Nhar it-Tlieta 16 ta’ Frar 2010, lejlet Ras ir-Randan, wara l-Quddiesa tas-7.00pm, grupp ta’ voluntiera rġiel iltaqgħu fil-bażilika biex bħal kull sena joħorġu l-istatwa devota u mirakuluża tal-Kurċifiss mill-kappella tas-Sagrament biex tintrema fuq bankun fil-kor, wara l-altar prinċipali tal-bażilika li jinsab taħt it-tribuna.Hemm, kif hi t-tradizzjoni kull Randan fil-bażilika tagħna, tibqa’ għad-devozzjoni tul il-jiem kollha ta’ dan iż-żmien liturġiku.Din ix-xbieha artistika, kapulavur fl-injam ta’ Pietru Pawl Azzopardi, filwaqt li tkun tiddomina l-maqdes Ġorġjan f’dawn il-ġranet tar-Randan, tkun iċ-ċentru ta’ devozzjoni qawwija lejn il-misteru tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.L-istess xbieha, fil-fatt, tidher f’bosta mill-pubblikazzjonijiet parrokkjali tar-Randan li ħarġu din is-sena, bħalma hu l-programm ta’ ċelebrazzjonijiet u l-poster ta’ l-eżerċizzi.
Ras ir-Randan f’San Ġorġ
Nhar l-Erbgħa ta’ Rmied, 17 ta’ Frar 2010, l-ewwel jum taż-żmien liturġiku tar-Randan Imqaddes, fis-6.00pm, l-arċipriet Mons. Pawlu Cardona mexxa konċelebrazzjoni solenni bis-sehem tal-kapitlu tal-kolleġġjata u l-kleru.Animat din il-konċelebrazzjoni l-iSchola Cantorum Gregoriana.Fil-Quddies kollu ta’ matul il-ġurnata sar ir-rit ta’ rmied.Din il-Quddiesa kienet trasmessa wkoll live fuq Leħen il-Belt Victoria.
Il-Via Crucis matul iż-żmien tar-Randan
Mill-ewwel jum tar-Randan bdiet issir id-devozzjoni qaddisa tal-Via Crucis, magħrufa aħjar bħala l-Via Sagra, kuljum fil-bażilika.Din it-talba, li fiha wieħed ikun jista’ jimmedita u jirrifletti aħjar fuq il-Passjoni ta’ Ġesù Kristu bl-għajnuna ta’ l-erbatax-il stazzjon, qed issir kuljum għall-ħabta tas-5.45pm, ftit qabel il-Quddiesa tas-6.00pm.F’din it-talba wkoll qiegħda tieħu sehem il-Fratellanza tal-Kurċifiss.Il-Via Crucis qed tixxandar diretta fuq l-istazzjon tal-komunità ta’ San Ġorġ Leħen il-Belt Victoria għall-benefiċċju ta’ dawk is-semmiegħa li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu joħorġu minn djarhom.Sfortunatament, iċ-ċelebrazzjoni tal-Via Crucis fl-inħawi ta’ Taċ-Ċawla, proposta mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali għal nhar il-Ġimgħa li ġejja, u mħabbra wkoll fil-programm ta’ ċelebrazzjonijiet imqassam fid-djar, kellha tiġi mħassra.
Tindif bi tħejjija għall-Ġimgħa l-Kbira
Bħal f’kull żmien ieħor speċjali ta’ matul is-sena liturġika, il-bażilika ta’ San Ġorġ tintrema u tiġi ppreparata mill-aħjar għall-funzjonijiet fiż-żmien li nkunu qed nitħejjew għalih.Fil-fatt, dawn il-preparazzjonijiet fil-bażilika ġa bdew. Il-Ħadd li għadda, 21 ta’ Frar 2010, wara l-Quddiesa ta’ 12.00pm, xi voluntiera tal-Grupp Santa Marta iltaqgħu biex inaddfu partijiet tal-knisja, bħan-niċeċ żgħar tal-ġnub, fosthom tal-Madonna ta’ Lourdes u dik ta’ Sant’Antnin.Tnaddaf u ġie maħsul anki l-kor u l-presbiterju.Dan il-grupp hu msemmi għal Santa Marta ta’ Betanja, dik li fil-Vanġelu nsibuha taqdi lil Ġesù.It-Tlieta 16 ta’ Frar 2010, membri oħra fi ħdan l-istess grupp naddfu l-altari ż-żgħar tan-navi.Sadanittant, il-Ħadd ukoll, xi voluntiera żgħażagħ kienu impenjati fit-tindif ta’ bradelli u bankuni li fuqhom jintramaw l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira, hekk kif kull ġimgħa, sa l-aħħar tar-Randan, fil-bażilika tinħareġ statwa tal-Ġimgħa l-Kbira.Dawk li jaħsbu li jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom lill-parroċċa billi jgħinu b’dan il-mod, huma mistiedna jikkuntattjaw l-uffiċċju parrokkjali.
Jibda l-ewwel kors ta’ eżerċizzi spiritwali tar-Randan
Nhar it-Tnejn 22 ta’ Frar 2010 beda l-ewwel kors ta’ eżerċizzi spiritwali f’dan iż-żmien tar-Randan għal din is-sena.Dan il-kors, li qed isir minn Dun Injazju Borg, kappillan tal-parroċċa ta’ San Lawrenz, hu miftuħ għal kulħadd.Qed isir fl-4.15pm, ħin ideali għal dawk il-persuni li jippreferu ma jattendux eżerċizzi tard fil-għaxija.Dawn il-priedki qed itawlu sal-ħin tal-5.00pm, fejn imbagħad toħroġ l-ewwel Quddiesa ta’ fil-għaxija.F’dawn l-ewwel jiem Dun Injazju Borg ta defenizzjoni ta’ xi jfisser eżatt żmien ir-Randan, li hu żmien ta’ riflessjoni għal kull wieħed u waħda minna.Hu kompla biex qal li hemm bżonn inqattgħu aktar ħin ma’ l-anzjani u l-morda tagħna, kif ukoll insibu ħin għal-Quddies u t-talb.Dan hu l-ewwel kors minn ħamsa li qed isiru fil-parroċċa tagħna.Il-ġimgħa d-dieħla sa jsir dak għall-miżżewġin minn Patri Marcello Ghirlando ofm.Fil-ġimgħat ta’ wara jsiru l-kors għall-adoloxxenti minn Dun Geoffrey G. Attard, it-tieni kors għal kulħadd mill-Kan. Eddie Zammit, ul-aħħar kors għat-tfalminn Patri Peter Paul Cachia osa.
Parteċipazzjoni fl-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
Nhar Ras ir-Randan fetħet ir-reġistrazzjoni għall-purċissjoni tradizzjonali u antika tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-bażilika ta’ San Ġorġ.Il-purċissjoni penitenzjali tal-Passjoni mill-bażilika ta’ San Ġorġ din is-sena jmiss toħroġ nhar il-Ġimgħa l-Kbira.Għalhekk, dawk kollha mill-età tal-Preċett ’il fuq, li jixtiequ jieħdu sehem, jistgħu jinkitbu fl-uffiċċju parrokkjali bejn it-Tnejn u s-Sibt, mill-5.00 sas-7.00pm, jew iċemplu fuq 21 556 377 jew 99 557 300.Min jixtieq iġorr il-ktajjen b’wegħda jew b’penitenza fil-purċissjoni hu mitlub jikkuntattja lil Noel Sultana fuq in-numru 99 253 653.
Laqgħat u diskussjonijiet f’Leħen il-Belt Victoria
F’dawn il-jiem qed isiru laqgħat u taħdidiet fuq kif nistgħu nġibu aktar ’il quddiem u ntejbu s-servizzi ta’ l-istazzjon komunitarju tar-radju tal-parroċċa tagħna.Diversi suġġerimenti ġew diskussi u analizzati mill-kumitat responsabbli, u wħud minnhom ġa bdew jitwettqu.Il-feedback tan-nies ġa juri li d-differenza qiegħda tidher.Għalhekk fil-ġranet li ġejjin l-istazzjon sa jieħu ħsieb jiġbor iktar informazzjoni fuq kemm qed jiġu segwiti l-programmi tiegħu u x’jixtiequ iktar is-semmiegħa.Wara li ġiet irranġata s-sistema ta’ l-audio online streaming u mmodernizzata s-sistema tal-logging fl-istudjows, diversi aspetti oħra essenzjali għall-kwalità tas-servizz qed jiġu diskussi ma’ nies professjonali u esperti f’dan il-qasam.Fil-fatt hu maħsub li jinxtara iktar apparat.L-appell tagħna hu li kull min jista’ jgħin, kemm fiżikament billi jidħol bħala parti mill-istaff tar-radju, kif ukoll finanzjarjament, għandu jkellem lil Frank Schembri ta’ Vajrinġa Supermarket.Bosta appelli sa jkunu jidhru kemm fil-websajts tal-parroċċa u tar-radju, u kemm fuq il-bulettin li joħroġ kull ġimgħa mill-parroċċa tagħna.
Ritratti tal-bażilika fuq Leħen il-Qala
Fil-ħarġa ta’ Leħen il-Qala ta’ Jannar 2010, li tqassmet xi ġimgħat ilu, hemm numru ta’ paġni b’ritratti sbieħ mill-bażilika ta’ San Ġorġ.Ir-rivista, li toħroġ tliet darbiet f’sena, hi l-pubblikazzjoni uffiċċjali tal-parroċċa tal-Qala, fejn hu arċipriet il-Kan. Joe Zammit, saċerdot oriġinarjament mill-parroċċa ta’ San Ġorġ.Fl-okkażjoni tal-ġublew saċerdotali tal-fidda, f’Awwissu li għadda, Dun Joe iċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-bażilika Ġorġjana.Ritratti minn din il-ġrajja ħelwa, li aħna konna rrappurtajna fid-dettall f’din ir-rubrika, jidhru fuq il-ħarġa msemmija, flimkien mal-kliem Fil-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri, Victoria… fejn tgħammidt.Sadanittant, nhar is-Sibt li għadda, fil-5.00pm, l-isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ta l-mandat lil Mons. Jimmy Xerri bħala arċipriet ġdid tan-Nadur, fil-bażilika u kolleġġjata ta’ San Pietru u San Pawl f’dak ir-raħal.Mons. Xerri, li wasal Għawdex iktar kmieni l-ġimgħa l-oħra, ingħata merħba sabiħa fil-parroċċa l-ġdida li tagħha sa jkun arċipriet, u talab lill-ġemgħa biex titlob għalih.