Almost a week after the sad demise of Mgr John Dimech (1922-2009), this website is publishing the eulogy by archpriest emeritus Mgr Joseph Farrugia at the end of his Funeral, last Friday, at St George’s basilica.You may also see our collection of photos from the Funeral High Mass.The speech is in Maltese language.
Bażilika San Ġorġ, Victoria – Il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar 2009
Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu
“Quid retribuam Domino pro omnibus quæ retribuit mihi?Calicem salutaris accipiam et nomen Domini invocabo!”.“Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ!” (Salm 16:12-13).
Dawn huma l-kelmiet qaddisa li inti, għażiż Mons. Ġwann Dimech, imnebbaħ mill-preżenza sagramentali tas-Saċerdot Divin tagħna fik, għażilt biex bihom tfisser il-misteru tal-qalb tiegħek meta, xi snin ilu, iċċelebrajt hawn, f’din il-bażilika parrokkjali tal-belt Victoria, il-ġublew tad-deheb tas-saċerdozju ministerjali tiegħek.
Dawn huma – għalhekk – il-kelmiet qaddisa li jixirqu l-lum, meta, għall-ġid kollu li għamel miegħek, lill-Mulej int qed troddlu, b’tifħir u b’ħajr, lilek innifsek fl-ubbidjenza tiegħek għas-sejħa l-aktar solenni tiegħu lilek.
Dawn, iva, huma l-kelmiet qaddisa li jien, bla ma jixraqli, irrid il-lum intenni f’ismek, f’din il-knisja venerabbli li tafek, f’riġlejn l-altar li fuqu ċċelebrajt l-ewwel quddiesa tiegħek, imdawwar b’ħuna l-kbir – Monsinjur Isqof – u l-Kapitlu Ġorġjan flimkien ma’ ħutek l-oħra s-saċerdoti li ġew minn Malta u Għawdex kollha, sostnut mill-imħabba ta’ oħtok Tessie, ta’ ħuk Joe u l-familja tiegħu u tiegħek, imweġġaħ mill-membri ta’ l-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta, u meqjum mill-ogħla awtoritajiet ta’ beltna, gżiritna u pajjiżna.
Iva…Eċċellenza Tiegħek Dr Edward Fenech Adami, President ta’ Malta, u Sinjura Fenech Adami; Sur Sindku, Robert Tabone; Onorevoli Ministru għal Għawdex, Sinjura Giovanna Debono; Eċċellenza Tiegħek Dr Alfred Caruana Galizia, President ta’ l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kavallieri ta’ Malta; ħuti fil-Kapitlu Ġorġjan u fis-saċerdozju, ħuti fi Kristu…
“Dun Ġwann” – għax hekk konna nafuh skond il-familjarità li l-karattru tiegħu kien biha janimana – issa ma jħaddimx aktar il-fakultà tal-kelma bil-fomm għax ingħata li jgawdi fakultà akbar: dik tal-kelma tal-qalb!Dawk li magħhom jitkellem biex permezz tagħhom jidħol fi djalogu m’Alla m’għadniex tant aħna, għax issa, wara li Alla għamillu s-sejħa l-kbira, hu jitkellem m’Alla wiċċ imb’wiċċ, u mbagħad, permezz ta’ mħabbtu f’Alla, magħna.
U għalhekk, ċertament li ma nkunx niżbalja jekk ngħid, kif irrid ngħid, li hu minn Alla li għall-mistoqsija tiegħek, Dun Ġwann – “Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?” – f’ismek intenni l-kelmiet ta’ l-istess salm magħżul minnek: “Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u isem il-Mulej insejjaħ!”.
Il-kalċi tas-salvazzjoni li inti minnu bdejt spiritwalment tgawdi sa mill-magħmudija tiegħek fil-knisja parrokkjali tal-Furjana, f’Malta, u li inti rċivejtu biex tgħaddi l-ġid salfiviku tiegħu lill-oħrajn meta, f’din il-belt Victoria, ordnak saċerdot l-E.T. Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien isqof ta’ Għawdex, int għollejtu fis-sagrifiċċju Ewkaristiku fi ħdan bosta u bosta komunitajiet ta’ Kristjani ta’ dawn il-gżejjer.Miegħu u bih sejjaħt isem il-Mulej, u għalhekk m’hix sejħa ġdida din li jien qed nagħmel f’ismek.Isem il-Mulej kien – kif għadu l-lum bil-wisq aktar milli qatt kien – f’qalbek, kien f’għemilek, kien fuq fommok, kien f’imħabbtek… kien f’kollha kemm hi ħajtek!
U ta’ dan ix-xhieda hi kbira.
Jixhdu għal isem il-Mulej f’qalbek dawk kollha li kellhom il-grazzja li jkunu ftit jew wisq jafuk: qrabatek, ħbiebek, is-saċerdoti ħutek, dawk kollha – saċerdoti u lajċi – li bbenefikaw minnek.
Jixhdu għall-imħabba tiegħek f’isem il-Mulej is-superjuri tiegħek, fosthom, ma nistax ma nsemmihx, il-mibki Mons. Mikiel Gonzi fiż-żmien li fih kien isqof ta’ dil-gżira u fis-snin li riedek miegħu matul l-episkopat tiegħu, episkopat twil u storikament tant sinifikattiv għal Malta.Kien jixraqlek l-unur li tak il-venerabbli Papa Pawlu VI meta għamlek Kappillan ad honorem tiegħu.
Jixhdu għall-imħabba li kellek lejn isem il-Mulej, b’mod speċjali fil-liturġija, il-Kapitlu Ġorġjan f’din il-belt Victoria u l-Kapitlu Pawlin tal-belt Valletta, il-presbyteria rispettivament tal-parroċċa Marjana ta’ Ħal Balzan u ta’ din il-parroċċa Ġorġjana, inkluża l-komunità Kristjana li tiltaqa’ fiċ-Ċentru Ta’ Kana, u tant knejjes li fihom kont tiċċelebra l-liturġija.
Jixhdu għall-qima tiegħek lejn isem il-Mulej il-membri ta’ l-Ordni Sovran Militari ta’ Malta li fi ħdanu inti kont cappellanoad honoremGran Croce.Għall-membri ta’ l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ l-Ordni inti ma kontx sempliċiment preżenza onorarja, imma kont għalliem tal-fidi, direttur spiritwali attent għall-formazzjoni, gwida li tillumina bid-dawl Kristjan il-ħidma kulturali, filantropika u ekkleżjali ta’ l-Ordni.Għandhom tabilħaqq il-kavallieri ta’ dan l-Ordni kbir għax iroddulek ħajr.Kien minħabba fik, Monsinjur Dimech, flimkien man-nutar Paul George Pisani, membru żelanti ta’ l-Ordni, li jien, fl-arċipretura tiegħi, tnebbaħt u tħeġġiġt sabiex nagħtu l-kollaborazzjoni kollha possibbli għall-ħidma ta’ l-Ordni Sovran u Militari ta’ San Ġwann fostna.
Jixhdu, iva, għal-lealtà tiegħek lejn isem il-Mulej dawn kollha li semmejt u magħhom ir-reliġjużi rġiel u nisa ta’ pajjiżna, il-ħaddiema li ħarist, iż-żgħażagħ li ħeġġiġt għal Kristu u l-Knisja, il-morda li tant ħabbejt, il-membri tal-Catenian Association li inti ridt f’Għawdex, il-membri ta’ l-Għaqda Mużikali San Gabrijel tar-raħal maħbub minnek ta’ Ħal Balzan, u tant ħutna oħra, f’oqsma oħra, li b’ferħ jixhdu għalik.
Anki jien irrid nixhed għalik.Iva, nixhed għall-imħabba tiegħek lejn isem il-Mulej, l-aħħar wieħed jien, u dan nagħmlu fir-rigward tas-snin kollha li kelli x-xorti nkun nafek… bħala saċerdot, fis-snin li għamilt arċipriet, u issa, f’dawn l-aħħar xhur… fil-ħidmiet “ġodda” tiegħi…
Jiena, u miegħi tant saċerdoti oħra… kemm fraħna bil-preżenza tiegħek u kemm tfarraġna fl-għajnuna tiegħek…Għax, ħuti, l-imħabba ta’ Monsinjur Dimech lejn isem il-Mulej kienet imħabba li konna nħossuha aħna li aħna tal-Mulej!
Dejjem spikkat fik din, “Dun Ġwann”, u jien issoktajt nagħrafha dejjem aktar fl-aħħar jiem tal-marda tiegħek – jiem ta’ eżempju!Eżempju minnek u minn dawk li kellek madwarek, fosthom oħtok Tessie, ħuk Joe u martu Marisa, qrabatek, Dr Salvinu Galea, Chris Galea u l-membri l-oħra ta’ l-Ordni li għalih inti tant stinkajt… eżempji kollha, dawn, ta’ ħajja Kristjana li għandu jgħix saċerdot u biha jnebbaħ lil dawk ta’ madwaru.
Grazzi, ngħidulek aħna lkoll, għażiż Mons. Ġwann Dimech, f’dan il-mument solenni tal-ħajja tiegħek.
Grazzi u, nitolbuk, itlob għalina kif aħna m’aħniex sa nonqsu li nitolbu għalik biex, jekk għadek m’intix fil-milja ta’ isem il-Mulej, Ġesù jilqgħek kemm jista’ jkun malajr fil-milja tal-qalb glorjuża tiegħu.
Grazzi, itlob għalina, u semmina b’imħabba ma’ Marija, Omm Alla u ommna, ma’ San Ġorġ, protettur tagħna, ma’ San Ġwann Battista, il-Beatu Ġerardu u l-qaddisin li bihom l-Ordni Sovran u Militari bir-raġun jiftaħar u li isimhom int xandart bil-kelma u l-kitba.Iva, semmina magħhom u itlobhom jidħlu huma wkoll għalina.
It-talb tiegħek u t-talb tagħna, it-talb li mexxiena fih Monsinjur Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u Dekan ta’ din il-Kolleġġjata, u t-talb li bħalissa hu tiela’ lejn is-sema mill-kappella ta’ l-Arċisqof Ortodoss Gregorios ta’ Thyateira li fl-okkażjoni tal-festi ċentinarji ta’ San Ġorġ kont ilqajtu f’darek, u t-talb ta’ tant oħrajn fost ħutek… ikun, dan it-talb, is-sehem tagħna fil-kalċi tiegħek ta’ glorja li issa qed tingħata li tgawdi.
Qed nisimgħuh il-“grazzi” tiegħek, u mal-grazzi tiegħek aħna nafu li qed jingħaqdu ħutek u l-familjari tiegħek quddiem Alla u quddiemna.Il-familja ta’ Monsinjur Dimech talbitni sabiex quddiem Alla u quddiemkom infissirha din il-gratitudni.
Gratitudni, jiġifieri talb ta’ radd il-ħajr!Tifħir lil Alla!U kelmiet ta’ faraġ irridu l-lejla nisimgħu u nsemmgħu f’dan il-mument ta’ niket li l-liturġija splendenti ta’ din il-bażilika tibdlu f’ferħ spiritwali.
“Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?”, staqsejt f’ħajtek, Monsinjur Dimech!Il-lum tajtha aktar milli qatt kont tajtha t-tweġiba għax, b’radd il-ħajr qed trodd il-kalċi tas-salvazzjoni li rċivejt mingħand il-Mulej, u fil-milja tal-kalċi ta’ radd il-ħajr qed issejjaħ isem il-Mulej li bih issa, b’mod aktar sħiħ minn qatt qabel, tinsab imżejjen!
Arrivederci, Dun Ġwann, u jkun imfaħħar Sidna Ġesù Kristu!
Photos: Saviour Deguara, Chev. Martin Micallef smom
How eloquently the esteemed Monsignor writes and how edifying his reflections! The love for, and devotion to, his Master, whom he so assiduously follows, his deep spirituality, and his concern and consideration for his fellow priests shine forth from each and every line. What a good example to strive for, each and everyone of us!
Thank you Mgr Farrugia, for sharing your thoughts with us online and thanks also to the administration for uploading the above.
Alfred Grech12-Jan-2009 09:57:32
When I read Mgr Farrugia's speeches or tributes, I'm tempted to address him as Mgr Eloquent Dr Joseph Farrugia.
It's not just his eloquent speeches that I admire but the warmth he has in his heart for his fellow priests and all those who deal with him.
Prosit Habib. Cert li Dun Gwann tbissimlek mis-sema.