Dun Joseph Mercieca kantur fit-tberik ta’ qanpiena f’Bormla
Dun Joseph Mercieca, saċerdot u membru tal-kor tal-bażilika Laudate Pueri u ta’ l-iSchola Cantorum, li bi dritt jista’ jissejjaħ ukoll il-kantur uffiċċjali tal-bażilika ta’ San Ġorġ, kien mistieden janima l-konsagrazzjoni ta’ qanpiena storika f’Bormla.Il-qanpiena, ta’ prestiġju storiku u mużikali kbir, kienet ikkonsagrata solennement fil-knisja omm ta’ l-Ordni Karmelitan Tereżjan f’Bormla, nhar il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2010, fil-għodu. Qabel ma bdiet iċ-ċelebrazzjoni fuq iz-zuntier tal-knisja, saret Quddiesa li għaliha attenda fost l-oħrajn l-eks-President ta’ Malta Dr Ugo Mifsud Bonnici. Fi tmiem il-Quddiesa, għall-ħabta tad-9.30am, saret il-funzjoni tal-konsagrazzjoni skond ir-rit tradizzjonali Ruman De Benedictione Signi Viel Campanæ.Dun Joseph Mercieca kien mistieden mill-pirjol tal-komunità, Patri Martin Borg ocd, biex ikun il-kantur f’din iċ-ċelebrazzjoni, bil-kant ta’ diversi salmi u antifoni bil-lingwa Latina. L-aħħar darba li kienet saret ċerimonja b’dan ir-rit antik kien fl-1957, meta l-arċisqof Mons. Mikiel Gonzi kkonsagra l-qniepen tal-Gżira. Ir-rit ikkonsista, fost l-oħrajn, f’kant ta’ salmi bil-Latin u l-ħasil tal-qanpiena bl-ilma tal-melħ imbierek. Fl-imgħoddi dan ir-rit kien isir, fost l-oħrajn, biex jitkeċċew l-ispirti l-ħżiena u jitwarrbu l-mard u d-diżastri naturali. Din il-qanpiena, waħda mill-ewlenin maħduma għand id-ditta Ingliża Taylor, u li rnexxielha tevita x-xorti ħażina ta’ ħafna qniepen oħrajn li ddewbu fi żmien il-Gwerra, daret bosta knejjes barra minn Malta sakemm reġgħet sabet ruħha fid-dar oriġinali tagħha fil-belt ta’ Cospicua; issa ssemmiet Karmela Petra.
Skema Soċji 2010
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella qed issejjaħ iktar nies jissieħbu magħha bħala soċji.Fil-bidu ta’ sena ġdida s-Soċjetà Filarmonika La Stellaqed tniedi sejħa għall-ġbir u t-tiġdid tas-soċji tagħha għall-2010 bi skema intitolata Skema Soċji 2010.Fi tmiem il-ġimgħa mal-bulettin tal-parroċċa tqassam dokument f’kull dar tal-parruċċani ta’ San Ġorġ.Kif wieħed jaf, is-Soċjetà La Stella torganizza diversi attivitajiet matul is-sena, ewlenija fosthom l-organizzazzjoni tal-festi esterni ta’ San Ġorġ Martri, li jiġu ċċelebrati kull tielet Ħadd tax-xahar ta’ Lulju.Kif jingħad fl-ittra mqassma, u kif tassew hu, il-pern tas-Soċjetà Filarmonika La Stella hija l-banda.Il-banda ċittadina u dekana La Stella tkun impenjata matul is-sena kollha, f’dawk li huma servizzi fil-festi, kunċerti, preparazzjonijiet, klassijiet, u programmi mużikali.Fil-fatt, soċjetà mużikali bħal din tinvolvi ħafna enerġija u spejjeż kbar.Għalhekk meta wieħed jissieħeb bħala soċju jkun qed itaffi ftit mill-ispejjeż u jgħin lis-Soċjetà biex timxi aktar ’il quddiem f’dawk li huma impenji u sfidi tal-ġejjieni.Barra minn hekk, bħala soċju wieħed jista’ jiggwadanja leħen f’din is-soċjetà kif ukoll jibbenefika minn sussidji f’dawk li huma biljetti għal attivitajiet teatrali, kulturali u soċjali organizzati fit-Teatru Astra u l-każin, u tingħatalu membership card tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.
Don Bosco magħna
Fi tmiem li ġimgħa li ġejja fil-belt Victoria sa tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġwann Bosco fl-Oratorju msemmi għalih. L-Oratorju Don Bosco, darba f’idejn is-Salesjani, beda fi ħdan il-parroċċa ta’ San Ġorġ, bil-ħidma żelanti ta’ Dun Pawl Micallef, fejn kienu jsiru wkoll l-ewwel festi bl-istatwa ta’ Don Bosco.Il-programm ta’ l-attivitajiet u l-festi li qed isiru din is-sena fl-Oratorju, fi Pjazza Santu Wistin, tqassam mal-bulettin tal-ġimgħa l-oħra, waqt li aktar tagħrif jinkiseb mill-websajt uffiċċjali www.donboscogozo.org.Il-lum kien is-sitt u l-aħħar jum tan-Novena, u għada jibda t-Tridu Mqaddes f’ġieħ dan il-Qaddis taż-Żgħażagħ.F’dan il-programm tal-festi u attivitajiet ġew mistiedna wkoll l-arċipriet tal-bażilika ta’ San Ġorġ, Mons. Pawlu Cardona, kif ukoll il-kor tal-bażilika Laudate Pueri.Fil-fatt l-arċipriet Cardona sa jkun qed imexxi l-Quddiesa ta’ lejlet il-festa, nhar is-Sibt 30 ta’ Jannar 2010, fis-7.00pm, filwaqt li l-kor Laudate Pueri, taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo, janima l-konċelebrazzjoni pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex, nhar il-festa, il-Ħadd 31 ta’ Jannar 2010.
L-istatwa l-qadima ta’ San Ġorġ tal-Ħaġar fuq il-gazzetti
Waħda mill-istatwi li spiss jiġbdu l-attenzjoni ta’ numru ta’ turisti li jimxu fit-toroq tagħna, kif ukoll tal-parruċċani li joqogħdu Taċ-Ċawla u li jimxu minn quddiemha kważi kuljum, hi dik antikament magħrufa bħala “ta’ San Ġorġ tal-Ħaġar”, statwa Medjevali tal-ġebel li oriġinarjament kienet fl-inħawi tal-post li hu magħruf bl-istess isem, fil-qalba tal-belt l-antika, sakemm xi deċennji ilu ħaditilha postha waħda iktar riċenti u minflok sabet postha fi Triq Enrico Mizzi, quddiem il-kunvent tas-sorijiet Dumnikani tar-Rabat.Dan l-aħħar din l-istatwa dehret fil-ġurnal The Times, fejn għal darb’oħra nġibdet l-attenzjoni tal-qarrejja u ta’ l-awtoritajiet konċernati fuq l-istat degradanti li tinsab fih.Fil-fatt propjament fuq il-ħarġa ta’ The Times tas-Sibt li għadda, 23 ta’ Jannar 2010, dehru żewġ ritratti ħdejn xulxin: wieħed ta’ kif spiss tkun tidher din l-istatwa bil-weraq tal-ġnien li hemm warajha jixxeblek magħha, u l-ieħor ta’ kif “tieħu r-ruħ” wara li persuna interessata li toqgħod fil-qrib tieħu ħsieb tnaddafha, minkejja li ma tinsabx fil-propjetà tagħha.Hi x-xewqa ta’ dawk kollha li jħobbu l-istorja tar-Rabat, u mhux biss tal-Ġorġjani, li din l-istatwa storika tiġi rrestawrata kif jixirqilha u ma ddumx ma ssib postha f’mużew, bħalma hu dak li sa jibda jinbena dalwaqt mill-Fondazzjoni Belt Victoria.B’hekk forsi tiġi evitata wkoll iktar ħsara li tista’ ssirilha kawża wkoll tat-temp ħażin.Din l-istatwa mhux biss dehret f’pittura famuża ta’ Edward Caruana Dingli, il-lum miżmuma fil-Mużew ta’ l-Arti fil-belt Valletta, imma hi tabilħaqq simbolu ta’ l-istorja antika tal-belt ta’ Għawdex, jew Il-Ħaġar, kif hi magħrufa bl-isem Berbru tagħha, u tal-kult wisq qadim lejn il-patrun tal-gżira, San Ġorġ.Forsi hu ż-żmien li titqajjem iktar kuxjenza fuq il-valur imprezzabbli ta’ din l-istatwa ta’ San Ġorġ, unika f’dak li tirrappreżenta, mhux reliġjożament biss imma anki soċjalment u kulturalment.
Mariroż “ta’ Qaraboċċu”
F’dawn il-jiem ukoll isem il-bażilika tagħna reġa’ kien imsemmi f’gazzetta lokali bil-Malti, In-Nazzjon, fil-ħarġa tat-12 ta’ Jannar 2010.Fil-fatt Dun Geoffrey G. Attard, saċerdot Ġorġjan u awtur prolifiku, kiteb artiklu bl-isem Mariroż “ta’ Qaraboċċu”:majjistra Għawdxija fil-bidu tas-seklu dsatax.Mariroż Gatt, magħrufa fost in-nies tar-Rabat ta’ Għawdex u anki qalb l-Għawdxin b’ mod ġenerali bħala “Ta’ Qaraboċċu”, kif kien il-laqam tal-familja tagħha, kienet majjistra Għawdxija li isimha mhux lakemm jintesa.Mariroż twieldet fis-sena 1873 fil-familja ta’ Ġużeppi Scicluna u Ġianna Xuereb, fl-inħawi magħrufa fir-Rabat bħala ta’ San Ġorġ tal-Ħaġar, u tgħammdet fil-parroċċa ta’ San Ġorġ minn idejn l-arċipriet ta’ dak iż-żmien Mons. Feliċ Refalo.Iżżewġet lil Ġorġ Gatt, iben Feliċ u Josefa Caruana, nhar il-5 ta’ Settembru 1893, ukoll fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ.Mariroż kienet majjistra ferm imfittxija mhux biss fost ir-Rabtin ta’ Għawdex imma fost l-Għawdxin kollha.Ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ trabi twieldu minn idejn din il-mara.Pawlu Mizzi kiteb artiklu interessanti fuqha f’wieħed mill-perjodiċi lokali, Il-Ħajja f’Għawdex, fejn kellu sensiela mill-iktar interessanti fuq persunaġġi Għawdxin, u tkellem fuq it-tifkiriet li hu għandu ta’ din il-mara.Mariroż hija omm il-mibki Mons. Tarċis Gatt u n-nanna maternali ta’ l-arċisqof emeritu ta’ Malta Mons. Ġużeppi Mercieca u tal-Kan. Ġwann Mercieca, it-tnejn saċerdoti aħwa mill-parroċċa tagħna.Hija tiġi wkoll il-bużnanna tal-kittieb u ġurnalista Għawdxi l-Kav. Joe M. Attard u tal-kantanta poplari Adelina Attard, kif ukoll tas-Salesjan Dr Fabio Attard.Fost l-oħrajn, hi tiġi wkoll il-bużbużnanna tal-pittur żagħżugħ Għawdxi Mark Sagona kif ukoll ta’ l-istess kittieb ta’ l-artiklu.Li kellna nsemmu l-bqija tal-proneputijiet, il-lista ma tispiċċa qatt!