċelebrazzjoni.  Fi tmiem kull Quddiesa, it-tfal irċivew borża ħelu kif ukoll l-isticker tal-persunaġġ li ġew imħeġġa jwaħħlu fuq ktejjeb ċkejken tan-Novena li tqassmilhom fl-ewwel jum.  Bl-għajnuna ta’ l-animaturi u l-katekisti, kien hemm partiċipazzjoni sabiħa ħafna fil-jiem kollha tan-Novena, b’għadd sabiħ ta’ madwar mitt tifel u tifla.  Il-Ħadd 16, fid-9.00am, bdiet ukoll in-Novena għal Kulħadd, immexxija mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona.

 

L-Ikla tal-Milied

Nhar il-Ħadd 16 ta’ Diċembru, fin-12.30pm, il-Fondazzjoni Belt Victoria organizzat l-Ikla tal-Milied b’iktar fund raising b’riżq il-proġett tal-mużew.  L-ikla nżammet bħal ta’ qabilha fir-refettorju tad-Dar Parrokkjali, u kien hemm konkorrenza tajba ħafna.  Il-preparazzjoni u t-tisjir saru miż-żgħażagħ voluntiera tal-Fondazzjoni.

 

Quddiesa fl-Għar u Ikla tal-Milied għall-Adolexxenti

Nhar il-Ħadd 16 ta’ Diċembru, fit-8.00pm, iż-żewġ Gruppi ta’ l-Adolexxenti attendew għal Quddiesa mmexxija minn Dun Joseph N. Curmi f’għar fix-Xagħra, maġenb l-Għar ta’ Kalipso.  Dan issa sar appuntament ta’ kull sena fil-kalendarju ta’ attivitajiet għal dan il-grupp.  Wara saret l-Ikla tal-Milied fir-ristorant Pulena f’Marsalforn.  Bħala tifkira tal-Milied, l-istudenti tqassmilhom desk calendar imħejji mis-seminaristi tad-djoċesi tagħna.

 

Il-Kunċert tal-Milied mill-Chorus Urbanus

Il-Chorus Urbanus, taħt id-direzzjoni ta’ Dr John Galea, tella’ l-ħmistax-il edizzjoni tal-Kunċert tal-Milied fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, nhar il-Ħadd 16 ta’ Diċembru, fit-8.00pm.  Ġiet esegwita l-Coronation Mass ta’ Mozart, flimkien ma’ kompożizzjonijiet mużikali oħra tal-Milied.  Il-Kor sellem lil żewġ membri tiegħu li ħallewna din is-sena, Mons. Ġorġ Bezzina u Ġorġ Camilleri.  Saret ukoll ġabra b’riżq il-Fondazzjoni Arka.  Tħabbar ukoll li, wara l-mewt tad-direttur spiritwali Mons. Ġorġ Bezzina li seħħet xi xhur ilu, issa Mons. Ġużeppi Gauci, fundatur tal-Kor, laqa’ t-talba li saritlu biex ikun id-direttur spiritwali l-ġdid tiegħu.  Mons. Gauci tkellem waqt il-kunċert.

 

Jintrama l-Presepju tal-Bażilika

It-Tlieta 18 ta’ Diċembru fil-għaxija, fil-Kappella ta’ Ġesù u Marija ntrama l-Presepju tal-Bażilika, maħdum minn George Camilleri, li baqa’ għall-wiri għall-ġranet tal-Milied.  Is-sena l-oħra dan il-presepju ma setax jintrama minħabba xi vandaliżmu li kien ġarrab fil-post fejn kien maħżun, imma fl-aħħar ġimgħat l-artist bil-paċenzja kollha ħa ħsieb jibni mill-ġdid partijiet sħaħ minnu biex seta’ jkun mill-ġdid fil-Bażilika għall-Milied ta’ din is-sena.  Hu presepju tassew artistiku, b’pasturi prestiġjużi xogħol Sqalli.  Il-Presepju ġie mbierek flimkien mal-Bambini tat-tfal fl-aħħar jum tan-Novena.

 

Wirja ta’ Arti Sagra fis-Seminarju

Fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi, bejn it-22 ta’ Diċembru 2012 u s-6 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni Djoċesana Arti Sagra, flimkien mas-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, tellgħet il-wirja Incarnatione, b’arti sagra fuq il-Misteru tat-Twelid ta’ Ġesù mislufa minn kollezzjonijiet parrokkjali u oħrajn privati.  Il-wirja ttellgħet fis-Sala tas-Seminarju, fil-Belt Victoria.  Fost l-esebiti, kien hemm tliet oġġetti mill-Bażilika ta’ San Ġorġ.  Dawn huma l-famuża urna tas-seklu tmintax bil-Bambin “ta’ De Soldanis”, xogħol Malti tas-seklu dsatax; kwadru ta’ l-Annunzjazzjoni, xogħol anonimu Malti tas-seklu tmintax li jinsab fis-Sagristija Parrokkjali; u kwadru ieħor, ukoll ta’ l-Annuzjazzjoni, xogħol anonimu Malti tas-seklu sbatax jew tmintax, li wkoll jinżamm fis-Sagristija.

 

Ċelebrazzjoni ta’ Għeluq in-Novena u Vestizzjoni ta’ l-Abbatini

Nhar il-Ħadd 23 ta’ Diċembru, in-Novena tal-Milied għat-Tfal u l-Familja ntemmet bil-kbir meta fi tmiem il-Quddiesa, li saret fis-7.00pm, saret Ċelebrazzjoni ta’ Għeluq in-Novena fil-Bażilika.  Il-Quddiesa tmexxiet mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona, li wara l-priedka, għamel il-Vestizzjoni lil tliet abbatini ġodda tal-parroċċa: George Abela, Karl Curmi u Nicholas Vella.  Iċ-ċelebrazzjoni ta’ madwar siegħa, li bdiet dritt wara l-Quddiesa, kienet tinkludi kant u lettaratura tal-Milied, kif ukoll biċċa drama: tassew ċelebrazzjoni mżewqa u bilanċjata li fiha, b’xi mod jew ieħor, ħassewhom involuti t-tfal kollha li kienu qed jattendu għan-Novena.  Xi tfal tal-parroċċa mill-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca, immexxija minn Mary Grace Xuereb, kantaw żewġ kanzunetti ħelwin tal-Milied bl-Ingliż.  It-tfajjel Karl Curmi rreċta bl-amment poeżija ħelwa tal-Milied, waqt li Angelica Galea u Ian Gauci qraw żewġ poeżiji oħra.  Interviena wkoll il-Grupp tal-Kitarri b’xi innijiet tal-Milied li fihom kanta kulħadd, waqt li orkestrina żgħira ta’ tfal taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo daqqet xi mużika strumentali tal-Milied.  Xi tfal qraw ukoll ittri li kitbu lil Ġesù Bambin, li kollha xxandru fuq Leħen il-Belt Victoria nhar il-Milied.  Il-parti prinċipali kienet ir-rappreżentazzjoni drammatika li fiha l-persunaġġi ta’ kull ġurnata tan-Novena, lebsin il-kostumi Bibliċi u jġorru s-simboli tagħhom, telgħu fuq il-presbiterju u fakkru lill-ġemgħa fil-messaġġ ta’ kull ġurnata tan-Novena dwar il-ministeri ekkleżjali.  Fl-aħħar telgħu wkoll Ġużeppi u Marija bit-tarbija Ġesù f’idejhom, u hekk kollox laħaq il-qofol tiegħu fil-“grotta” ċkejkna li ssawret quddiem l-altar tat-tribuna.  Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bil-Barka Sagramentali u t-tberik tal-Bambini mill-Arċipriet quddiem il-Presepju tal-Bażilika li f’dik l-okkażjoni ġie inawgurat uffiċjalment.  Imbagħad, tfal, katekisti u ġenituri ferħu flimkien fil-Party tal-Milied fis-Sala Mons. Emanuel Mercieca.  Ħafna tfal u adolexxenti tal-parroċċa ħadu sehem ukoll f’Miliedfest, li ttella’ fuq il-palk tat-Teatru Astra, is-Sibt 22 ta’ Diċembru, fit-8.00pm.

 

Festi tal-Milied u ta’ l-Aħħar tas-Sena

Għall-jiem festivi tal-Milied u l-Aħħar tas-Sena, il-kalendarju liturġiku tal-parroċċa ta’ San Ġorġ kien ippakkjat b’diversi ċelebrazzjonijiet sbieħ.  It-Tnejn 24 ta’ Diċembru, fl-4.30pm, l-Arċipriet Emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia mexxa l-Ewwel Għasar Solenni.  Imbagħad, fil-11.30pm, bdiet il-Liturġija tal-Vġili tat-Twelid ta’ Sidna, l-ewwel bil-kant tal-Matutin u l-Uffiċċju tal-Qari, imbagħad bil-Priedka tat-Tifel mill-abbati Mark Mizzi, u dritt wara, il-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl, ippreseduta mill-Arċipriet, il-Kapitlu u l-kleru.  L-għada, it-Tlieta 25 ta’ Diċembru, jum il-Milied, l-Isqof Grech mexxa l-Pontifikal Solenni fil-11.00am, li fi tmiemu sar ukoll il-bdil ta’ l-awguri.  Żewġ pontifikali oħra mmexxija mill-Isqof kienu dak tat-Te Deum nhar l-aħħar tas-sena fil-5.00pm, u dak ta’ l-Ewwel tas-Sena, solennità ta’ Omm Alla, fil-11.00am.  Fl-okkażjonijiet kollha kanta l-Kor Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo.  Fil-Pontifikal ta’ l-Aħħar tas-Sena, waqt l-Offertorju, il-Kor kanta l-arranġament mużikali sabiħ Night of Silence, akkumpanjat mhux biss minn Dr Maria Frendo fuq l-orgni, imma wkoll mill-mużiċist bravu Jacob Portelli fuq il-vjolinċell.  Dak in-nhar ukoll, fit-8.00pm, l-Arċipriet mexxa Adorazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr għas-sena 2012, li fiha Mons. Anton Borg, vigarju parrokkjali, għamel xi riflessjonijiet sbieħ fuq il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni.  Ritratti, filmati u rikordings ta’ dawn il-funzjonijiet issibuhom fuq din il-websajt kif ukoll fuq dik tar-radju tal-parroċċa, Leħen il-Belt Victoria, li xandar bi skeda sħiħa għall-istaġun.

 

Quddiesa oħra fl-Għar tax-Xagħra

Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Diċembru, fil-5.00pm, il-membri tal-Gruppi ta’ l-Abbatini u tal-Vokazzjonijiet, flimkien mal-ġenituri li kienu mistiedna jattendu, kellhom Quddiesa għalihom fl-istess għar fix-Xagħra li diġà ssemma qabel.  Mexxa l-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona, u barra s-subien u l-ġenituri tagħhom, kienu preżenti wkoll għall-Quddiesa tliet membri mill-komunità Rumana tal-Piccolo Gruppo di Cristo li nzertaw għal żjara f’Għawdex f’dawn il-ġranet ta’ wara l-Milied.  Wara, saret ikla flimkien fi Qbajjar Restaurant, Marsalforn.  Għall-ġenituri ta’ l-abbatini tal-parroċċa, saret ukoll laqgħa fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, nhar l-Erbgħa 26 ta’ Diċembru, li tmexxiet mis-seminarista Mario Curmi.

 

Żjara ta’ żewġ Isqfijiet mill-Vatikan

Nhar is-Sibt 29 ta’ Diċembru, fil-11.00am, żewġ dinjitarji tal-Belt tal-Vatikan għamlu żjara ta’ korteżija lill-Bażilika.  L-Arċisqof Guido Pozzo, Almonier ta’ l-Uffiċċju tal-Karitajiet tal-Papa, u l-Isqof Giuseppe Sciacca, Segretarju tal-Governatorat ta’ l-Istat tal-Vatikan, kienu akkumpanjati minn Dun Jesmond Manicaro, segretarju personali ta’ l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna.

 

Kalendarju 2013

Fl-aħħar ġurnata tas-sena 2012 beda jitqassam il-Kalendarju tal-Parroċċa għas-sena l-ġdida 2013.  Issettjat fil-format li issa drajna naraw għal dan l-aħħar snin, u stampat għand A&M Print tal-Qala, din is-sena l-istampa tal-kulur fil-parti ta’ fuq tal-kalendarju turi l-Gwarniċ tal-Fidda tal-ventaltar li jintrama fuq l-altar maġġur tal-Bażilika fil-festi l-kbar, teżor imprezzabbli ta’ l-arti li bħalissa, fl-okkażjoni ta’ għeluq il-mitt sena minn meta ġie kkummissjonat, qed jiġi rrestawrat mid-ditta Laga Co. Ltd ta’ Ħal Luqa.  Il-kalendarju, bħas-soltu, barra l-ismijiet tal-qaddisin għal kull ġurnata, fih ukoll djarju liturġiku u parrokkjali.  Mat-tqassim tal-Kalendarju, il-parroċċa għamlet bħas-soltu s-sejħa tagħha lill-familji tal-parroċċa biex ikunu ġenerużi u jagħtu Strina lill-Bażilika.

 

Ħarġa f’Malta għall-Adolexxenti Żgħar

Nhar il-Ħamis 3 ta’ Jannar 2013, ġiet organizzata ħarġa għal Malta għall-Grupp ta’ l-Adolexxenti Żgħar tal-parroċċa.  Fil-ħarġa, ’il fuq minn għoxrin student u studenta tal-Forms 2 u 3, flimkien ma’ abbatini u membri tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet, kienu akkumpanjati mis-seminarista Mario Curmi u l-animaturi.  Huma bdew b’Quddiesa fil-knisja ta’ San Franġisk, il-Belt, u mbagħad kellhom ħin għad-dawrien u l-ikel il-Belt stess.  Wara żjara lil-lift ġdid tal-Barrakka, il-ħarġa kompliet b’ħin għal logħob u film f’Baystreet.

 

Riċiviment Annwali tal-Milied

Ir-Riċiviment Annwali tal-Milied, li għalih il-parroċċa tistieden lill-kollaboraturi u l-benefatturi kollha tagħha, ibda mill-membri tal-kumitati u l-gruppi fi ħdanha, inżamm nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Jannar, fir-Refettorju Parrokkjali.  Fi tmien ir-riċiviment, li beda fis-7.30pm, l-Arċipriet għamel kelmtejn ta’ radd il-ħajr lil dawk kollha li jgħinu fil-parroċċa matul is-sena kollha.

 

L-Epifanija

L-aħħar impenn ta’ l-Isqof Djoċesan u Dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana, Mons. Mario Grech, fil-festi tal-Milied li jsiru fil-Bażilika, kien nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar, għall-Pontifikal ta’ l-Epifanija, fil-11.00am.  Wara t-tħabbira tal-Vanġelu, Dun Joseph Mercieca, kantur tal-Bażilika, kanta b’mod solenni t-Tħabbira tal-Festi Liturġiċi tas-sena, li skond l-Isqof Grech fl-omelija tiegħu, imkien fil-knejjes parrokkjali tagħna ma tismagħha titħabbar hekk solenni.  Wara, saret l-ikla tradizzjonali għall-kleru fir-Refettorju Parrokkjali.

 

Kunċert mill-Grupp Russu Posolon

Il-grupp vokali Russu Posolon, magħmul minn ħames kantanti nisa, ta kunċert ta’ mużika Russa fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, nhar l-Erbgħa 9 ta’ Jannar, fis-7.00pm.  Il-kunċert a cappella fetaħ l-istaġun ta’ kunċerti għal din is-sena ta’ dan il-grupp li ġej mid-Dipartiment tal-Mużika Folkloristika Russa fi ħdan l-Università Statali tal-Kultura u l-Arti ta’ San Pietruburgu.

 

Laqgħat għall-Ġenituri

Nhar il-Ħamis 10 ta’ Jannar, komplew il-laqgħat għat-tfal tal-Preċett u tal-Griżma ta’ l-Isqof fiċ-Ċentru Parrokkjali, fl-4.30pm u fil-5.30pm rispettivament.  Tqassmilhom ukoll il-kalendarju ta’ laqgħat u attivitajiet oħra sa Mejju li ġej, li jinkludi seminar għat-tfal tal-Griżma, il-parrini u l-ġenituri, fl-1 ta’ Mejju li ġej.  Dan jinsab ukoll fuq din il-websjat.  Fl-istess ħinijiet, il-katekista Miriam Portelli mexxiet żewġ laqgħat għall-ġenituri, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia.

 

Laqgħat għall-Adolexxenti

Iż-żewġ Gruppi ta’ l-Adolexxenti kellhom il-laqgħat tagħhom il-Ġimgħa 11 u s-Sibt 12 ta’ Jannar.  Il-grupp tal-kbar kellu l-laqgħa tiegħu nhar il-Ġimgħa fit-8.00pm, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, u din tmexxiet minn Dun George Borg, li tkellem dwar is-sesswalità fl-adolexxenti, u wara ntwera filmat interessanti dwar is-suġġett.  Wara l-laqgħa, l-istudenti ħarġu jieħdu xi ħaġa flimkien f’ristorant f’Marsalforn.  Il-laqgħa għall-grupp taż-żgħar saret l-għada s-Sibt fit-8.00pm, fid-Dar Parrokkjali, u tmexxiet mis-seminarista Mario Curmi.  Wara, l-istudenti baqgħu jieħdu pizza flimkien fiċ-Ċentru Parrokkjali u raw film.

 

Jintemm Żmien il-Milied

Bil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, nhar il-Ħadd 13 ta’ Jannar, intemm iż-żmien liturġiku tal-Milied.  Matul dik il-ġimgħa komplew ukoll il-laqgħat ta’ formazzjoni fil-parroċċa.  Il-Ħadd stess, fl-10.00am, reġgħet bdiet il-Quddiesa għat-Tfal u l-Familja kollha, waqt li fl-9.45am, saret laqgħa oħra għall-koppji bi tħejjija għaż-żwieġ fis-Sala Parrokkjali.



Printer Friendly Version
Send Article to a Friend
Comments
Name

A value is required. Invalid format.
Email Address:

A value is required. Invalid format.
Please enter the text above exactly as it appears (case sensitive)
When you click on "Submit Comment", a confirmtion email is automatically sent to the address you specified above. You will then be required to confirm this comment by clicking the link provided in this email that you will receive. Comments also need to be confirmed by the administration.
Admin Login