Tuesday, January 19, 2010:

Dil-ġimgħa f'San Ġorġ


Artiklu li deher f’Il-Belt Victoria riprodott fir-rivista tas-Salesjani Maltin

Fir-rivista Il-Ħajja Salesjana ta’ Jannar-Frar 2010 deher artiklu ta’ John Cremona, membru tal-parroċċa li hu attiv ħafna fi ħdan l-Oratorju Don Bosco, fl-okkażjoni tal-ħamsa u sebgħin anniversarju mill-ftuħ ta’ l-Oratorju Don Bosco, li fil-fatt ġie ċċelebrat is-sena l-oħra.  L-artiklu jġib l-isem Don Bosco: 75 sena f’Għawdex, u fil-fatt hu riproduzzjoni ta’ dak li kien deher fl-edizzjoni ta’ Mejju-Ġunju 2009 tal-pubblikazzjoni parrokkjali tagħna Il-Belt Victoria, sintendi miktub minn John Cremona.  Dan l-artiklu jeħodna lura lejn iż-żmien tal-bidu, meta l-Oratorju fetaħ fi Triq Karità, ftit passi ’l bogħod minn San Ġorġ, b’inizjattiva ta’ Dun Pawl Micallef, sagristan maġġuri f’din il-knisja parrokkjali.  L-ewwel festi ta’ San Ġwann Bosco, bit-Tridu u l-purċissjoni, kienu wkoll isiru f’San Ġorġ.  Ir-ritratt fl-ewwel faċċata fejn jidher l-artiklu juri bi prominenza l-ewwel oratorju fi Triq Karità.

 

Mons. Feliċ Tabone mistieden imexxi fix-Xagħra

Fi tmiem il-ġimgħa, fir-raħal tax-Xagħra ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Sant’Anton Abbati, l-ewwel titular tal-parroċċa ta’ dak ir-raħal u protettur maħbub ta’ l-annimali, imma, iżjed minn hekk, ewlieni fost il-Missirijiet tad-Deżert li kellha l-Knisja fl-istorja għanja tagħha.  Fost il-prelati mistiedna biex jagħtu s-servizz tagħhom matul din il-festa ħelwa, kien mistieden ukoll Mons. Feliċ Tabone, li ftit tax-xhur ilu ġie mogħti minn Ruma l-ġieħ ta’ Kappillan tal-Qdusija Tiegħu.  Mons. Tabone mexxa l-konċelebrazzjoni ta’ l-ewwel jum tat-Tridu ta’ din il-festa.  Dan kien nhar l-Erbgħa li għadda, 13 ta’ Jannar 2010, fis-6.30pm, fil-knisja ta’ Sant’Anton Abbati, ix-Xagħra, u l-istedina saritlu mill-Kan. Ġwann Sultana, rettur ta’ dik il-komunità.  Matul din il-konċelebrazzjoni għamel l-omelija Mons. Lawrenz Sciberras, Biblista, u wara ntqalet il-Kurunella, tkanta l-Innu Popolari, kif ukoll ingħatat il-Barka Sagramentali minn Mons. Tabone nnifsu.  Din kienet l-ewwel ċelebrazzjoni liturġika barra mill-parroċċa tagħna li Mons. Feliċ Tabone mexxa minn mindu ngħata t-titlu ta’ monsinjur.

 

Mitt sena tal-Museum tal-Bniet

Nhar l-Erbgħa 13 ta’ Jannar ukoll, il-membri nisa tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija f’Għawdex, flimkien ma’ bosta oħra minn Malta, fakkru għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tal-fergħa femminili tal-Museum minn Dun Ġorġ Preca, b’konċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr fil-bażilika Ta’ Pinu, immexxija mill-isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fis-6.30pm.  Ċelebrazzjoni simili kienet saret Malta wkoll xi jiem qabel.  Il-parroċċa tagħna għandha numru sabiħ ta’ membri fi ħdanha li huma mseħbin f’din l-għaqda tat-tagħlim imwaqqfa mill-qaddis Malti Dun Ġorġ, u trodd ħajr kontinwament lil Alla tas-servizz li huma, flimkien ma’ sħabhom tal-fergħa maskili, jagħtu fil-katekiżmu sân lil uliedna.

 

San Ġorġ fuq il-bulettin djoċesan

Fil-bulettin ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fuq wara tal-qoxra ta’ barra li hi stampata mid-djoċesi, issemmiet il-parroċċa ta’ San Ġorġ.  Hemm insibu artiklu żgħir fuq is-sittin anniversarju tal-Leġjun ta’ Marija f’Għawdex.  Il-Leġjun ta’ Marija twaqqaf fis-7 ta’ Settembru 1921 fil-belt ta’ Dublin, l-Irlanda.  Fis-sena 1940 saret l-ewwel laqgħa ta’ l-istess Leġjun f’Malta u għaxar snin wara, fl-1950, iltaqa’ l-ewwel præsidium f’Għawdex.  Fil-fatt din il-laqgħa kienet saret nhar it-22 ta’ Jannar 1950, fis-sagristija tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ.  L-E.T. Mons. Ġużeppi Pace, dak in-nhar isqof ta’ Għawdex, ta l-permess meħtieġ, u mbagħad, grazzi għall-għajnuna u l-isforzi ta’ Joseph Booker u Carmelo Formosa, il-Leġjun tefa’ l-għeruq tiegħu fil-gżira, fejn komplew jiżdiedu l-præsidia u l-organi l-oħra tal-Leġjun.  Il-lum bosta tfal, adoloxxenti, żgħażagħ u adulti mill-parroċċa tagħna huma membri tiegħu.  Bħala radd il-ħajr lil Alla, nhar il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2010 sa ssir konċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, isqof emeritu ta’ Għawdex, fis-santwarju Ta’ Pinu, fit-3.30pm.  Għal aktar informazzjoni fuq il-Leġjun u l-præsidia tiegħu f’Għawdex, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.gozolegion.org.

 

L-Azzjoni Kattolika b’ġimgħa speċjali

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għaqdiet ta’ appostolat, kif wieħed jista’ jara, hemm ħafna attività għaddejja f’dawn il-jiem.  Fil-fatt, il-Ħadd li għadda, 17 ta’ Jannar 2010, fis-6.00pm, l-arċipriet Mons. Pawlu Cardona mexxa Quddiesa fil-bażilika li għaliha attendew il-membri lajċi tal-parroċċa tagħna li huma impenjati fl-Azzjoni Kattolika.  Anima Antoine Vassallo, attiv sew fl-Azzjoni, li hu lajk impenjat ħafna fil-parroċċa.  Fl-aħħar ġimgħa l-Azzjoni Kattolika fir-Rabat (u m’hux f’Għawdex kif inkiteb fil-bulettin!) organizzat jiem speċjali ta’ aġġornament, li għalqu b’Quddies fiż-żewġ parroċċi mmexxija mill-arċiprieti. 

 

Ħarġet Il-Belt Victoria

Fi tmiem il-ġimgħa ġiet stampata l-aħħar edizzjoni għas-sena 2009 tal-pubblikazzjoni bimensili Il-Belt Victoria.  Din l-edizzjoni, li hi ta’ Novembru-Diċembru, tqassmet mal-bulettin ta’ tmiem il-ġimgħa.  Fuq il-qoxra ta’ quddiem insibu ritratt mill-isbaħ ta’ mument miċ-ċelebrazzjoni li saret fi tmiem in-Novena tal-Milied għat-tfal.  Dan qed jakkumpanja l-analiżi ta’ Antoine Vassallo, Pjan Pastorali… għad-djoċesi u għall-parroċċa – Ħarsa lura u oħra ’l quddiem.  Fin-naħa t’isfel insibu introduzzjoni għal xi artikli li jinsabu ġewwa, bi tliet ritratti tal-mibki poeta Għawdxi Ġorġ Pisani, ta’ l-istoriku Pawlu Mizzi u ta’ Mons. Feliċ Tabone, rispettivament.  F’din l-edizzjoni, bħal dawk ta’ qabel, fil-bidu nsibu l-editorjal, bit-tema Il-Milied żmien ta’ ferħ, kif ukoll il-messaġġ ta’ l-Arċipriet, li wkoll jittratta s-sens veru tal-Milied.  Fost id-diversi artikli interessanti l-ewwel wieħed hu fuq l-għaxar snin ta’ preżenza parrokkjali fuq l-internet tal-websajt tal-parroċċa u l-ħames snin bid-dehra attwali.  Francesco Pio jtemm is-sensiela tiegħu Fuq il-passi ta’ San Pawl fil-bażilika tagħna – Dawra ma’ l-Arti Pawlina f’San Ġorġ, bl-artiklu ta’ din id-darba jittratta l-kwadru tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, ta’ Mario Caffaro Rore.  Is-sensiela ħabtet ma’ għeluq is-Sena Pawlina li sar f’nofs l-2009.  Insibu tislima lis-Sur Pawlu Mizzi f’għeluq it-tmenin sena, kif ukoll tislima lill-poeta Għawdxi Ġorġ Pisani fis-sena taċ-ċentinarju mit-twelid tiegħu (1909-2009).  Hemm ukoll rapport qasir fuq Festival Mediterranea 2009 minn James L. Borg, u artiklu ieħor ta’ Antoine Vassallo bit-titlu Wasal ħin il-benefatturi! fis-sensiela tiegħu Mużew tagħna, Mużew għal kulħadd – Lejn twettiq ta’ ħolma.  L-istess awtur ikompli s-sensiela tiegħu Qaddisin Ġorġjani, din id-darba b’tagħrif fuq San Adomnánu.  Wara dawn l-artikli nsibu l-paġna tat-tfal, li din id-darba turi tpinġijiet u ittri tat-tfal lil Ġesù Bambin miktuba din is-sena, u t-tisliba.  Fl-aħħar paġni Andrew Formosa jkompli s-sensiela tiegħu Mid-Djarju Parrokkjali, b’dak li seħħ bejn Ottubru u Novembru tas-sena li għaddiet.  Fil-qoxra ta’ wara, li flimkien ma’ ta’ quddiem din id-darba hi bil-kulur, insibu rapport fuq il-monsinjuri l-ġodda mill-parroċċa tagħna, b’żewġ ritratti marbuta ma’ din il-ġrajja.  Isfel tal-paġna hemm l-awgurju tal-bord editorjali għall-festi tal-Milied b’ritratt tal-presepju li kien armat fil-bażilika ta’ San Ġorg fi żmien il-Milied li għadda.

 

L-Ottava tat-Talb għall-Għaqda tal-Kristjani

Il-bieraħ, it-Tnejn 18 ta’ Jannar 2010, bdiet il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost il-Knejjes Kristjani.  Skond it-Tieni Sinodu ta’ Għawdex, fid-Digrieti 71B u 72 fuq din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Kristjani, “għandha tkun imħeġġa bil-ħerqa kollha l-ħidma ekumenika ma’ ħutna l-Insara li m’humiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja.  Peress li meħtieġ ħafna t-talb, huma rrikmandati ħafna l-‘Ġimgħat għall-Għaqda tal-Knejjes’ li jsiru fil-parroċċi, kif ukoll is-servizz ekumeniku li għandu jsir għall-inqas darba fis-sena.  Huwa mixtieq li l-Kattoliċi jissieħbu ma’ l-aħwa mifrudin minna sabiex jagħmlu talb lil Alla fi kwalunkwe ħtieġa komuni li fiha jistgħu u għandhom jikkoperaw flimkien, per eżempju sabiex jissaħħu l-paċi fejjieda u l-ġustizzja soċjali, il-karità reċiproka fost il-bnedmin, id-dinjità tal-familja u ħwejjeġ bħal dawn”.  L-Ottava tat-Talb bdiet issir fis-sena 1908.  Is-suġġett li ntgħażel għal din is-sena hu meħud minn Luqa 24:28, bit-tema “Intom xhud ta’ dan”.  Għalhekk aħna mistednin li f’din l-Ottava nitolbu biex isseħħ din l-għaqda tant mixtieqa minn Kristu, anki waqt il-Quddies u talb ieħor li jsir fil-bażilika.  Din iż-żmien ta’ talb jiġi fi tmiemu nhar it-Tnejn 25 ta’ Jannar 2010.

 

Preparazzjoni għar-Randan

Dawn il-ġranet fl-uffiċċju parrokkjali qed isir xogħol ta’ tħejjija għall-programm parrokkjali tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.  Billi l-ġimgħa d-dieħla mistennija jiltaqgħu kemm il-Presbiterju u kemm il-Kunsill Pastorali Parrokkjali, dawn sa jiddiskutu bidliet meħtieġa u proposti ġodda li jistgħu jiżdiedu ma’ l-istruttura tradizzjonali ta’ dan iż-żmien liturġiku qawwi, meta l-parroċċa tkun impenjata speċjalment bl-eżerċizzi spiritwali, li l-predikaturi tagħhom ilhom ibbukkjati minn kmieni s-sena l-oħra.  Għaddejjin ukoll tħejjijiet loġistiċi għal bosta attivitajiet li bihom hu mħawwar dan iż-żmien qaddis, li din is-sena sa jibda fis-17 ta’ Frar.

 



Printer Friendly Version
Send Article to a Friend
Comments
Name

A value is required. Invalid format.
Email Address:

A value is required. Invalid format.
Please enter the text above exactly as it appears (case sensitive)
When you click on "Submit Comment", a confirmtion email is automatically sent to the address you specified above. You will then be required to confirm this comment by clicking the link provided in this email that you will receive. Comments also need to be confirmed by the administration.
Admin Login