Il-kor Laudate Pueri jkanta fit-Tieni Għasar, tal-festa ta’ San Pawl Nawfragu
Il-bażilika ta’ San Ġorġ ukoll tat is-sehem tagħha fil-festi f’ġieħ San Pawl, li din is-sena ġew iċċelebrati bil-kbir fil-Munxar fl-okkażjoni ta’ l-1950 sena min-Nawfraġju ta’ l-Appostlu Missierna.Mhux biss kien hemm attendenza tajba mill-parroċċa tagħna għall-Velja tan-Nawfraġju, li saret taħt tinda t-Tlieta fil-għaxija, imma l-Erbgħa 10 ta’ Frar 2010, nhar San Pawl, il-kor Laudate Pueri ġie mistieden ikanta fit-Tieni Għasar Solenni, fil-knisja parrokkjali tal-Munxar, li tmexxa mill-vigarju ġenerali tad-djoċesi Mons. Giovanni Bosco Gauci.Il-kant polifoniku ta’ l-innu u s-salmi, taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo, ma setax ma jfakkarx lil min kien preżenti fl-Għosrien sbieħ tat-Tridu ta’ San Ġorġ f’Lulju.Il-Kan. Tonio Galea, kappillan tal-Munxar, huwa wkoll membru “onorarju” tal-kor Laudate Pueri, li ilu msieħeb fih minn mindu kien għadu seminarista fil-parroċċa tagħna.Fil-bażilika ta’ San Ġorġ, sadanittant, jum San Pawl ra folol kbar ta’ nies jimlew il-knisja għall-Quddies kollu.
Laqgħa għall-Grupp Santa Marta
Nhar il-Ħamis li għadda, 11 ta’ Frar 2010,inżammet fiċ-ċentru parrokkjali laqgħa informali tal-Grupp Santa Marta, li hu l-grupp fil-parroċċa, magħmul prinċipalment minn nisa, li jieħu ħsieb it-tindif tal-knisja fuq bażi regolari u volontarja.Għal-laqgħa ta’ madwar tletin minuta, li bdiet għall-ħabta tal-5.00pm,attendew għadd ta’ voluntiera, u ġew mistħarrġa diversi modi ta’ kif it-tindif ikun iktar frekwenti u effiċjenti.Il-Ħadd, stess, fil-fatt, ingħatat tindifa tajba lill-kor u l-presbiterju.
Funeral tal-Kan. Ġwann Scicluna
Nhar il-Ġimgħa fil-għodunstemgħu t-tokki kiebja tal-qniepen tal-bażilika Ġorġjana jdoqqu mota ta’ mewt. Wara ftit tal-ħin ġriet l-aħbar li l-Kan. Ġwann Scicluna, saċerdot, konfessur u eks-għalliem, ħalla dan il-wied tad-dmugħ.Daqs ħmistax ilu l-Kan. Ġwann Scicluna, li jiġi z-ziju tal-mibki Mons. Salv Borg, arċipriet emeritu ta’ San Ġorġ, ġie rikoverat fl-iSptar Ġenerali ta’Għawdex.Hu miet nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Frar 2010, għall-ħabta tad-9.15am, fl-età ta’ tmienja u sebgħin sena.Il-funeral sar l-għada s-Sibt 13 ta’ Frar.Fis-2.30pm il-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-knisja tas-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fi Strada Palma, fil-belt Victoria.Fit-3.15pm, imbagħad, il-kapitlu kanta flimkien mal-poplu l-Għasar ta’ l-Uffiċċju tal-Mejtin.Wara, it-tebut tal-Kan. Scicluna, akkumpanjat mill-kapitlu u l-kleru ta’ San Ġorġ, il-familjari u folla sabiħa ta’ nies, inġarr lejn Triq ir-Repubblika, fejn il-korteo għadda minn Pjazza Indipendenza u Pjazza San Ġorġ, u ddaħħal ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ.Fl-4.00pm l-isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, mexxa l-Quddies presente cadavere, b’numru sabiħ ta’ saċerdoti, kemm mill-parroċċa tagħna u kemm mid-djoċesi ta’ Għawdex, jikkonċelebraw miegħu.Fl-omelija l-Isqof tkellem fuq il-kwalitajiet saċerdotali ta’ Dun Ġwann bħala edukatur u konfessur, u ħeġġeġ lill-fidili biex jitolbu għal iżjed vokazzjonijiet saċerdotali.Leħen il-Belt Victoria, l-istazzjon tal-komunità ta’ San Ġorġ, xandar din il-Quddiesa diretta għall-benefiċċju tas-semmiegħa.
Festa parrokkjali tal-Verġni Mqaddsa ta’ Lourdes
Nhar is-Sibt li għadda wkoll, fil-parroċċa tagħna saret il-festa tal-Verġni Mqaddsa ta’ Lourdes.Mill-Erbgħa ta’ qabel beda t-Tridu bi tħejjija għal din il-festa, fejn fit-tlitt ijiem ta’ tħejjija – l-Erbgħa 10, il-Ħamis 11 u l-Ġimgħa 12 ta’ Frar 2010 – l-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia ċċelebra l-Quddiesa tas-6.00pm b’omelija teoloġika fuq l-istess festa.Wara kull Quddiesa kien hemm mument ta’ adorazzjoni li fi tmiemu Mons. Feliċ Tabone ta l-barka Ewkaristika.Imbagħad, is-Sibt 13 ta’ Frar, nhar il-festa tal-Verġni Mqaddsa ta’ Lourdes, fis-6.00pm l-Arċipriet mexxa konċelebrazzjoni solenni, bis-sehem ta’ numru sabiħ ta’ Fratelli tal-Kurċifiss kif ukoll voluntiera ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Malta.Il-purċissjoni Marjana aux flambeaux bl-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes ma ħarġitx minħabba t-temp ikrah u l-maltemp li laqat lill-gżejjer tagħna f’dawn il-jiem.
Ħareġ il-Programm tar-Randan 2010
Din il-ġimgħa ġie ffinalizzat u ppubblikat il-programm tar-Randan mill-uffiċċju parrokkjali.Dan il-programm tqassam mal-bulettin ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet.Fih jinkludi l-attivitajiet u l-liturġiji kollha bejn il-lum, l-Erbgħa 17 ta’ Frar 2010, l-Erbgħa tar-Rmied, u l-Ġimgħa 26 ta’ Marzu 2010, tifkira popolari tad-Duluri.Fuq il-qoxra ta’ quddiem ta’ dan il-ktejjeb, b’format modern, insibu ritratt mill-isbaħ tal-Kurċifiss mirakuluż tal-bażilika ta’ San Ġorġ, meħud minn Joe Attard meta dan kien fil-kor tal-bażilika fl-aħħar jiem tar-Randan tas-sena l-oħra.Insibu d-dettalji tal-ħames korsijiet ta’ eżerċizzi li sajsiru, bid-dati u l-predikaturi rispettivi tagħhom.Is-siltiet tal-qari taħt kull ġurnata huma adattati mill-Messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għar-Randan 2010.Min għal xi raġuni jew oħra ma rċeviex kopja ta’ dan il-programm, għandu jiġbor waħda mill-uffiċċju parrokkjali jew inkella jniżżlu minn din il-websajt.Il-lum ġie ppubblikat ukoll poster bid-dettalji ta’ l-eżerċizzi tar-Randan.
Xogħol ta’ tiġdid fl-istudjows ta’ Leħen il-Belt Victoria
Bħalissa fl-istudjows ta’ l-istazzjon tar-radju tal-komunità ta’ San Ġorġ,Leħen il-Belt Victoria, qed isir upgrading tas-sistema kif ukoll xi stallazzjonijiet ġodda.Wara madwar kważi xahar u nofs, l-online streaming reġa’ ġie għan-normal.Hekk, min ikun jixtieq jisma’ r-radju minn fuq l-internet, speċjalment l-emigranti tagħna, issa jista’ jagħmel dan bla ebda xkiel.Ġew stallati wkoll upgrades importanti unxtara apparat li bih l-istazzjon tagħna jista’ jaħdem aħjar u b’mod aktar modern u effiċjenti.Xi problemi li kienu qed jinqalgħu spiss fl-aħħar xhur issa ġew solvuti.John Cauchi, tal-PRO Studios (Ta’ Sannat), f’dawn l-aħħar jiem għamel sigħat twal fil-bini ta’ l-istudjows tagħna jirranġa u jtejjeb is-sistema.Barra minn hekk, wara l-esperiment ta’ l-online video streaming li għamilna fil-festa ta’ San Ġorġ li għaddiet, li kien suċċess enormi mas-semmiegħa tagħna, hu l-ħsieb ta’ l-uffiċċju parrokkjali li f’kollaborazzjoni ma’ l-istazzjon tar-radju jerġa’ joffri dan is-servizz fil-Ġimgħa Mqaddsa u l-festa liturġika ta’ San Ġorġ.L-ispejjeż m’humiex żgħar, għalhekk min jixtieq jagħti xi donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jikkuntattja lil Frank Schembri jew lil Mons. Feliċ Tabone.Kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, tiġi apprezzata.