Nhar it-Tlieta 5 ta’ Jannar 2010 f’San Ġorġ saret l-ewwel Lectio Divina ta’ din is-sena għas-saċerdoti ta’ Żona A.Kienu preżenti qassisin mill-parroċċi tal-Katidral, tal-Fontana u tagħna, kif ukoll mill-knejjes tax-Xlendi u ta’ Marsalforn.Il-laqgħa bdiet fl-4.00pm, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia, b’riflessjoni fuq l-Iskrittura minn Mons. Anton Mizzi, Biblista.Wara ngħatat il-barka Ewkaristika minn Mons. Feliċ Tabone, imbagħad l-isqof Mons. Mario Grech għalaq b’messaġġ qasir.Wara din il-laqgħa dawk preżenti kienu mistednin għal ftit kafè fir-refettorju tal-bażilika.
Ħareġ il-Kalendarju Parrokkjali 2010
Mal-bulettin ta’ din il-ġimgħa tqassam il-kalendarju l-ġdid għal din is-sena li għadha kemm rat il-bidu tagħha ftit tal-jiem ilu.L-uffiċċju parrokkjali, li jħejji dan il-kalendarju, din is-sena għall-qoxra ta’ quddiem għażel ritratt mill-isbaħ ta’ l-altar tal-bażilika ta’ San Ġorġ.Ir-ritratt ittieħed minn Joe Attard, kollaburatur ta’ din il-websajt, li spiss ifornina b’diversi ritratti.L-altar prinċipali tal-bażilika tagħna, disinn u xogħol fl-irħam tal-Prof. Carlo Pisi (1897-1979), din is-sena qed jagħlaq ħamsin sena mill-konsagrazzjoni tiegħu li kienet saret f’Diċembru 1960.Element innovattiv li qed jidher fil-kalendarju ta’ din is-sena hu li fuq in-naħa tal-lemin tal-paġna ta’ kull xahar hemm lista ta’ l-avvenimenti importanti li jkunu sa jseħħu fil-parroċċa matul dak ix-xahar bid-data tal-ġurnata rispettiva tagħhom, waqt li d-dati u l-ismijiet tal-qaddisin għal kull ġurnata ukoll huma ppreżentati fi stil differenti minn tas-soltu: f’kaxxi żgħar.Fuq l-istess naħa, aktar ’lisfel, insibu d-dati ta’ meta tiftaħ u tagħlaq kull skeda tar-radju komunitarju tal-parroċċa tagħna Leħen il-Belt Victoria.Tagħrif ieħor jinsab fuq il-qoxra ta’ wara.Min għadu ma rċeviex kopja ta’ dan il-kalendarju jista’ jgħaddi sa l-uffiċċju parrokkjali.Kull donazzjoni tkun apprezzata ferm!
Riċiviment Annwali
Nhar is-Sibt li għadda, 9 ta’ Jannar 2010, sar ir-riċiviment annwali marbut mal-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena.Ir-riċiviment beda fis-7.30pm u ġie fi tmiemu għall-ħabta tad-9.15pm.Għal din l-okkażjoni, barra s-Sala Mons. Emanuel Mercieca, infetħu għall-ewwel darba, wara l-manutenzjoni li saret fihom, l-Awla Kapitulari u l-librerija parrokkjali.Kienu preżenti għal dan ir-riċiviment diversi benefatturi u voluntiera li jgħinu f’San Ġorġ, fosthom abbatini,saċerdoti,il-membri tal-Ladies Society, diversi membri ta’ kumitati fi ħdan il-parroċċa tagħna, membri mill-kor tal-bażilika Laudate Pueri, id-diversi tekniċi u preżentaturi ta’ l-istazzjon komunitarju Leħen il-Belt Victoria, kif ukoll membri mis-Soċjetà Filarmonika La Stella.Kienu responsabbli mit-tisjir u t-tqassim ta’ l-ikel Ċensu Fenech u Ġużeppi Buhagiar.Fi tmiem ir-riċiviment l-arċipriet Mons. Pawlu Cardonagħamel kelmtejn ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li jagħtu l-kontribut tagħhom f’San Ġorġ matul is-sena.
Ħamsin sena miżżewġin
Nhar il-Ħadd 10 ta’ Jannar 2010 il-Quddiesa tal-11.00am kienet waħda ta’ ringrazzjament lil Alla f’għeluq il-ħamsin sena miż-żwieġ ta’ Francis X. Borg u martu Victoria.Din il-Quddiesa tmexxiet mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, flimkien ma’ Mons. Ġużeppi Curmi u Mons. Ġużeppi Cauchi.Waqt l-omelija Mons. Farrugia tkellem fuq il-ħajja ta’ din il-familja, kif ukoll fuq ix-xogħol kbir li Ċikku, kif hu magħruf Francis X. Borg, għamel b’riżq il-parroċċa ta’ San Ġorġ, fosthom is-siġġijiet, u issa l-ġinokkjaturi l-ġodda li tqiegħdu fil-bażilika ftit jiem qabel il-festi li għadhom kemm għaddew.Borg hu l-fundatur u, flimkien ma’ wliedu, il-propjetarju tad-ditta magħrufa ta’ l-injam FXB Ltd, li l-lum il-produzzjoni tagħha ħarġet ukoll barra minn xtutna.Fl-aħħar tal-Quddiesa nqrat il-barka speċjali mibgħuta mingħand il-Papa Benedittu XVI permezz ta’ Mons. Alfred Xuereb.Għal din il-Quddiesa kien hemm preżenti l-ulied u l-qraba ta’ din il-koppja, fosthom Joe, iben Francis u Vitorina, kollaboratur ewlieni fi ħdan il-parroċċa.Anima l-Quddiesa l-kor tal-bażilika Laudate Pueri.
Jidħlu iżjed donazzjonijiet ta’ l-Istrina 2010
F’dawn l-aħħar ġranet komplew jidħlu xi envelopes bl-Istrina lill-parroċċa.Grazzi mill-qalb lil dawk kollha li diġà taw id-donazzjoni tagħhom.L-envelopetqassam mal-bulettin ta’ xi ġimgħa ilu, u hu stedina lil kull familja biex tagħti d-donazzjoni tagħha lill-parroċċa fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida.Kull għotja tista’tintbagħat mad-distributuri tal-bulettin, jew tintefa’ fil-ġabra tal-Ħadd fil-knisja, jew inkella titwassal fl-uffiċċju parrokkjali.Dawk li huma msefrin jistgħu jibagħtu email fuq info@sangorg.org u ngħarrfuhom kif jistgħu jittrasferrixxu d-donazzjoni tagħhom b’mod elettroniku.
Quddiesa ta’ Mro Dr John Galea magħżula għaż-żjara tal-Papa
F’dawn il-jiem fuq il-media qed naraw u nisimgħu ħafna fuq il-miġja tal-Papa Benedittu XVI fis-17 u t-18 ta’ April li ġejjin.Fost it-tħejjijiet li qed isiru, fl-aħħar jiem ġew imħabbra mill-Kurja ta’ Malta l-logo uffiċjali taż-żjara, il-korijiet li sa jkantaw, kif ukoll il-mużika magħżula għall-Quddiesa tal-Papa fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Ħadd 18 ta’ April 2010, fil-għodu.Il-Quddiesa li ntgħażlet hi dik li kkompona Dr John Galea, bl-isem Missa in Fractione Panis, fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrinanniversarju presbiterali ta’ l-isqof Mons. Mario Grech, u li ndaqqet għal-ewwel darba fil-pontifikal iċċelebrat fil-Katidral ta’ Għawdex, nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Lulju 2009,fil-għaxija. Il-Quddiesa hija bbażata fuq il-Missa de Angelis bil-kor ikanta a quattro voci u jalterna mal-kongregazzjoni.Fl-aħħar ta’ dik l-okkażjoni, Dr John Galea kien ippreżenta din il-Quddiesa lill-isqof Grech.Galea, direttur mużikali u kompożitur, hu iben il-parroċċa ta’ San Ġorġ, u għandu f’idejh it-treġija tal-Chorus Urbanus, li twaqqaf fil-parroċċa tagħna fl-1975.Min-naħa l-oħra, id-disinn li ntgħażel għal-logo uffiċjali taż-żjara hu dak ta’ Mario Abela, ukoll mir-Rabat ta’ Għawdex.
San Ġorġ fuq il-media
Nhar il-Ħadd li għadda, 10 ta’ Jannar 2010, fuq il-paġna ta’ Għawdex tal-ġurnalThe Sunday Times dehru żewġ ritratti li għandhom rabta mal-bażilika tagħna.L-ewwel ritratt hu tal-kor Laudate Puerif’kunċert annwali fix-Xagħrali sar nhar it-Tlieta 22 ta’ Diċembru 2009.Fir-ritratt jidher il-kor ikanta, taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo.Fir-ritratt l-ieħor, li kien meħud minn fuq is-swar taċ-Ċittadella, tidher prominenti fil-qalba tal-belt l-antika l-bażilika ta’ San Ġorġ, mixgħula fl-isfond f’nofs bosta djar.Dan ir-ritratt deher fuq il-Gozo Page għax kien ir-rebbieħ ta’ kompetizzjoni tar-ritratti mtella’ fuq din il-paġna.Ritratt ieħor deher fuq il-qoxra ta’ wara ta’ Il-Ħajja f’Għawdex, rivista tad-djoċesi li toħroġ kull xahar, fl-edizzjoni ta’ Diċembru 2009.Il-paġna fiha għażla ta’ ritratti tal-Milied Għawdxi, fosthom ritratt ta’ Triq ir-Repubblika fil-parti ta’ quddiem it-Teatru Astra mżejna u mixgħula kif kienet fi żmien il-festi li għaddew, u ieħor ta’ parti mill-Christmas Villageimtella’ din is-sena mill-kunsill lokali ta’ beltnafi Pjazza San Ġorġ.Imbagħad, bħala sfond, tidher il-faċċata tal-bażilika ta’ San Ġorġ fil-festi tal-Milied ta’ din is-sena, b’żewġt itfal żgħar jilagħbu fuq it-taraġ.
Grupp ta’ presepisti Taljani sa jżuru Għawdex
Fuq stedina ta’ l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta, l-Associazione Italiana Amici del Presepio sa torganizza żjara f’Għawdex f’Mejju li ġej.Fir-rivista li toħroġ din l-assoċjazzjoni nsibu l-programm ta’ din iż-żjara.Fost l-oħrajn,il-Ġimgħa 21 ta’ Mejju 2010 il-grupp imdaqqas ta’ presepisti Taljani sa jżur il-bażilika ta’ San Ġorġ, bħala wieħed mill-postijiet Għawdxin li għandhom rabta importanti mal-kult tal-Milied fil-gżira.Huma sa jżuru wkoll għadd ta’ presepji magħmula minn dilettanti mir-Rabat, fosthom dak monumentali ta’ Frankie Mizzi, u dawk ta’ Anton Sillato, Giovanni Cassar u Toni Vassallo li sa jżommuhom armati apposta sa dak in-nhar, kif ukoll sa jattendu għal kunċert li sa jtella’ l-Chorus Urbanus fil-kunvent ta’ Sant’Wistin.