Wednesday, February 10, 2010:

Dil-ġimgħa f'San Ġorġ


Jiżżarma l-Presepju

Nhar it-Tlieta li għaddew, 2 ta’ Frar 2010, il-Knisja ċċelebrat il-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, magħrufa wkoll bħala l-Gandlora.  Fl-istess ġimgħa tneħħa l-presepju li kien armat fil-kappella ta’ Ġesù u Marija.  Għalkemm iż-żmien liturġiku tal-Milied għalaq mal-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, hi tradizzjoni f’ħafna pajjiżi li l-presepju jibqa’ barra sal-Gandlora.  Din hi r-raġuni għaliex fil-bażilika tagħna wkoll il-presepju nżamm armat sa din il-ġurnata.  Fost dawk li ħadmu flimkien ma’ l-artist, George Camilleri, fil-bini tal-presepju u t-tqegħid f’postu, kien hemm il-mastrudaxxa Ino M. Attard li bena struttura fl-injam bħala bażi għall-presepju, u Ivan Galea li ħa ħsieb id-dawl, dejjem taħt is-sorveljanza tal-Kumitat tal-Manutenzjoni tal-bażilika mmexxi minn George Francis Vella.  Dan il-presepju mill-isbaħ kien ġie inawgurat fil-bidu tan-Novena tal-Milied tas-sena li għaddiet.  Il-presepju żżarma fuq jumejn: iI-Ħamis 4 ta’ Frar iddaħħlu l-pasturi, li wkoll huma xogħol fin u aristiku ħafna ta’ Sqallija, filwaqt li l-għada l-Ġimgħa, wara l-Quddiesa tas-7.00pm ġiet żarmata l-istruttura tal-presepju.

 

Tħejjijiet djoċesani miż-żgħażagħ għaż-żjara tal-Papa

Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ ta’ Għawdex, is-Sibt li għadda, 6 ta’ Frar 2010, laqqgħet żewġ rappreżentanti minn kull parroċċa għal laqgħa, li saret fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, fejn ġew diskussi t-tħejjijiet djoċesani min-naħa taż-żgħażagħ Għawdxin għaż-żjara tal-Papa Benedittu XVI.  Minn San Ġorġ attendew Francesco Pio Attard u Andrew Formosa, f’isem il-Grupp 23four>>.  Attiva ħafna fi ħdan il-KDŻ ta’ Għawdex hi Dorienne Portelli, ukoll mill-parroċċa ta’ San Ġorġ.  Fost l-oħrajn tħabbar li l-attendenza għaċ-ċelebrazzjoni tal-Papa maż-żgħażagħ fil-Valletta Waterfront, nhar il-Ħadd 18 ta’ April, wara nofs in-nhar, trid issir b’reġistrazzjoni.  Il-gruppi taż-żgħażagħ f’kull parroċċa sa jkunu responsabbli li jħeġġu ż-żgħażagħ jitħejjew u finalment jattendu għall-attivitajiet.  Iktar tagħrif ’il quddiem, waqt li fir-Randan sa jittieħdu bosta inizjattivi.  Min irid, imma, diġà jista’ jżur il-websajt tal-KDŻ ta’ Malta għal iktar tagħrif u applikazzjonijiet: www.kdz.org.mt.

 

Laqgħa għaż-żgħażagħ fiċ-ċentru parrokkjali

Iktar fuq iż-żgħażagħ, nhar is-Sibt li għadda, 6 ta’ Frar 2010, ġiet organizzata laqgħa għaż-żgħażagħ f’waħda mill-kmamar taċ-ċentru parrokkjali.  Il-laqgħa bdiet għall-ħabta tas-7.30pm u kienet immexxija minn Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu, li ħa l-inizjattiva li ssir, f’kollaborazzjoni mal-Grupp 23four>> tal-parroċċa.  Għal din il-laqgħa attendew madwar ħamsa u għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa, li aċċettaw l-istedina biex jibdew jattendu għal xi laqgħat ta’ formazzjoni.  Mons. Farrugia beda l-laqgħa b’talba u mbagħad espona l-iskop ta’ dawn il-laqgħat, waqt li tkellem ukoll fuq l-istorja tal-grupp taż-żgħażagħ tal-parroċċa 23four>>, li kien twaqqaf fi żmien l-arċipretura tiegħu b’inizjattiva li ttieħdet flimkien ma’ xi żgħażagħ oħra, fosthom Tonio Galea, dak in-nhar seminarista, Michael Formosa u Antonella Zammit.  Hu żied jgħid li fil-parroċċa tinħass il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jerġgħu jibdew jiltaqgħu regolarment, wara li kien hemm żmien twil fejn dan ma kienx isir ħlief għal waqtiet okkażjonali.  Matul din il-laqgħa kien hemm diskussjoni li involviet ukoll lil dawk preżenti, li qasmu ħafna mis-sentimenti msemmija.  Mons. Farrugia tkellem ukoll fuq kif iż-żagħżugħ irid jimxi wara l-patrun tagħna San Ġorġ u fuq kif għandu jagħmel dan, fid-dawl tal-valuri tal-Vanġelu li huma tant mhedda l-lum.  Hu tkellem ukoll fuq il-possibbiltà u x-xewqa li s-sena d-dieħla jitla’ grupp ta’ żgħażagħ għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fi Spanja, imma wkoll fuq possibbiltajiet ta’ esperjenzi oħrajn flimkien.  Fl-aħħar mumenti tal-laqgħa għadda jsellem liż-żgħażagħ preżenti l-arċipriet Mons. Pawlu Cardona.  L-organizzazzjoni issa sa tkun f’idejn kumitat żgħir li sa jaħdem id f’id ma’ Mons. Farrugia u ma’ l-amministrazzjoni tal-Grupp 23four>>, u fil-fatt l-appuntament għal laqgħa oħra diġà ġie ffissat għal nhar is-Sibt li ġej, 13 ta’ Frar, eżatt wara li tidħol il-purċissjoni ta’ Lourdes.

 

Bandiera Ġorġjana tiċċelebra rebħa fil-futbol Għawdxi

Minkejja li m’hux l-iskop prinċipali ta’ din ir-rubrika li tagħti aġġornamenti sportivi, ma nistgħux ma ninnutawx kif, wara r-rebħa tal-Victoria Hotspurs FC bl-iskor ta’ 3-1 kontra l-SK Wanderers nhar il-Ħadd li għadda, 7 ta’ Frar 2010, fi tmiem it-tieni round tad-Division 1 League, mal-faċċata tal-kwartieri tal-klabb, fi Triq Enrico Mizzi, ġiet imdendla l-bandiera Ġorġjana.  L-“affinità” ta’ dan it-tîm tal-futbol Rabti mal-partit Ġorġjan, jew aħjar ma’ Ta’ l-Istilla, hi magħrufa biżżejjed fost dawk kollha li jsegwu l-futbol lokali.  Awguri lill-Victoria Hotspurs għal din ir-rebħa, imma wkoll lit-timijiet l-oħrajn tar-Rabat – l-Oratory Youths u l-SK Wanderers – għall-mod sân kif qed jippromovu l-isport fost it-tfal u l-adoloxxenti fil-belt tagħna, u għall-isem li qed jagħmlulha ’l barra minnha.

 

Tinħareġ l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes

Nhar il-Ħamis li ġej, 11 ta’ Frar 2010, issir it-tifkira liturġika ta’ l-ewwel dehra tal-Verġni Mbierka lil Bernardette Soubirous, li ġrat fl-istess ġurnata tas-sena 1858 fl-għar ta’ Massabielle, f’Lourdes, fi Franza.  Ftit tas-snin wara li seħħu dawn l-avvenimenti, fil-parroċċa tagħna bdiet id-devozzjoni Marjana lejn il-Verġni Mqaddsa ta’ Lourdes.  Kif ġara fl-aħħar snin, din il-ġimgħa sa jsiru tlitt ijiem ta’ tridu, immexxija mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, biex imbagħad nhar is-Sibt li ġej, jum il-festa parrokkjali, issir konċelebrazzjoni solenni u, jekk jippermetti t-temp, toħroġ purċissjoni Marjana aux flambeaux bl-istatwa tal-Verġni Mbierka madwar it-toroq tal-bażilika Ġorġjana, li fiha jieħdu sehem ukoll it-tfal tal-parroċċa.  Fil-fatt nhar it-Tnejn 8 ta’ Frar, fil-għodu, ġiet armata l-istatwa sabiħa tal-Madonna ta’ Lourdes fil-korsija.  L-istatwa tal-kartapesta nħadmet mid-ditta Galard et Fils ta’ Franza.  Fis-sena 1879 inġabet f’Għawdex u ġiet imbierka mill-isqof ta’ dak iż-żmien Mons. Pietru Pace.  Din l-istatwa turi lill-Verġni Mbierka u lil Bernardette fil-qagħda u l-ilbies tradizzjonali ta’ dak iż-żmien.  Ma’ din l-istatwa ntrema wkoll pavaljun mill-isbaħ, bl-għajnuna ta’ Tonio Debattista.

 

San Pawl iċċelebrat ukoll f’San Ġorġ

Nhar it-Tnejn fil-għaxija ntrema wkoll l-altar ta’ San Pawl għas-solennità tal-lum tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.  Ġie armat bil-ventaltar u l-gwarniċ, u nħarġu wkoll l-anġli fuq dan l-altar.  Il-bieraħ, ġewwa l-pjazza tar-raħal tal-Munxar, taħt tinda mdaqqsa, ġiet organizzata velja djoċesana tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, fl-okkażjoni speċjali ta’ din is-sena li fiha nfakkru l-1950 anniversarju mill-miġja ta’ l-Appostlu Missierna f’pajjiżna.  Fil-fatt il-velja serviet ukoll ta’ bidu uffiċċjali għat-tħejjija għall-miġja tal-Papa Benedittu XVI f’Malta għall-istess okkażjoni, f’April li ġej.  Il-velja bdiet fis-6.00pm, u barra Quddiesa, tulha tqabbdet ukoll ħuġġieġa u fi tmiemha saret translazzjoni solenni tar-relikwa ta’ San Pawl.  Mexxa l-isqof Mons. Mario Grech, bis-sehem ta’ bosta saċerdoti tad-djoċesi, fosthom kleru minn San Ġorġ.  Biex kulħadd seta’ jattendi għal din il-velja, l-aħħar Quddiesa fil-parroċċi kollha, inkluż San Ġorġ, il-bieraħ kienet fl-4.30pm.  Min-naħa l-oħra l-lum, l-10 ta’ Frar, fil-bażilika ta’ San Ġorġ ġiet iċċelebrata konċelebrazzjoni solenni fid-9.00am, immexxija mill-arċipriet Mons. Pawlu Cardona.

 



Printer Friendly Version
Send Article to a Friend
Comments
Name

A value is required. Invalid format.
Email Address:

A value is required. Invalid format.
Please enter the text above exactly as it appears (case sensitive)
When you click on "Submit Comment", a confirmtion email is automatically sent to the address you specified above. You will then be required to confirm this comment by clicking the link provided in this email that you will receive. Comments also need to be confirmed by the administration.
Admin Login