Tinħareġ fil-bażilikal-ewwel statwa tal-Ġimgħa l-Kbira
Nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra, wara l-Quddiesa tas-7.00pm, inħarġet l-ewwel statwa tal-Ġimgħa l-Kbira taħt waħda min-navi tal-bażilika ta’ San Ġorġ. L-ewwel statwa li nħarġet għal din is-sena kienet dik ta’ Kristu marbut mal-kolonna, magħrufa aħjar bħala “Il-Marbut” jew “Tal-Kolonna”, hekk kif minn din is-sena, skond tradizzjoni qadima, l-istatwi tal-Passjoni reġgħu bdew jinħarġu fil-bażilika ġimgħa wara l-oħra tul iż-żmien tar-Randan.Wara nofs in-nhar tat-Tlieta 23 ta’ Frar 2010, Ġużeppi Buhagiar u xi voluntiera oħra miegħu ħadu ħsieb jarmaw il-bankun li fuqu tintrama l-istatwa, wara li l-injam tiegħu kien ingħata tindifa mill-qiegħ mill-voluntiera żgħar tal-bażilika l-jiem ta’ qabel.Fl-istatwa tidher ix-xbieha ta’ Kristu marbut mal-kolonna, fejn qala’ s-swat.Hija xogħol fil-kartapesta ta’ l-aħwa Alfred u Michael Camilleri Cauchi.Din il-vara saret fis-sena 1976, fuq l-inizjattiva ta’ Ġorġ Gauci, li ġabar il-fondi meħtieġa minn fost l-impjegati parruċċani ta’ San Ġorġ li kienu jaħdmu fil-fabbriki tax-Xewkija.Il-vara swiet Lm150.F’ras Kristu nsibu dijadema f’għamla ta’ ċirku tal-fidda, li swiet Lm48.Fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, li toħroġ mill-bażilika Ġorġjana, u li hi l-eqdem purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Għawdex, din l-istatwa toħroġ eżatt wara dik ta’ l-Orazzjoni fl-Ort. Is-soltu, kif titlob l-ordni loġika, din ta’ Ġesù fl-Ort tkun l-ewwel statwa li tinħareġ għall-qima fil-bażilika, imma peress li bħalissa tinsab fl-istudju ta’ l-artist Michael Camilleri Cauchi għal aktar xogħol fuqha, din l-istatwa relattivament ġdida mistennija toħroġ aktar tard.L-istatwa, xogħol l-artist Camilleri Cauchi nnifsu, fil-fatt iżżanżnet flok waħda eqdem fil-purċissjoni tas-sena l-oħra, u ntogħġbot sew, speċjalment minħabba x-xebh impressjonanti li l-iskultur irnexxielu joħloq f’wiċċ Kristu ma’ l-istatwa tal-Vara l-Kbira.
Jintemm l-ewwel kors ta’ eżerċizzi spiritwali
Fil-ġimgħa li għaddiet sar l-ewwel kors ta’ eżerċizzi spiritwali fil-parroċċa tagħna, f’din il-mixja tar-Randan imqaddes. Dan kien l-ewwel kors għal kulħadd, peress li l-parroċċa tagħna torganizza żewġ korsijiet miftuħin għal kulħadd, wieħed kmieni wara nofs in-nhar u l-ieħor wara l-aħħar Quddiesa tal-ġurnata, għall-kumdità tal-fidili kollha. Dan l-ewwel kors beda nhar it-Tnejn 22 u ġie fi tmiemu nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Frar 2010, u tmexxa minn Dun Injazju Borg, kappillan tal-parroċċa ta’ San Lawrenz u għalliem tal-Liturġija Mqaddsa fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Il-priedki, ta’ xi tliet kwarti l-waħda, bdew fl-4.15pm u baqgħu għaddejjin sal-ħabta tal-4.50pm, biex wara setgħet toħroġ il-Quddiesa tal-5.00pm.Għal dan l-ewwel kors attenda numru sabiħ ta’ parruċċani.Wieħed jista’ jniżżel u jisma’ kull priedka li saret tul dan il-kors minn fuq il-websajt tal-parroċċa (il-files, f’format Mp3, huma aċċessibbli mit-taqsima Noticeboard).
Jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali
Nhar il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010, fis-6.00pm, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia saret laqgħa oħra tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, fejn kompliet id-diskussjoni fuq bosta temi, fosthom il-programm tar-Randan u ż-żjara tal-Q.T. il-Papa Benedittu XVI.Il-Kunsill irratifika wkoll il-bidu tal-ħidma ta’ bosta kumitati fi ħdanu li kienu għadhom ma bdewx joperaw, fosthom il-Kumitat tal-Liturġija, immexxi mill-Kan. George J. Frendo, li ltaqa’ iktar kmieni l-ġimgħa l-oħra biex jiddiskuti żmien ir-Randan.Iktar tagħrif fuq il-ħidma ta’ kumitati oħra jingħata ’l quddiem.
Żjara minn grupp mill-Birgu
Nhar is-Sibt li għadda, 27 ta’ Frar 2010, għamel żjara lill-bażilika tagħna grupp ta’ membri mill-parroċċa ta’ San Lawrenz, fil-Birgu, Malta.Il-grupp kien akkumpanjat minn Dun John Avellino, li hu wkoll magħruf fil-qasam tal-ġurnaliżmu Kattoliku lokali.Iż-żjara tal-grupp, fl-4.00pm, damet fuq siegħa, u fiha hu ġie mdawwar ukoll mal-kumpless parrokkjali.
Elezzjoni tal-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Ħadd 28 ta’ Frar 2010, saret l-elezzjoni tal-Kumitat Ġenerali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella għas-sena 2010-2011.Il-Ħadd ta’ qabel, 21 ta’ Frar 2010, kienet saret il-Laqgħa Ġenerali tas-Soċjetà, li ġabet fi tmiemha sena oħra ta’ ħidma mill-Kumitat Ġenerali u s-sottokumitati kollha tas-Soċjetà.Wara li l-kummissjoni elettorali maħtura ad hoc laqgħet in-nomini, is-Sibt li għadda ħarġet uffiċċjalment il-lista ta’ xejn inqas minn 39 kandidat.Il-Ħadd wara nofs in-nhar tħabbru l-membri eletti fil-kumitat il-ġdid.Wieħed jista’ jara aktar informazzjoni fuq il-websajt uffiċċjali tas-Soċjetà La Stella, www.lastella.com.mt.
Jissokta l-programm ta’ ċelebrazzjonijiet fir-Randan
Iċ-ċelebrazzjonijiet f’dan iż-żmien tar-Randan komplew din il-ġimgħa wkoll.Barra l-eżerċizzi li qed isiru fil-bażilika, qed issir ukoll il-Via Sagra kuljum.Tul il-ġimgħa saret bidla ċkejkna fil-ħin ta’ din il-Via Sagra, minn kif kien vżat oriġinarjament permezz tal-Programm tar-Randan u tal-bulettin parrokkjali, biex b’hekk din issa qed tixxandar fuq l-istazzjon komunitarju tagħna Leħen il-Belt Victoria.Il-ħin tal-Via Sagra, diretta mill-bażilika, kuljum tul ir-Randan, hu fis-5.45pm.Bidla oħra fil-programm imħabbar kienet tikkonċerna l-Pellegrinaġġ Penitenzjali u Via Crucis fil-beraħ ta’ l-inħawi taz-zona ta’ Taċ-Ċawla, fil-periferija tar-Rabat.Wara li kienet ħarġet mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali u ġiet proposta bħala parti mill-programm, f’kordinazzjoni stretta ma’ l-Arċipriet u ma’ l-uffiċċju parrokkjali, din l-inizjattiva pastorali ta’ ġid f’dan iż-żmien penitenzjali kellha tiġi mħassra fuq xewqa u ordni ta’ l-awtoritajiet ekkleżjastiċi tad-djoċesi.
Jibda l-kors ta’ l-eżerċizzi għall-miżżewġin
Nhar it-Tnejn li għadda, 1 ta’ Marzu 2010, beda t-tieni kors ta’ eżerċizzi spiritwali tar-Randan fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. Dan il-kors hu miftuħ għall-koppji miżżewġa u qed jitmexxa mill-predikatur magħruf Patri Marcello Ghirlando ofm. Dawn l-eżerċizzi jibdew wara l-Quddiesa tas-7.00pm u qed isiru fil-bażilika. Milli jidher qed jiġbdu bosta u bosta koppji, għax il-bażilika qed tkun ippakkjata sa ruħ ommha!Il-parroċċa qed tfittex li tirriklama b’kull mod l-eżerċizzi spiritwali tar-Randan, billi anki stampat poster biex tfakkar lill-membri tal-komunità fil-kors li jgħodd għalihom.
Arti Ġorġjana fuq il-Gozo Observer
Fil-ħarġa ta’ Diċembru 2009 (21) tal-Gozo Observer, l-organu uffiċċjali taċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Università ta’ Malta, li joħroġ kull tliet xhur, jissemmew bosta pitturi ta’ preġju li jinsabu fil-bażilika ta’ San Ġorġ.It-tagħrif hu mogħti f’artiklu miktub minn Paul Muscat, Religious Art in Gozo (1500-1900):A Study on Patronage Patterns.L-artiklu janalizza l-istorja tal-patrunaġġ ta’ l-arti reliġjuża f’Għawdex tul is-sekli sittax sa għoxrin.L-ikkummissjonar ta’ pittura jew ta’ xi statwa ma kienx ikun biss ir-riżultat tax-xewqa lokali għal iżjed dekor artistiku, imma wkoll tal-ħeġġa ta’ niesna biex ikabbru u jagħtu qima lil Alla, il-Verġni Marija u l-qaddisin.Id-devoti spiss kienu jkunu ekkleżjastiċi, amminisraturi ċivili, imma wkoll sekulari tat-tajjeb, kif ukoll nies minn klassijiet aktar baxxi fis-soċjetà.Fost il-pitturi li ġew ikkummissjonati għall-bażilika ta’ San Ġorġ, u li ġew imsemmija f’dan l-artiklu, jispikka t-titular ta’ San Ġorġ, mogħti mill-Gvernatur ta’ l-Ordni f’Għawdex, Fra Don Francesco De Cordoba (1676-1678), u mpitter mill-Kavallier Mattia Preti.Dan sar fiż-żmien ikrah ta’ meta kienet faqqgħet il-pesta f’pajjiżna.Ir-rigal kien purament sinjal ta’ devozzjoni lejn San Ġorġ bħala sinjal ta’ ringrazzjament. Biċċa xogħol ta’ l-arti oħra li nħadmet għal San Ġorġ, minn Preti wkoll, kienet l-inkwadru tal-Verġni Mbierka bil-Bambin f’idejha, tħares lill-Erwieħ tal-Purgatorju.Ix-xogħol tħallas minn Giovanni Gourgion, segretarju tal-Granmastri Caraffa u Wignacourt.F’dan l-inkwadru naraw ħafna erwieħ li, minn ġewwa n-nar qalb żewġ blatiet, jidhru jgħollu jdejhom ’il fuq jitolbu l-ħniena.Fil-ġenb tax-xellug ta’ min ikun qed iħares hemm żewġ figuri, wieħed jitlob u l-oħra ssawwab l-ilma minn ġewwa bomblu, li jirrappreżentaw lill-benefattur tal-kwadru u lil martu.Kwadru ieħor tal-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha, imdawra bl-anġli u l-erwieħ, il-kittieb jgħidilna li tħallas minn ċertu Giorgio Muscat minn Ħal Luqa, li beda l-qima lejn il-Madonna tal-Grazzja f’San Ġorġ.