Il-ġimgħa li għaddiet, bejn it-Tnejn 1 u l-Ħamis 4 ta’ Marzu 2010, sar it-tieni kors ta’ eżerċizzi spiritwali tar-Randan għal din is-sena fil-parroċċa ta’ San Ġorġ.L-eżerċizzi kienu għall-miżżewġin u tmexxew mill-predikatur magħruf Patri Marcello Ghirlando ofm.Dawn kienu jibdew wara l-Quddiesa tas-7.00pm u saru fil-bażilika.Patri Marcello kien ukoll disponibbli għall-Qrar fl-aħħar ġurnata.Il-bażilika kienet ippakkjata b’koppji kbar u żgħar għal dan il-kors li, kif wieħed kien jistenna, kellu bażi Biblika għanja ħafna.Dawn l-eżerċizzi spiritwali, kif ukoll dawk ta’ ħmistax ilu, jinsabu online fuq il-websajt tal-parroċċa tagħna, fejn wieħed jista’ jniżżel kull priedka u jismagħha fil-kumdità ta’ daru.Ir-rikordings jixxandru wkoll fuq Leħen il-Belt Victoria fl-iskeda sħiħa li tiftaħ il-ġimgħa d-dieħla.
Ħarġet it-tieni statwa tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
Nhar it-Tlieta li għaddew ħarġet it-tieni statwa tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ.Din id-darba kien imiss lill-istatwa ta’ Kristu inkurunat bix-xewk, magħrufa aħjar bħala Tal-Porpra jew ukoll l-Aċċjomu, espressjoni li ġejja mill-kelmiet Latini ta’ Pilatu lill-folla, “Ecce homo”, u li baqgħu marbutin ma’ dan l-istazzjon tal-Passjoni.F’din il-vara nilmħu lil Kristu bil-wieqfa, b’idejh marbutin u b’qasba maħduma fil-fidda f’idu tal-lemin.L-idejn huma marbutin b’lazz tad-deheb li fit-truf tiegħu hemm ġummiena.Din il-vara hija xogħol fil-kartapesta u, bħal ta’ qabilha, saret mill-aħwa Camilleri Cauchi fl-1976.Il-fondi nġabru minn Ġorġ Gauci u l-ħaddiema tal-fabbriki li kkontribwew għall-vara tal-Marbut.Fuq spallejn Kristu titlibbes porpra tal-bellus aħmar skur.Ma’ ras Kristu nsibu dijadema f’għamla ta’ raġġ maħduma mill-metall abjad u rregalata minn Toni Xuereb.Iż-żewġ statwi tal-Kolonna u tal-Marbut huma qrib ħafna fix-xebh lejn dawk eqdem tal-Katidral, u tul is-sena jinżammu f’niċeċ ġodda tal-kawba’ li kienu sarulhom, fis-sala ta’ wara s-sagristija maġġuri tal-bażilika.Din il-ġimgħa issa jmiss li toħroġ il-vara tant meqjuma tar-Redentur.
Tnedija ta’ studju storiku importanti
Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Marzu 2010, fis-7.00pm, fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex saret it-tnedija uffiċċjali tal-ktieb Tristia ex Melitogaudo: Lament in Greek Verse of a XIIth-century Exile in Gozo.Dan il-ktieb fih studju ġdid ta’ Mons. Dr Joseph Busuttil, Prof. Stanley Fiorini u Prof. Horatio C.R. Vella, bi traskrizzjoni, traduzzjoni u kummentarju ta’ lamentazzjoni poetika ta’ awtur Biżantin-Sqalli eżiljat f’Għawdex.Dan l-istudju jiżvela tagħrif ġdid u interessanti ferm fuq l-epoka Medjevali f’Għawdex, fost l-oħrajn li l-gżira diġà kellha l-“isqof” tagħha sa minn żmien l-Għarab, u li f’Għawdex, b’differenza minnMalta, ma kienx hemm interruzzjoni fil-fidi Kristjana, lanqas tul il-perjodu tal-ħakma Għarbija.George Francis Vella, kollaburatur mill-parroċċa ta’ San Ġorġ u għalliem ta’ l-ilsna Klassiċi fl-Università ta’ Malta, kien fuq il-panel u tkellem ukoll fuq l-aspett filoloġiku ta’ dan l-istudju imprezzabbli.Kemm Vella, u kemm Mons. Joe Bezzina u Patri George Aquilina ofm, żewġ studjużi oħra li kienu fuq il-panel waqt it-tnedija, semmew il-kult Biżantin lejn San Ġorġ f’Għawdex waqt l-espożizzjonijiet kritiċi tagħhom.Dan l-istudju jista’ jinkiseb minn għand il-librara ewlenin f’Malta u Għawdex.
Il-proġett tal-mużew storiku u ċentru kulturali jieħu żvolta importanti
Sa fl-aħħar, kif kien ilu mistenni, beda x-xogħol “manwali” fuq il-post, magħruf bħala Ta’ Lurieta, fi Triq il-Karità, eżatt quddiem il-bieb tal-ġenb tal-bażilika li jagħti għal din it-triq.Dan il-lok, propjetà tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, sa jkun użat għall-mużew storiku u ċentru kulturali li sa jibena b’fondi Ewropej u oħrajn Maltin: proġett li qed jitwettaq bil-ħidma tal-Fondazzjoni Belt Victoria.L-ewwel fażi tax-xogħol tal-bini, li l-perit tiegħu hu Salvu Micallef, kienet tirrikjedi li l-post, li jinsab fi stat degradanti, u li s’issa kien jintuża biex fih jinżamm xi armar tal-festa, jiżżarma mill-materjal ta’ kull għamla li kien hemm fih.Il-proċess tħalla f’idejn il-ħaddiema ta’ l-imgħallem u bennej Toni Vella, li ħa t-tender tal-bini mħabbar aktar kmieni mill-Fondazzjoni fuq dan il-proġett.Is-Sibt fil-għodu daħlu fi Pjazza San Ġorġ żewġ trakkijiet u fihom inħareġ ħafna materjal minn dan il-post kif ukoll mill-basement taċ-ċentru parrokkjali.Waqt li l-ħażin intrema, materjal prezzjuż u li jeħtieġ restawr ittieħed f’garaxx apposta.Fost dan il-materjal kollu żgur li ddomina x-xena l-altar maġġur il-qadim tal-bażilika, xogħol fin fl-irħam tas-seklu tmintax li sas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor kien għadu fil-bażilika.L-altar kien iżżarma u tqiegħed f’biċċiet fil-post Ta’ Lurieta.Issa, wara li joħroġ it-tender relevanti, mistenni jibda x-xogħol fuqu, biex dan l-altar ta’ prestiġju tassew għoli jerġa’ lura għall-glorja oriġinali, u possibbilment isib postu fil-kollezzjoni tal-mużew li sa jinbena.
Pawlu Zammit elett president tas-Soċjetà Filarmonika La Stella
Nhar il-Ħadd li għadda saret l-elezzjoni għal president ġdid tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, fi tmiem proċess ta’ votazzjonijiet mill-bandisti residenti tul l-aħħar ħmistax.Wara li l-Ħadd ta’ qabel saret l-elezzjoni għall-membri tal-Kumitat Ġenerali, il-Ħamis li għadda, 4 ta’ Marzu 2010, kien l-aħħar jum fejn setgħu jiġu sottomessi n-nomini għal din l-elezzjoni għal president tas-Soċjetà, fejn ikkontesta wkoll Dolindo Cassar, li fil-passat kien diġà segretarju tas-Soċjetà u l-kontribut tiegħu fi ħdanha ftit taw bħalu.F’din l-elezzjoni, li saret fil-għodu,Pawlu Zammit ġie elett bħala president. Zammit ilu għal diversi snin membru fil-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà, fejn f’dawn l-aħħar snin kien jokkupa l-kariga ta’ viċipresident, u kien imdaħħal f’diversi kumitati oħrajn fi ħdan is-Soċjetà.Bħalissa hu responsabbli wkoll, flimkien ma’ l-arċipriet Mons. Pawlu Cardona, mil-laqgħa ta’ formazzjoni għall-għarajjes fil-parroċċa ta’ San Ġorġ.Hu qed jieħu post Dr Joseph Grech, li kien ilu fit-tmexxija tas-Soċjetà għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Jibda l-kors ta’ l-eżerċizzi għall-adoloxxenti
Sadanittant, il-bieraħ it-Tnejn 8 ta’ Marzu 2010 beda t-tielet kors ta’ eżerċizzi spiritwali tar-Randan f’San Ġorġ.Dan il-kors ta’ tagħlim għall-adoloxxenti qed jitmexxa minn Dun Geoffrey George Attard, saċerdot żagħżugħ mill-parroċċa tagħna u vigarju koperatur fil-parroċċa tar-raħal taż-Żebbuġ.Dan il-kors qed isir fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia taċ-ċentru parrokkjali, biex b’hekk jinħoloq ambjent ta’ aktar familjarità għal dawn il-priedki.Fl-aħħar jiem l-adoloxxenti kollha li qegħdin fil-Forms 2, 3, 4 u 5, u li għamlu l-Griżma fil-parroċċa tagħna, irċivew stedina d-dar biex jattendu għall-eżerċizzi.L-istess ittra ntbagħtet ukoll bl-internet, permezz tax-xibka elettronika Facebook, biex tirreklama u tħeġġeġ aktar lill-adoloxxenti jattendu għal dan il-kors apposta għalihom, li jinkludi wkoll filmati qosra, kif ukoll mumenti ta’ kant u riflessjoni personali.Ġie offrut ukoll it-trasport għal min ġej mill-bogħod.