Tuesday, January 5, 2010:

Dil-ġimgħa f'San Ġorġ


Kunsill Pastorali Parrokkjali

Il-Kunsill Pastorali Parrokkjali tal-parroċċa ltaqa’ għat-tielet u l-aħħar laqgħa tiegħu għas-sena 2009, nhar l-Erbgħa 30 ta’ Diċembru, fis-6.00pm, fl-Awla Mons. Giuseppe Farrugia.  It-temi fuq l-aġenda kienu: post-mortem tal-programm ta’ l-Avvent u l-Milied 2009; il-proposta djoċesana ġdida għall-parroċċi kollha li tinbeda mixja kateketika mal-koppji li żżewġu fl-aħħar ħames snin, u li l-parroċċa tagħna sa tibdiha lejn nofs Marzu; u ħarsa ’l quddiem lejn ir-Randan 2010.  Fost l-oħrajn il-membri preżenti kellhom kliem ta’ apprezzament għall-mod kif ġiet organizzata n-Novena tal-Milied għat-tfal din is-sena, u għall-bidla tal-ħin għas-6.00pm, li jidher li għall-maġġoranza tal-ġenituri hu iżjed konvenjenti minn dak tal-5.00pm.  Sar aġġornament għal-laqgħa li jmiss, nhar it-28 ta’ Jannar 2010.  Fil-ġimgħat li ġejjin għandhom jiltaqgħu wkoll xi kumitati oħra tal-parroċċa, fosthom dak liturġiku u l-Kunsill Amministrattiv.

 

Festa Laternanensi ta’ San Silvestru I, Papa

Nhar il-Ħamis li għadda, 31 ta’ Diċembru 2009, kien l-aħħar jum tas-sena, u l-bażilika tagħna ċċelebrat il-festa Lateranensi tal-Papa San Silvestru I, fundatur ta’ l-arċibażilika tal-Lateran f’Ruma.  Fid-9.00am l-arċipriet Mons. Pawlu Cardona fetaħ b’Quddiesa jum ta’ adorazzjoni solenni b’radd il-ħajr lil Alla għas-sena li kienet qed tintemm.  Għaqdiet reliġjużi, gruppi spiritwali kif ukoll xi katekisti tal-parroċċa ħadu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ xi sigħat minnhom.  Imbagħad fl-4.30pm sar l-ewwel Għasar tas-solennità ta’ Marija, Omm Alla, mill-kapitlu tal-kolleġġjata.  Fil-5.00pm l-isqof Mons. Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni pontifikali bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru, li fi tmiemha tkanta t-Te Deum, b’radd il-ħajr fi tmien sena oħra, li wieħed jista’ jara filmat tiegħu fuq il-kanal tal-YouTube tal-bażilika.  Kanta l-kor Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo.  Fil-għaxija, imbagħad, bejn it-8.00 u d-9.00pm, saret velja ta’ adorazzjoni u talb fil-bażilika b’radd il-ħajr lil Alla, li tmexxiet mill-Arċipriet u tulha sar qari ta’ riflessjonijiet kif ukoll kant ta’ żmien il-Milied.  Il-funzjonijiet ta’ din il-ġurnata xxandru diretti fuq Leħen il-Belt Victoria.  Pjazza San Ġorġ kienet iċ-ċentru ta’ ħafna attività fil-lejl ta’ bejn l-aħħar u l-ewwel tas-sena, organizzata mill-kunsill lokali tal-belt.

 

L-Ewwel tas-Sena

Il-Ġimgħa, imbagħad, l-ewwel ġurnata tas-sena l-ġdida, il-Knisja ċċelebrat is-solennità tal-Verġni Marija, Omm Alla.  Din hi festa kmandata u għalhekk kien jum ta’ obbligu tal-Quddies; barra minn hekk inzertat ukoll l-ewwel Ġimgħa tax-xahar.  F’San Ġorġ il-ħin tal-Quddies kien bħal dak tal-Ħadd.  Fil-11.00am saret konċelebrazzjoni pontifikali bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru, li kienet għal darb’oħra ppreseduta mill-isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, dekan tal-kolleġġjata.  Anima l-kor tal-bażilika Laudate Pueri.  Fl-10.30am, madwar nofs siegħa qabel bdiet il-konċelebrazzjoni, fis-sagristija sar it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u t-Talb ta’ Nofs il-Jum mill-kapitlu tal-kolleġġjata.  Imbagħad, bħal f’kull okkażjoni importanti f’dawn il-jiem ta’ festi li għaddew, fl-4.30pm sar it-tieni Għasar tas-solennità mill-kapitlu.  Ħaġa li ħafna nnotaw kienet il-massa kbira ta’ nies li attendiet għall-Quddies ta’ fil-għaxija fil-bażilika f’dan il-jum.

 

Solennità ta’ l-Epifanija tal-Mulej

Nhar il-Ħadd li għadda, 3 ta’ Jannar 2010, il-Knisja għamlet is-solennità ta’ l-Epifanija tal-Mulej, li fil-parroċċa tagħna niċċelebrawha wkoll bil-festa parrokkjali ta’ Ġesù u Marija, li lilhom hi ddedikata l-kappella fejn fl-antik kien jinżamm is-Sagrament, u fejn bħalissa hemm armat il-presepju.  L-Epifanija għandha importanza maġġuri fil-kalendarju liturġiku tal-Milied.  Fil-11.00am l-isqof Mons. Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni pontifikali bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru, li fiha saret it-tħabbira tas-solennitajiet u t-tifkiriet festivi tas-sena l-ġdida li għadna kemm bdejna, minn Dun Joseph Mercieca, il-kantur uffiċjali fil-liturġiji tal-bażilika.  Qabel il-konċelebrazzjoni, fis-sagristija ta’ San Ġorġ sar it-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u t-Talb ta’ Nofs il-Jum mill-kapitlu tal-kolleġġjata.  Wara, imbagħad, saret ikla tal-ħbieb fir-refettorju tad-dar parrokkjali.

 

Ikla tal-Ħbieb

Wara l-Pontifikal ta’ nhar l-Epifanija, l-Isqof kien mistieden għal “Ikla tal-Ħbieb” fir-refettorju tad-dar parrokkjali, flimkien mal-kleru tal-parroċċa kif ukoll xi lajċi impenjati fl-uffiċċju parrokkjali.  Fost is-saċerdoti li attendew kien hemm l-arċipriet Mons. Pawlu Cardona, kif ukoll l-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, u s-seminaristi Simon M. Cachia u Samuel Grech.  L-ikel ġie mħejji minn Ċensu Fenech, bl-għajnuna ta’ persuni oħra li għenu fil-kċina.  Fi tmiem l-ikla Mons. Arċipriet għamel kelmtejn ta’ ringrazzjament u awgurju għas-sena l-ġdida lil dawk preżenti.

 

Tkompli l-Quddiesa tat-Tfal

Wara l-festi tal-Milied u ta’ l-Ewwel tas-Sena, issa jkomplu bosta attivitajiet regolari fil-parroċċa ta’ San Ġorġ.  Fosthom hemm il-Quddiesa għat-Tfal u l-Adoloxxenti, li ssir kull nhar ta’ Ħadd fil-5.00pm.  It-tfal u l-adoloxxenti, li ħafna minnhom ippakkjaw il-bażilika għall-jiem sbieħ tan-Novena tal-Milied, issa huma mistiedna flimkien mal-ġenituri tagħhom għal din il-Quddiesa li tkun apposta għalihom.

 

Ċertifikati fil-Kompetizzjoni tal-Presepji

Fil-fatt, fil-Quddiesa tat-Tfal ta’ nhar il-Ħadd li għadda, jum l-Epifanija, l-Arċipriet qassam ċertifikati ta’ partiċipazzjoni lil dawk it-tfal li ħadu sehem fil-Kompetizzjoni ta’ Presepji, Grotti u Twieqi li l-parroċċa organizzat dan il-Milied.  Il-ġurija żaret id-djar tat-tmien parteċipanti fl-aħħar jiem, u ddeċidiet li x-xogħlijiet kollha kienu sbieħ ħafna.  Il-ħsieb tal-kompetizzjoni hu li titrawwem imħabba speċjali lejn il-presepju fid-djar tal-familji tagħna.  Hu ttamat li iktar tfal jitħajru jieħdu sehem fis-snin li ġejjin.  L-inizjattiva hi qadima ħafna fil-parroċċa, iżda reġgħet tqajmet sentejn ilu.  Fi tmiem il-Quddiesa tal-Ħadd it-tfal kollha mxew f’purċissjoni lejn il-kappella ta’ Ġesù u Marija, ikantaw l-innu sabiħ Qed jinfirex mal-widien, u ħadu ritratt ta’ l-okkażjoni quddiem il-presepju tal-bażilika.

 

Strina 2010

Bħal kull sena f’dawn il-jiem tqassam envelop biex kull min jista’ jagħti donazzjoni żgħira bħala strina lill-parroċċa fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida.  L-envelop tqassam mal-bulettin ta’ din il-ġimgħa, u hu stedina lil kull familja biex tagħti d-donazzjoni tagħha lill-parroċċa tagħna.  L-envelop bl-għotja tagħkom tistgħu tibagħtuh mad-distributur tal-bulettin tat-triq tagħkom, titfgħuh mal-ġabra tal-Ħadd fil-knisja, jew inkella twassluh intom stess fl-uffiċċju parrokkjali.  Dawk li huma msefrin jistgħu jibagħtulna email fuq info@sangorg.org u ngħarrfuhom kif jistgħu jittrasferrixxu d-donazzjoni tagħhom b’mod elettroniku.  L-għotja tagħkom, żgħira kemm hi żgħira, tista’ tgħinna nibdew proġetti importanti li huma meħtieġa fil-manutenzjoni.

 

Leħen il-Belt Victoria bl-iskeda tax-Xitwa

Wara l-impenn fil-jiem festivi li għaddew, l-istazzjon komunitarju tal-parroċċa Leħen il-Belt Victoria, nhar it-Tnejn li għadda, 4 ta’ Jannar 2010, qaleb għall-iskeda ridotta tax-Xitwa.  Din l-iskeda għandha sat-13 ta’ Marzu, u fiha nsibu varjetà ta’ programmi interessanti.  Fil-fatt f’din l-iskeda nsibu wkoll xi preżentaturi u programmi ġodda, fosthom il-qari tar-rumanz ta’ Herbet Ganado, Rajt Malta tinbidel, minn George N. Cassar, Mużika u Sports ma’ Andrea Debrincat, u l-programm ta’ Stefan Scicluna Personalitajiet.  Dan ta’ l-aħħar sa jkun qed jixxandar kull nhar ta’ Sibt wara nofs in-nhar, flimkien ma’ diversi programmi oħrajn, u allura għall-ewwel darba fi skeda ridotta, is-Sibt wara nofs in-nhar Leħen il-Belt Victoria sa jibqa’ mas-semmiegħa flok ma jaqleb fuq l-istazzjon Taljan In Blu.  Aktar informazzjoni takkwistawha mill-iskeda li tqassmet mal-bulettin ta’ tmiem il-ġimgħa, kif ukoll minn fuq din il-websajt jew il-websajt tar-radju, www.lbv104.com.

 

Quddiesa b’suffraġju ta’ Mons. Tumas Curmi

Il-bieraħ, it-Tnejn 4 ta’ Jannar 2010, fil-bażilika saret konċelebrazzjoni b’suffraġju ta’ Mons. Tumas Curmi, li miet fit-28 ta’ Novembru 2009, u li jiġi ħu Mons. Manwel Curmi, saċerdot oriġinarjament mill-Fontana imma li jservi fil-parroċċa tagħna, li għal snin twal kien id-direttur tal-Caritas ta’ Għawdex u hu d-direttur tal-Fondazzjoni Arka f’Għawdex.  Din il-konċelebrazzjoni kienet fis-6.00pm u tmexxiet mill-istess Mons. Manwel Curmi.  Għal din il-Quddiesa attendew bosta qraba tal-mejjet.

 

Kalendarju 2010 u Il-Belt Victoria

Fil-bidu tal-ġimgħa l-oħra saru l-aħħar preparamenti mill-uffiċċju parrokkjali fuq il-kalendarju tal-parroċċa għall-2010.  Il-kalendarju issa lest u ilu għal dawn l-aħħar jiem għand l-A&M Print tal-Qala fejn qed jiġi stampat, u dalwaqt għandu jasal biex hekk ikun jista’ jitqassam lill-parruċċani mal-bulettin tal-Ħadd li ġej.  It-tema prinċipali li ntgħażlet din is-sena hi dik ta’ l-altar; dan għax l-2010 hi s-sena tal-ħamsin anniversarju mill-konsagrazzjoni ta’ l-altar-mejda tal-bażilika, li jinsab taħt it-tribuna.  Min-naħa l-oħra l-pubblikazzjoni bimensili Il-Belt Victoria dalwaqt tintbagħat l-istamperija.  Din hi l-aħħar edizzjoni tas-sena 2009, u għalhekk kull donazzjoni tkun apprezzata!

 

Xogħol fl-Awla Kapitulari u fil-Librerija

Wara tliet ġimgħat ta’ xogħol fl-Awla Kapitulari u fil-librerija parrokkjali, issa għadhom kemm ġew stivati l-kotba kollha fil-librerija wara li għal ħafna xhur kienu ilhom ippakkjati ġol-kaxxi fl-Awla Kapitulari.  Kien hemm madwar mitejn kaxxa li kienu ġew mogħtija bħala rigal lill-bażilika ta’ San Ġorġ minn Dun Charles Cini sdb, iben il-parroċċa.  Ix-xogħol sar taħt is-superviżjoni ta’ Mons. Feliċ Tabone u Emanuel Grima, u jgħinuhom kien hemm diversi voluntiera adoloxxenti, fosthom Dennis Tabone, Stefan Scicluna, George Formosa, Fernando Zammit u Eman Borg, li taw daqqa t’id sewwa fix-xogħol li kien meħtieġ.  Issa l-Awla Kapitulari, li hi s-sede uffiċjali tal-kapitlu residenti fil-kolleġġjata tagħna, reġgħet ħadet ir-ruħ u d-dinjità ta’ qabel wara li tneħħa minnha u ġie organizzat aħjar il-materjal li kien hemm fiha.  Fl-istess waqt is-sala ngħatat tindifa tajba u tqiegħdu f’posthom bosta oġġetti prezzjużi li fiha, bħalma hu t-tron ta’ l-isqof u kwadri ta’ pittura li jżejnuha.  Fil-fatt, nhar is-Sibt li ġej, 9 ta’ Jannar 2010, l-awla sa tinfetaħ għar-riċeviment annwali għall-benefatturi u l-kollaboraturi, fi tmiem il-festi tal-Milied.  Fil-librerija wkoll ġew stivati l-kotba kollha f’posthom u issa tista’ tibda tintuża.  Grazzi mill-qalb li dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom, kemm voluntiera u kemm benefatturi, biex, għal darb’oħra, taqsima oħra mill-kumpless tal-bażilika ta’ San Ġorġ terġa’ tiġi fuq saqajha u tibda titħaddem.

 



Printer Friendly Version
Send Article to a Friend
Comments
Name

A value is required. Invalid format.
Email Address:

A value is required. Invalid format.
Please enter the text above exactly as it appears (case sensitive)
When you click on "Submit Comment", a confirmtion email is automatically sent to the address you specified above. You will then be required to confirm this comment by clicking the link provided in this email that you will receive. Comments also need to be confirmed by the administration.
Admin Login