Leaving behind the “twelve days of Christmas” and concluding the liturgical Christmas season with this weekend’s fest of Our Lord’s Baptism, let’s have a look back at what Joseph Ratzinger calls, in one of his books, “the most beautiful custom of Christmas”… the holy crib. At Christmastide, Gozo is transformed into a “museum” of lovely artistic cribs – mechanic and static – spread all over the island. Our correspondent, Joe M. Attard, comments on the cribs he has visited this year, and on the inestimable work done by the Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta to propagate the old custom. The photos by Joe J.P. Zammit are from George Camilleri’s new crib for St George’s basilica, which is one of a kind! The article is in Maltese.
Kemm rajt presepji sbieħ!
kummenti tal-Kav. Joe M. Attard
Kienet tassew idea sabiħa u ta’ min ifaħħarha dik tas-Sezzjoni tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li jgħin finanzjarjament lil dawk li xtaqu jibnu u jesebixxu xi presepju matul il-jiem li għaddew għax b’hekk stajna ngawdu presepji tassew sbieħ imxerrdin ma’ parti kbira mill-gżira tagħna.Sa minn meta kont għadni tifel f’dar ommi jien trabbejt bil-presepju d-dar u kbirt b’din l-imħabba lejn dan il-wirt li nemmen qed ikompli jieħu l-ħajja anki bis-sehem li qed tagħti l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta (1985).
Għamilt mezzli ma nitlifx iċ-ċans li mmur inżur dawn il-presepji u veru ma ddispjaċinix.Rajt kif għamilt u ksibt lista tagħhom u ta’ kull fil-għaxija kont naqbad il-karozza u nara xi ftit minnhom, għax ngħid is-sewwa ma kinux ftit.B’kollox inkitbu tmien presepji mekkaniċi u wieħed u għoxrin statiċi.Żgur li kien hemm iżjed imma ppreferew li ma jintrabtux bil-ħin tal-wiri.Wieħed minnhom kien żgur dak tal-presepista bravu Frankie Mizzi, li joqgħod fil-bidu tal-Fontana, li għandu presepju trid seba’ għajnejn biex tarah, presepju li ddur miegħu dawra mejt waqt li tisma’ wkoll kummentarju bil-Malti, bl-Ingliż jew bit-Taljan.
Il-mekkaniċi li rajt kollha għoġbuni.Bdejt billi rajt dak ta’ Giovann Cassar fi Triq il-Belliegħa, Victoria, li issa ilu jagħmel il-presepju għal bosta snin.Bieb ma’ bieb mal-knisja ta’ San Franġisk fil-belt Victoria rajt ukoll presepju mekkaniku li għoġobni ħafna wkoll, waqt li fil-Qasam tas-Subien tal-Museum fix-Xagħra nsibu presepju armat is-sena kollha li ta’ kultant tiżdiedlu wkoll xi ħaġa ġdida. Hawnhekk din id-dar tfur bl-attività f’dawn il-jiem qaddisa li kienu tant għal qalb il-fundatur Dun Ġorġ Preca. Nibqgħu fix-Xagħra, u l-presepju ta’ Victor Agius ukoll jiġbed l-għajn; dan iż-żagħżugħ artist waqqaf ukoll għaqda f’raħlu biex tkompli tippromovi l-kultura tal-presepju. Fix-Xagħra wkoll Aaron Agius ta’ Triq Gajdoru tana presepju sabiħ. Fil-Qala, wara li domt indur strappata biex sibtu, għoġobni ferm ukoll il-presepju ta’ Anthony Bajada, li ssuġġerieli li l-Kunsill tal-Kultura jibgħat kopja ta’ dawn il-presepji kollha fid-djar ta’ dawk li jkunu qed jesebixxu biex b’hekk kull min ikun qed idur dawn il-presepji jkun jaf fejn għandu jmur.Din l-istess xewqa wrieha Joe Schembri li fil-Munxar dis-sena wkoll tana presepju li m’hux ta’ min jitilfu. Veru li wieħed seta’ jniżżel lista tagħhom minn fuq l-internet, imma mhux kulħadd jaf iħawwad bħali!Fl-aħħarnet fix-Xewkija, fil-każin tal-banda Prekursur daħħluni nara l-presepju b’għadd ta’ movimenti fejn ta’ kull fil-għaxija jinġabru għadd ta’ żgħażagħ u ħbieb biex jgħidu kelma.
Ħa ngħaddi issa għal presepji statiċi… u dawn kollha kienu sbieħ.Għoġobni immens dak li bena fil-bażilika ta’ San Ġorġ iż-żagħżugħ George Camilleri, b’pasturi li nġabu minn Sqallija; sabiħ ukoll dak li rajt fl-Oratorju Don Bosco u ta’ George J. Cassar fil-qalba ta’ Triq Vajrinġa. Bħas-soltu, fil-garaxx ta’ missieru, Anton Sillato ma naqasx li jagħtina presepju sabiħ li bħalu għamel ieħor fuq wieħed mill-altari tal-knisja ta’ San Franġisk; Emmaneul Grech kien responsabbli minn żewġ presepji: wieħed fit-Teatru ta’ l-Opra Aurora u ieħor f’daru fi Triq il-Kapuċċini, u hawnhekk ta’ min iżid li Manwel jagħmel ukoll il-pasturi tiegħu.Fiċ-Ċenru tal-Vokazzjonijiet fix-Xagħra reġa’ kien hemm presepju għall-wiri flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ presepji li jibnu t-tfal.Teddy Caruana, mir-Rabat imma jgħix fix-Xagħra, daħħalni nara l-presepju li bena fi Triq Vestru, kif għamel ukoll Raymond Bonello li ħafna drabi ma jżarmax xogħlu qabel ma tkun daħlet sewwa s-sena l-ġdida.Lill-Qasam tas-Subien fin-Nadur, li tant ikun imżejjen u armat sabiħ dawn il-jiem, mhux biss nifirħilhom għall-presepju kbir li jieħu kamra sħiħa imma wkoll għall-mużikal Scrooge li tawna fl-Oratorju Don Bosco, fuq kitba ta’ Joe Camilleri u mużika ta’ Antoine Theuma.Fl-istess raħal rajt il-presepju ta’ Silvan Theuma.
Inkomplu għaddejjin b’din il-karellata ta’ presepji statiċi. Lejla waħda mort Għajnsielem, fejn naħseb li marru wkoll bosta mill-qarrejja, biex inżur il-presepju ħaj li dis-sena kompla jikber.Hawnhekk ukoll rajt żewġ presepji ta’ valur: wieħed mibni mill-artist eċċellenti Pawlu Stellini taħt il-knisja parrokkjali, armat b’pasturi imprezzabbli li l-artist qed jixtri bil-mod mill-Italja (maghħufin bħala ta’ Landi); u l-ieħor ta’ Herman Mifsud, li ta’ kull sena ma nonqosx li mmur narah.Fir-raħal ċkejkuni ta’ Santa Luċija l-ħabib tiegħi Ġużepp Mizzi stedinni mmur nara żewġ presepji; xejn speċjali, imma s-sempliċità u l-ambjent jisirqulek qalbek.Ħelu l-presepju li rajna marti u jien fix-Xlendi għand ir-rettur tal-Knisja kif ukoll dak fi Triq San Bert fix-Xewkija.Fiċ-ċentru parrokkjali tal-Munxar rajna għadd ta’ presepji mit-tfal flimkien ma’ wieħed imdaqqas.Żewġ presepji fi klassi għalihom kienu dawk li rajna, wieħed iż-Żebbuġ għand David Xuereb, u l-ieħor fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fir-raħal ta’ San Lawrenz, magħruf għall-pageant spettakulari li jippreżenta lejlet il-Milied.
Presepju ħaj li ma rridx inħalli barra kien dak li rajt mimli ħajja u moviment qrib il-knisja tan-Nazzarenu fix-Xagħra, li rajt ħafna nies qed iżuruh.Fil-qrib, taħt l-istess knisja, rajt ieħor statiku sabiħ u interessanti li kien hemm snin li kien ikun ukoll bix-xita nieżla.
Ħbieb, li kont minnkom dil-kitba ma nwarrabhiex fil-ġenb wara li tinqara, imma stampawha u erfgħuha f’xi kexxun.Iż-żmien igerbeb u malli jerġa’ jfeġġ Novembru tista' tkunilkom ta’ gwida biex tmorru żżuru l-presepji.Qabel nagħlaq, ninsab ċert li ħafna minnkom sabu ħin imorru jaraw il-Wirja Annwali ta’ Presepji li tagħmel l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju f’Għawdex, li qed tospita fostna matul Mejju li ġej għadd sabiħ ta’ presepisti mill-Italja kollha biex jiġu jżuruna u jaraw il-presepji tagħna.